Language of document : ECLI:EU:C:2016:816

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

27 ta’ Ottubru 2016 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent – Direttiva 2001/42/KE – Artikolu 2(a) u Artikolu 3(2)(a) – Kunċett ta’ “pjanijiet u programmi” – Kundizzjonijiet relatati mal-installazzjoni ta’ eoliċi stabbiliti minn digriet leġiżlattiv – Dispożizzjonijiet li b’mod partikolari jikkonċernaw miżuri ta’ sigurtà, ta’ kontroll, ta’ tiswija u ta’ garanziji finanzjarji, kif ukoll regoli dwar il-livell ta’ ħsejjes iddefiniti fir-rigward tal-assenjazzjoni taż-żoni”

Fil-Kawża C‑290/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Ġunju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Ġunju 2015, fil-proċedura

Patrice D’Oultremont et

vs

Ir-Reġjun tal-Wallonie,

fil-preżenza ta’:

Fédération de l’énergie d’origine renouvelable et alternative ASBL (EDORA),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Prechal, M. A. Rosas, C. Toader (Relatur) u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ April 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal D’Oultremont et, minn J. Sambon, avukat,

–        għall-Fédération de l’énergie d’origine renouvelable u alternative ASBL (EDORA), minn J. Sohier, S. Rodrigues, L. Levi, A. Blot u M. Chomé, avukati,

–        għall-Gvern Belġjan, minn J. Van Holm u M. Jacobs kif ukoll minn S. Vanrie, bħala aġenti, assistiti minn P. Moërynck, avukat,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u J. Traband, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M.K. Bulterman, u B. Koopman kif ukoll minn J. Langer, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn O. Beynet u C. Hermes, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-14 ta’ Lulju 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(a) u tal-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ġunju 2001, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 157).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Patrice D’Oultremont et u r-Reġjun tal-Wallonie rigward il-validità tad-digriet tal-Gvern tal-Wallonie, tat-13 ta’ Frar 2014, dwar kundizzjonijiet settorjali relatati ma’ parks eoliċi ta’ qawwa totali ta’ 0.5MW jew iktar, li jemenda d-digriet tal-Gvern tal-Wallonie tal-4 ta’ Lulju 2002 dwar il-proċedura u d-diversi miżuri ta’ eżekuzzjoni tad-digriet tal-11 ta’ Marzu 1999 dwar il-permess ambjentali u li jemenda d-digriet tal-gvern tal-Wallonie tal-4 ta’ Lulju 2002 li jistabbilixxi l-lista ta’ proġetti suġġetti għal studju ta’ effetti u ta’ installazzjonijiet u attivitajiet ikklassifikati (Moniteur belge tas-7 ta’ Marzu 2014, p. 20263, iktar ’il quddiem id-“digriet tat-13 ta’ Frar 2014”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

 Il-Konvenzjoni dwar l-evalwazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent f’kuntest transkonfinali

3        Il-Konvenzjoni dwar l-evalwazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent f’kuntest transkonfinali, iffirmata f’Espoo (il‑Finlandja) fis-26 ta’ Frar 1991 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Espoo”), ġiet approvata f’isem il-Komunità Ewropea fl-24 ta’ Ġunju 1997 u daħlet fis-seħħ fl-10 ta’ Settembru tal-istess sena (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Espoo”).

4        Skont l-Artikolu 2(7) tal-Konvenzjoni ta’ Espoo:

“L-istimi tal-impatt fuq l-ambjent stabbiliti minn din il-konvenzjoni għandhom jitwettqu, bħala kundizzjoni minima, fil-livell tal-proġett tal-attività proposta. Sa fejn xieraq, il-partijiet għandhom jippruvaw japplikaw il-prinċipji tal-istima tal-impatt fuq l-ambjent għall-politika, pjanijiet u programmi.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il‑Protokoll dwar il-Valutazzjoni Strateġika Ambjentali għall-Konvenzjoni ta’ Espoo

5        Il‑Protokoll dwar il-Valutazzjoni Strateġika Ambjentali għall-Konvenzjoni ta’ Espoo ġie ffirmat fi Kiev (l‑Ukraina), fil-21 ta’ Mejju 2003, mill-Kummissjoni, f’isem l-Komunità Ewropea (iktar ’il quddiem il‑“Protokoll ta’ Kiev”). Dan il-protokoll ġie approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/871/KE tal-20 ta’ Ottubru 2008 (ĠU 2008, L 308, p. 33).

6        L-Artikolu 13(1) tal-Protokoll ta’ Kiev jistipula:

“Kull parti għandha tiżgura li l-interessi favur l-ambjent, inklużi dawk favur is-saħħa, jiġu kkunsidrati u integrati sal-limitu li jkun xieraq fit-tħejjija tal-proposti tagħha għall-politika u l-leġiżlazzjoni li aktarx ikun ser ikollhom effetti kbar fuq l-ambjent, inkluż fuq is-saħħa.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-Konvenzjoni ta’ Århus

7        Il-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, approvata f’isem il-Komunità Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas-17 ta’ Frar 2005 (ĠU L 164M, p. 17, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Århus”) titratta wkoll l-istima ambjentali.

8        Din il-konvenzjoni tinkludi, fl-Artikolu 6 tagħha, regoli dwar il-parteċipazzjoni pubblika waqt l-awtorizzazzjoni ta’ attivitajiet. L‑Artikoli 7 u 8 tagħha jirreferu għal din il-parteċipazzjoni f’dak li jikkonċerna, rispettivament, pjanijiet, programmi, politiki u regolamenti kif ukoll regoli legalment vinkolanti oħra ta’ applikazzjoni ġenerali.

 Id-dritt tal-Unjoni

9        Skont il-premessa 4 tad-Direttiva 2001/42:

“L-istima ambjentali hi għodda mportanti biex ikunu integrati l-konsiderazzjonijiet ambjentali fil-preparazzjoni u l-adozzjoni ta’ ċerti pjanijiet u programmi li x’aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent fl-Istati Membri, minħabba li din tassigura li dawn l-effetti ta’ pjanijiet u programmi li jkunu ser jiġu mplimentati jkunu kkunsidrati matul il-preparazzjoni tagħhom u qabel l-adozzjoni tagħhom.”

10      L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva hu li jsiru disposizzjonijiet għal livell għoli ta’ protezzjoni ta’ l-ambjent u biex issir kontribuzzjoni għall-integrazzjoni tal-konsiderazzjonijiet ambjentali fil-preparazzjoni u l-adozzjoni ta’ pjanijiet u programmi bil-għan li jkun jippromwovi l-iżvilupp sostenibbli, billi jkun assigurat li, skond din id-Direttiva, issir stima [evalwazzjoni] ambjentali ta’ ċerti pjanijiet u programmi li x’aktarx ikollhom effetti sinjifikanti fuq l-ambjent.”

11      L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jistipula kif ġej:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

a)      “pjanijiet u programmi” tfisser pjanijiet u programmi, inklużi dawk ko-finanzjati mill-[Unjoni] Ewropea, kif ukoll xi modifiki li jsirulhom:

–        li huma suġġetti għall-preparazzjoni u/jew adozzjoni minn xi awtorita nazzjonali, reġjonali jew livell lokali jew li jkunu preparati minn xi awtorita għall-adozzjoni, permezz ta’ proċedura leġislattiva mill-Parlament jew il-Gvern, u

–        li huma meħtieġa permezz ta’ disposizzjonijiet leġislattivi, regolatorji jew amministrattivi;

b)      “stima ambjentali” tfisser il-preparazzjoni ta’ xi rapport ambjentali, l-għemil ta’ konsultazzjonijiet, it-teħid tal-kont tar-rapport ambjentali u r-riżultati tal-konsultazzjonijiet fit-teħid tad-deċiżjonijiet u d-disposizzjoni ta’ l-informazzjoni dwar id-deċiżjoni skond l-Artikoli 4 sa 9;

[...]”

12      Skont l-Artikolu 3(2) tal-istess direttiva:

“1.      L-istima ambjentali, skond l-Artikoli 4 sa 9, għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi msemmija fil-paragrafi 2 sa 4 li x’aktarx ikollhom effetti ambjentali sinifikanti.

2.      “Bla ħsara għall-paragrafu 3, stima [evalwazzjoni] ambjentali għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi kollha:

a)      li huma ppreparati għall-agrikoltura, il-forestrija, is-sajd, l-enerġija, l-industrija, it-trasport, l-immaniġġjar ta’ l-iskart, l-amministrazzjoni ta’ l-ilma, it-telekomunikazzjonijiet, it-turiżmu, pjanar ta’ bliet u l-kampanja jew l-użu ta’ l-art u li jistabilixxu l-qafas għall-kunsens futur għall-iżvilupp tal-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva [2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012, L 26, p. 1), ħassret u sostitwixxiet id-Direttiva 85/337 mis-17 ta’ Frar 2012], jew

[...]

3.      Pjanijiet u programmi msemmija fil-paragrafu 2 li jistabbilixxu l-użu ta’ żoni żgħar fil-livell lokali u modifiki żgħar għall-pjanijiet u l-programmi msemmija fil-paragrafu 2 jkunu jeħtieġu stima ambjentaliAs meta l-Istati Membri jistabbilixxu li dawn x’aktarx ikollhom effetti ambjentali sinifikanti.

4.      L-Istati Membri għandhom jistabilixxu jekk il-pjanijiet u l-programmi, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafu 2, li jissettjaw il-qafas għall-kunsens futur ta’ l-iżvilupp tal-proġetti, hux ser ikollhom effetti ambjentali sinifikanti.

[...]”

 Id-dritt Belġjan

13      Skont l-Artikolu 6(1) II tal-liġi speċjali tat-8 ta’ Awwissu 1980, ta’ riformi istituzzjonali (Moniteur belge tal-15 ta’ Awwissu 1980, p. 9434), ir-Reġjuni biss huma kompetenti f’dak li jikkonċerna l-protezzjoni tal-ambjent.

14      Fir-Reġjun tal-Wallonie, id-Direttiva 2001/42 ġiet parzjalment trasposta bl-Artikoli D.52 et seq tal-livre I tal-Kodiċi tal-Ambjent (Moniteur belge tad-9 ta’ Lulju 2004, p. 54654), hekk kif jirriżulta mill-Artikolu D.51/1 ta’ dan il-kodiċi.

15      L‑Artikolu D.6 tal-livre I ta’ dan il-kodiċi jiddefinixxi, fil-punt 13 tiegħu, il-“pjanijiet u programmi” bħala d-“deċiżjonijiet, bl-esklużjoni ta’ dawk imsemmija fil-[Kodiċi Wallonie tal-iżvilupp tat-territorju, tal-urbaniżmu, tal-patrimonju u tal-enerġija (Moniteur belge tad-19 ta’ Mejju 1984, p. 6939, u rettifika, Moniteur belge tal-25 ta’ Mejju 1984, p. 7636)], kif ukoll il-modifiki tagħhom, li għandhom bħala għan li jiġi ddeterminat kemm żvolġiment b’ordni ta’ azzjonijiet jew ta’ operazzjonijiet maħsuba sabiex jintlaħaq għan wieħed jew iktar speċifiċi relatati mal-kwalità tal-ambjent, kif ukoll id-destinazzjoni jew is-sistema ta’ protezzjoni ta’ żona waħda jew iktar jew ta’ sit b’mod partikolari sabiex jiġi ddefinit il-kuntest li fih l-implementazzjoni ta’ attivitajiet partikolari tista’ tiġi awtorizzata, u li:

a.      huma żviluppati u/jew adottati minn awtorità fil-livell reġjonali jew lokali, jew żviluppati minn awtorità fid-dawl tal-adozzjoni tagħhom mill-Parlament jew mill-Gvern tal-Wallonie;

b.      u huma previsti minn dispożizzjonijiet ta’ digrieti, dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew amministrattivi;

Il‑pjanijiet u programmi intiżi minn dan id-digriet jinkludu wkoll dawk li huma konfinanzjati mill-[Unjoni] Ewropea.”

16      Skont l-Artikolu 2 tiegħu, id-digriet tal-Gvern tal-Wallonie tal-11 ta’ Marzu 1999, dwar il-permess ambjentali (Moniteur belge tat-8 ta’ Ġunju 1999, p. 21114, u rettifika Moniteur belge tat-22 ta’ Diċembru 1999, p. 48280, iktar ’il quddiem id-“digriet tal-11 ta’ Marzu 1999”) huwa intiż li “jiżgura, f’perspettiva ta’ approċċ integrat ta’ prevenzjoni u ta’ tnaqqis tat-tniġġis, il-protezzjoni tal-bniedem jew tal-ambjent kontra l-perikoli, fastidji jew inkonvenjenzi li stabbiliment jista’ joħloq, direttament jew indirettament, matul jew wara l-użu”.

17      L-Artikolu 4 ta’ dan id-digriet jipprevedi:

“Il‑Gvern jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ġenerali, settorjali jew integrali sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 2. Dawn għandhom valur leġiżlattiv.

[...]

Dawn ir-regoli jistgħu jirrigwardaw b’mod partikolari:

[...]

3°      l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta regolarment lill-awtoritajiet li l-Gvern jaħtar u li tirrigwarda:

a.      l-emissjonijiet tal-istabbiliment;

b.      il-miżuri meħuda sabiex titnaqqas il-ħsara fuq l-ambjent.

[...]”

18      L-Artikolu 5 tal-imsemmi digriet jipprovdi:

“§ 1 Il‑kundizzjonijiet ġenerali japplikaw għall-installazzjonijiet u attivitajiet kollha.

“2. Il‑kundizzjonijiet settorjali japplikaw għall-installazzjonijiet u attivitajiet ta’ settur ekonomiku, territorjali jew li fih riskju partikolari jidher jew jista’ jidher.

[...]”

19      Skont l-Artikolu 1 tad-digriet tat-13 ta’ Frar 2014:

“Dawn il-kundizzjonijiet settorjali japplikaw għall-parks eoliċi, li l-qawwa totali tagħhom hija ta’ 0.5MW elettriku jew iktar, imsemmija fit-taqsimiet 40.10.01.04.02 u 40.10.01.04.03 tal-Anness I tad-[digriet tal-4 ta’ Lulju 2002 li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ġenerali ta’ użu tal-istabbilimenti msemmija mid-digriet tal-11 ta’ Marzu 1999 (Moniteur belge tal-21 ta’ Settembru 2002, p. 20264, u rettifika Moniteur belge tal-1 ta’ Ottubru 2002, p. 44152)].”

20      Skont l-Artikolu 5 tad-digriet tat-13 ta’ Frar 2014, li jidher taħt il-Kapitolu III tiegħu, intitolat “Użu”:

“Minbarra bżonnijiet għall-manutenzjoni, ebda apparat ta’ dawl ma jista’ jinxtegħel matul il-lejl f’qiegħ l-eolika u lanqas madwarha.”

21      L‑Artikolu 9 ta’ dan id-digriet, li jidher taħt l-istess Kapitolu III, huwa fformulat fit-termini li ġejjin:

“Ġewwa l-park iżda barra mill-eoliċi, il-kamp manjetiku, inerenti għall-attività u b’kejl ta’ 1.5 metru mill-qiegħ ma jistax jaqbeż il-valur limitu ta’ 100 mikrotesla.”

22      Skont l-Artikolu 10, li jidher ukoll taħt il‑Kapitolu III tal-istess digriet:

“§ 1 L-effetti tal-dellijiet stroboskopiċi maħluqa mill-funzjonament tal-eoliċi huma limitati għal 30 siegħa/sena u 30 minuta/ġurnata għal kull habitat, mibni jew debitament awtorizzat permezz ta’ permess ta’ urbaniżmu u li jkun suġġett għalihom. Dawn huma kkalkolati skont l-approċċ tal-“każ l-iktar sfavorevoli”, ikkaratterizzat mill-parametri li ġejjin:

1.      ix-xemx tiżreġ minn filgħodu sa filgħaxija (sema kontinwament ċar);

2.      l-eoliċi jiffunzjonaw b’mod permanenti (ħeffa tar-riħ dejjem fil-gamma ta’ funzjonament tal-eoliċi u disponibbiltà tagħhom sa 100 %);

3.      ir-rotor tal-eoliċi huwa dejjem orjentat perpendikularment għar-raġġi tax-xemx.

L‑operatur juża l-mezzi disponibbli kollha li jippermettu li titnaqqas l-espożizzjoni fid-dell li tirriżulta sabiex dawn il-limiti jiġu osservati.

§ 2. Dawn il-limiti ma japplikawx jekk id-dell li jinħoloq mill-funzjonament tal-installazzjoni ma jaffettwax lill-abitanti fi ħdan il-habitat tagħhom. F’dan il-każ, l-operatur jipproduċi l-prova ta’ dan permezz ta’ kwalunkwe rimedju legali.”

23      Is‑Sezzjoni I, intitolata “Regoli tal-livell tal-ħsejjes”, tal-Kapitolu V, intitolat “Ħoss”, tad-digriet tat-13 ta’ Frar 2014 b’mod partikolari tinkludi l-Artikolu 20, li jiddefinixxi l-limiti ta’ livelli relatati mal-emissjonijiet tal-ħsejjes ta’ park eoliku, u l-Artikolu 21, li jiddetermina l-valuri limiti b’mod partikolari skont żoni msejħa “żoni ta’ ppjanar”, jiġifieri parametri ġeografiċi stabbiliti abbażi ta’ pjan mill-awtoritajiet kompetenti skont l-assenjazzjoni tagħhom (żoni ta’ habitat, żoni agrikoli, żoni ta’ attività ekonomika u oħrajn).

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

24      Fil-21 ta’ Frar 2013, il-Gvern tal-Wallonie adotta “qafas ta’ referenza”, sussegwentement emendat fix-xahar ta’ Lulju tal-istess sena, li ddefinixxa rakkomandazzjonijiet għall-kostruzzjoni ta’ eoliċi fir-Reġjun tal-Wallonie. Dan l-istrument ġie kkompletat permezz ta’ dokument kartografiku li kien intiż sabiex jagħti qafas ta’ pjanifikazzjoni għall-implementazzjoni tal-programm eoliku fir-Reġjun tal-Wallonie “għall-orizzont 2020” u li kellu l-isem “karta ta’ referenza”. Din il-karta kienet suġġetta għal rapport dwar l-effetti ambjentali.

25      Inkjesta pubblika ġiet organizzata fil-komuni kollha tal-Wallonie mis-16 ta’ Settembru sat-30 ta’ Ottubru 2013. Fost id-dokumenti disponibbli għall-pubbliku waqt din l-inkjesta kien hemm, fost oħrajn, id-dokumenti msemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, jiġifieri l-qafas ta’ referenza, il-karta ta’ referenza u r-rapport dwar l-effetti ambjentali.

26      Madankollu, la l-qafas ta’ referenza u lanqas il-karta ta’ referenza ma ġew adottati definittivament.

27      Fil-frattemp, il-Gvern tal-Wallonie adotta d-digriet tat-13 ta’ Frar 2014.

28      Fis-6 ta’ Mejju 2014, P. D’Oultremont et ressqu talba intiża għall-annullament ta’ dan id-digriet quddiem il-qorti tar-rinviju, jiġifieri l-Conseil d’État (il‑Belġju). Insostenn tar-rikors tagħhom, P. D’Oultremont et iressqu, fost oħrajn, assenza ta’ konformità ta’ dan id-digriet mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2001/42, sa fejn ir-Reġjun tal-Wallonie adotta dan id-digriet mingħajr ma d-dispożizzjonijiet tiegħu kienu suġġetti għal proċedura ta’ evalwazzjoni tal-effetti u lanqas għal proċedura ta’ parteċipazzjoni pubblika.

29      Ir-Reġjun tal-Wallonie u l-intervenjenti fil-kawża prinċipali, il-Fédération de l’énergie d’origine renouvelable et alternative ASBL (EDORA), iqisu, fir-rigward tagħhom, li l-istess digriet huwa estranju għall-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi” fis-sens ta’ din id-direttiva.

30      Il-qorti tar-rinviju tindika li, minkejja preċiżazzjonijiet miġjuba mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 2010, Terre wallonne u Inter-Environnement Wallonie (C‑105/09 u C‑110/09, EU:C:2010:355), it-tweġiba għall-mistoqsija dwar jekk id-dispożizzjonijiet tad-digriet tat-13 ta’ Frar 2014 jikkostitwixxux “pjanijiet u programmi” ma hijiex immedjatament ovvja.

31      Diffikultà partikolari tinsab, skont din il-qorti, fiċ-ċirkustanza li d-dispożizzjonijiet ta’ dan id-digriet huma separati mill-qafas ta’ referenza u mill-kartografija tas-siti għall-kostruzzjoni tal-eoliċi, imsemmija fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, u li din iċ-ċirkustanza ċċaħħad lil dawn id-dispożizzjonijiet, tal-inqas parzjalment, mill-kontenut programmatiku għat-tfassil tal-produzzjoni ta’ enerġija eolika.

32      F’din il-perspettiva, id-digriet tat-13 ta’ Far 2014 ma jiddefinixxix bħala “qafas komplet” ġabra ta’ miżuri kkoordinati li jirregolaw l-użu tal-parks eoliċi sabiex jiġi ppreservat l-ambjent. Issa, skont il-qorti tar-rinviju, xorta jibqa’ l-fatt li t-teħid inkunsiderazzjoni, waqt il-ħruġ tal-awtorizzazzjonijiet, ta’ regoli ta’ dan id-digriet li b’mod partikolari jirrigwardaw il-ħsejjes u l-effetti tad-dellijiet stroboskopiċi li jirriżultaw mill-funzjonament ta’ eoliċi, neċessarjament għandu bħala konsegwenza li jiġi stabbilit il-post ta’ kostruzzjoni tal-eoliċi fir-rigward tal-habitat.

33      Jekk kellha tiġi adottata d-definizzjoni mogħtija mil-leġiżlatur reġjonali, fil-punt 13 tal-Artikolu D.6 tal-livre I tal-Kodiċi tal-Ambjent, tal-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi” mill-mument li fih huma separati mill-qafas ta’ referenza u mill-kartografija li tiddeskrivi l-postijiet li huma fl-aħjar pożizzjoni għall-kostruzzjoni tal-eoliċi, il-kundizzjonijiet settorjali ma jikkostitwixxux, skont din il-qorti, waħedhom “proċess ta’ implementazzjoni progressiva u ordnata ta’ mezzi sabiex jintlaħaq għan speċifiku marbut mal-kwalità tal-ambjent”.

34      Il-qorti tar-rinviju tippreċiża wkoll li l-kundizzjonijiet settorjali previsti mid-digriet tat-13 ta’ Frar 2014 lanqas ma jiddeterminaw id-destinazzjoni jew is-sistema ta’ protezzjoni ta’ żona waħda jew iktar jew ta’ sit. Kull park eoliku huwa inkluż, indipendentement mis-sit magħżul, bla ħsara biss għal modulazzjoni tar-regoli ta’ ħsejjes skont iż-żona skont is-settur.

35      Issa, skont din il-qorti, jidher li jirriżulta mill-Annessi I u II tad-Direttiva 2001/42, moqrija fid-dawl tal-punt 47 tas-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 2010, Terre wallonne u Inter-Environnement Wallonie (C‑105/09 u C‑110/09, EU:C:2010:355), li pjan jew programm jirrigwarda neċessarjament żona ġeografikament limitata, bħal pereżempju, iż-“żoni vulnerabbli identifikati fil-kuntest tal-ġestjoni sostenibbli tan-nitroġenu fl-agrikoltura” fis-sens tad-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE, tat-12 ta’ Diċembru 1991, dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 68) li kienet partikolarment inkwistjoni f’din is-sentenza.

36      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikoli 2(a) u 3(2)(a) tad-Direttiva [2001/42] dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent, jimplikaw li għandu jiġi kkwalifikat bħala “pjan jew programm” fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet digriet leġiżlattiv li jinkludi diversi dispożizzjonijiet relatati mal-installazzjoni ta’ turbini li jaħdmu bir-riħ, inklużi miżuri ta’ sigurtà, ta’ kontroll, ta’ tiswija u ta’ garanziji finanzjarji, kif ukoll regoli dwar il-ħsejjes iddefiniti fir-rigward taż-żoni ta’ ppjanar, liema dispożizzjonijiet jirregolaw il-ħruġ ta’ permessi amministrattivi li jagħtu d-dritt lill-persuna responsabbli mill-kostruzzjoni li twaqqaf u li topera installazzjonijiet suġġetti ipso iure għall-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent abbażi tad-dritt intern? ”

 Fuq id-domanda preliminari

37      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 2(a) u l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2001/42 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li digriet leġiżlattiv, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jinkludi diversi dispożizzjonijiet relatati mal-installazzjoni ta’ eoliċi, li għandhom jiġu osservati fil-kuntest tal-ħruġ ta’ awtorizzazzjonijiet amministrattivi li jirrigwardaw il-kostruzzjoni u l-użu ta’ tali installazzjonijiet, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi” fis-sens ta’ din id-direttiva.

38      L-ewwel nett, għandu jitfakkar li mill-premessa 4 tad-Direttiva 2001/42 jirriżulta li l-istima ambjentali hija għodda importanti biex ikunu integrati kunsiderazzjonijiet ambjentali fil-preparazzjoni u fl-adozzjoni ta’ ċerti pjanijiet u programmi.

39      Sussegwentement, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 34 tal-konklużjonijiet tagħha, id-delimitazzjoni tal-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi” fir-rigward ta’ miżuri oħra li ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2001/42 għandha ssir fir-rigward tal-għan essenzjali stabbilit fl-Artikolu 1 tagħha, jiġifieri li l-pjanijiet u programmi li x’aktarx ikollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent jiġu suġġetti għal stima ambjentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Frar 2012, Inter-Environnement Wallonie u Terre wallonne, C‑41/11, EU:C:2012:103, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Konsegwentement, fid-dawl tal-iskop ta’ din id-direttiva li jikkonsisti li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent, id-dispożizzjonijiet li jiddelimitaw il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, u b’mod partikolari dawk li jipprovdu d-definizzjonijiet tal-atti maħsuba minnha, għandhom jiġu interpretati b’mod wiesa’ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Marzu 2012, Inter-Environnement Bruxelles et, C‑567/10, EU:C:2012:159, punt 37, kif ukoll tal-10 ta’ Settembru 2015, Dimos Kropias Attikis, C‑473/14, EU:C:2015:582, punt 50).

41      Fir-rigward tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/42, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi”, li din id-dispożizzjoni tinkludi, tistabbilixxi l-kundizzjoni kumulattiva li dawn ikunu, minn naħa, ippreparati u/jew adottati minn awtorità fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali jew ippreparati minn awtorità sabiex jiġu adottati mill-parlament jew mill-gvern, permezz ta’ proċedura leġiżlattiva u, min-naħa l-oħra, meħtieġa minn liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi.

42      Mill-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li d-digriet tat-13 ta’ Frar 2014 tfassal u ġie adottat minn awtorità reġjonali, f’dan il-każ il-Gvern tal-Wallonie, u li dan id-digriet huwa meħtieġ mid-dispożizzjonijiet tad-digriet tal-11 ta’ Marzu 1999.

43      Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2001/42 jipprevedi, bla ħsara għall-Artikolu 3(3), li stima ambjentali għandha ssir għall-pjanijiet u l-programmi kollha ppreparati, fost oħrajn, għas-settur tal-enerġija u li jiddefinixxu l-kuntest li fih l-implementazzjoni tal-proġetti elenkati fl-Annessi I u II tad-Direttiva 2011/92 tista’ tiġi awtorizzata fil-futur.

44      Issa, huwa wkoll paċifiku li d-digriet tat-13 ta’ Frar 2014 jikkonċerna s-settur tal-enerġija u li jikkontribwixxi sabiex jiġi ddefinit il-qafas għall-implementazzjoni, fir-Reġjun tal-Wallonie, ta’ proġetti ta’ parks eoliċi, li jagħmlu parti mill-proġetti elenkati fl-Anness II tad-Direttiva 2011/92.

45      Fir-rigward tal-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi”, jekk dan għandu ċertament ikopri ċertu territorju, madankollu xorta jibqa’ l-fatt li ma jirriżultax la mill-formulazzjoni tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/42 u lanqas minn dik tal-Artikolu 3(2)(a) ta’ din l-istess direttiva, li dawn il-pjanijiet jew programmi għandhom ikollhom bħala għan l-iżvilupp ta’ territorju partikolari. Fil-fatt, mill-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li dawn huma intiżi, b’mod iktar wiesa’, għall-iżvilupp ta’ territorji jew ta’ żoni inġenerali.

46      Issa, skont il-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, id-digriet tat-13 ta’ Frar 2014, li jikkonċerna t-territorju tar-Reġjun tal-Wallonie kollu u l-valuri limiti li huwa jipprevedi fil-qasam ta’ ħsejjes jippreżentaw rabta stretta ma’ dan it-territorju, peress li dawn il-limiti huma ddeterminati skont tipi differenti ta’ assenjazzjoni ta’ żoni ġeografiċi kkunsidrati.

47      Fir-rigward taċ-ċirkustanza li d-digriet tat-13 ta’ Frar 2014 ma jiddefinixxix qafas biżżejjed komplet f’dak li jikkonċerna s-settur eoliku, għandu jitfakkar li l-eżami tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(a) u fl-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2001/42, sabiex jiġi stabbilit jekk digriet, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jistax jaqa’ taħt dan il-kunċett, għandu b’mod partikolari jitwettaq fid-dawl tal-għan ta’ din id-direttiva li, hekk kif jirriżulta mill-punt 39 ta’ din is-sentenza, jikkonsisti li d-deċiżjonijiet li jistgħu jkollhom effetti sinjifikattivi fuqu jiġu suġġetti għal stima ambjentali.

48      Barra minn hekk, hekk kif sostniet l-Avukat Ġenerali fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tagħha, għandhom jiġu evitati strateġiji possibbli ta’ evażjoni tal-obbligi stabbiliti mid-Direttiva 2001/42 li jistgħu jimmaterjalizzaw ruħhom minn frammentazzjoni ta’ miżuri, li għalhekk inaqqsu l-effett utli ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2012, Inter-Environnement Bruxelles et, C‑567/10, EU:C:2012:159, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Fir-rigward ta’ dan l-għan, hemm lok li jiġi rrilevat li l-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi” huwa relatat ma’ kull att li jistabbilixxi, billi jiddefinixxi regoli u proċeduri ta’ kontroll applikabbli għas-settur ikkonċernat, ġabra sinjifikattiva ta’ kriterji u ta’ modalitajiet għall-awtorizzazzjoni u għall-implementazzjoni ta’ proġett wieħed jew iktar li jistgħu jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2012, Nomarchiaki Aftodioikisi Aitoloakarnanias et, C‑43/10, EU:C:2012:560, punt 95 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

50      F’dan il-każ, hemm lok li jitfakkar li d-digriet tat-13 ta’ Frar 2014 jirrigwarda, b’mod partikolari, ir-regoli tekniċi, il-modalitajiet ta’ użu (b’mod partikolari d-dellijiet stroboskopiċi), il-prevenzjoni ta’ inċidenti u ta’ nirien (fost oħrajn il-waqfien tat-turbina), ir-regoli ta’ livell ta’ ħsejjes, it-tiswija kif ukoll il-kostituzzjoni ta’ garanziji finanzjarji għall-eoliċi. Tali regoli għandhom importanza u portata suffiċjentement sinjifikattivi għad-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet applikabbli għas-settur ikkonċernat u l-għażliet b’mod partikolari ta’ natura ambjentali magħmula permezz ta’ dawn ir-regoli huma mitluba sabiex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet li fihom il-proġetti konkreti ta’ kostruzzjoni u ta’ użu ta’ siti eoliċi jistgħu jiġu awtorizzati fil-futur.

51      Fl-aħħar nett, filwaqt li bbaża ruħu fuq il-Konvenzjoni ta’ Århus u fuq il-Protokoll ta’ Kiev, il-Gvern Franċiż jipproponi li ssir distinzjoni bejn il-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi” u dak ta’ “leġiżlazzjoni ġenerali” li taħtu jaqa’ d-digriet tat-13 ta’ Frar 2014, b’tali mod li dan tal-aħħar ma jirriżultax mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2001/42.

52      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, minn naħa, li mill-formulazzjoni stess tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(a) ta’ din id-direttiva, ikkorroborata f’dan is-sens mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li l-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi” jista’ jkopri atti normattivi adottati permezz ta’ leġiżlazzjoni jew regolament.

53      Min-naħa l-oħra, kif sostniet l-Avukat Ġenerali fil-punt 70 tal-konklużjonijiet tagħha, id-Direttiva 2001/42 tagħmel distinzjoni bejn il-Konvenzjoni ta’ Århus u l-Protokoll ta’ Kev sa fejn din id-direttiva ma tinkludix preċiżament dispożizzjonijiet speċifiċi relatati ma’ politiki jew ma’ leġiżlazzjonjiet ġenerali li jeħtieġu delimitazzjoni fir-rigward ta’ “pjanijiet u programmi”.

54      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-domanda magħmula għandha tiġi risposta li l-Artikolu 2(a) u l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2001/42 għandhom jiġu interpretati fis-sens li digriet leġiżlattiv, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jinkludi diversi dispożizzjonijiet relatati mal-installazzjoni ta’ eoliċi, li għandhom jiġu osservati fil-kuntest tal-ħruġ ta’ awtorizzazzjonijiet amministrattivi li jirrigwardaw il-kostruzzjoni u l-użu ta’ tali installazzjonijiet, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi”, fis-sens ta’ din id-direttiva.

 Fuq l-ispejjeż

55      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla), taqta’ u tiddeċiedi:

L‑Artikolu 2(a) u l-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2001/42 tal-Parlament Ewoprew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ġunju 2001, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent, għandhom jiġu interpretati fis-sens li digriet leġiżlattiv, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jinkludi diversi dispożizzjonijiet relatati mal-installazzjoni ta’ eoliċi, li għandhom jiġu osservati fil-kuntest tal-ħruġ ta’ awtorizzazzjonijiet amministrattivi li jirrigwardaw il-kostruzzjoni u l-użu ta’ tali installazzjonijiet, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “pjanijiet u programmi”, fis-sens ta’ din id-direttiva.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.