Language of document : ECLI:EU:F:2012:48

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

28 ta’ Marzu 2012

Kawża F–36/10

Chiara Rapone

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Kompetizzjoni ġenerali — Kandidaturi suċċessivi f’kompetizzjoni ġenerali — Rifjut ta’ reġistrazzjoni”

Suġġett: Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu C. Rapone titlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jannulla d-deċiżjoni li permezz tagħha l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) irrifjuta li hija tippreżenta t-tieni kandidatura għall-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/177/10.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha u dawk tal-Kummissjoni.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Kompetizzjoni ġenerali — Proċedura ta’ iskrizzjoni elettronika — Impossibbiltà li tinbidel iskrizzjoni vvalidata — Kandidat li ma rriżervax tempestivament data għall-provi ta’ aċċess — Tressiq ta’ iskrizzjoni ġdida — Esklużjoni

2.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Kompetizzjoni ġenerali — Proċedura ta’ iskrizzjoni elettronika — Kandidat li vvalida l-iskrizzjoni tiegħu iżda li ma rriżervax tempestivament data għall-provi ta’ aċċess — Ostakolu għat-tressiq ta’ kandidatura ġdida qabel l-iskadenza tat-terminu għall-iskrizzjoni — Regola mhux manifestament inadatta — Obbligu li l-adozzjoni tar-regola tiġi mmotivata b’mod speċifiku — Assenza

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2)(ċ)); Regolamenti tal-Persunal, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 25)

1.      Fil-kuntest ta’ kompetizzjoni ġenerali organizzata għall-istabbiliment ta’ riżerva ta’ kandidati għall-impjieg bħala uffiċjali fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej, avviż li jispeċifika li iskrizzjoni fuq l-internet, ladarba tiġi vvalidata, ma tistax iktar tinbidel, ma għandhiex tiġi interpretata biss bħala li tinforma lill-kandidati kollha iskritti f’tali kompetizzjoni ġenerali li l-informazzjoni pprovduta waqt l-iskrizzjoni tagħhom ma tistax iktar tinbidel. Dan l-avviż għandu wkoll jinftiehem bħala li jipprekludi lill-kandidat li ma jkunx irriżerva tempestivament data għall-provi ta’ aċċess milli jressaq iskrizzjoni ġdida.

(ara l-punt 40)

2.      Fil-kuntest ta’ kompetizzjoni ġenerali organizzata għall-istabbiliment ta’ riżerva ta’ kandidati għall-impjieg bħala uffiċjali fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej, regola li tipprekludi lil kandidat li jkun ivvalida l-iskrizzjoni tiegħu fuq l-internet, iżda li ma jkunx irriżerva tempestivament data għall-provi ta’ aċċess, milli jressaq kandidatura ġdida qabel l-iskadenza tat-terminu għall-iskrizzjoni stabbilit fl-avviż tal-kompetizzjoni ma hijiex manifestament inadatta fid-dawl tal-għan segwit b’mod leġittimu mill-proċedura l-ġdida ta’ selezzjoni implementata mill-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) fl-2010 u li għandha bħala l-għan tagħha t-tħaffif tal-proċess ta’ selezzjoni u tar-reklutaġġ ta’ uffiċjali futuri.

Ġaladarba esponiet, fid-dokumenti ppubblikati fuq is-sit tal-internet tagħha li għandhom neċessarjament aċċess għalihom il-kandidati f’kompetizzjoni waqt il-validazzjoni tal-iskrizzjonijiet tagħhom, fatt li jikkostitwixxi s-sustanza tal-għanijiet segwiti mir-riforma tal-proċedura ta’ selezzjoni, l-EPSO ma għandu l-ebda obbligu li jipprovdi motivazzjoni b’mod speċifiku għall-adozzjoni ta’ tali regola.

(ara l-punti 51, 52 u 54)