Language of document :

Appell ippreżentat fil-25 ta’ Jannar 2019 minn Axa Mediterranean Holding, S.A. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) fil-15 ta’ Novembru 2018 fil-Kawża T-405/11, Axa Mediterranean vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-54/19 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Appellanti: Axa Mediterranean Holding, S.A. (rappreżentanti: J. Buendía Sierra, E. Abad Valdenebro, R. Calvo Salinero, A. Lamadrid de Pablo, abogados)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Novembru 2018;

tilqa’ r-rikors għal annullament u tannulla definittivament id-deċiżjoni kkontestata; u

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Fil-15 ta’ Novembru 2018, il-Qorti Ġenerali tat sentenza fil-Kawża T-4057/11, Axa Mediterranean Holding, S.A vs Il-Kummissjoni Ewropea 1 , li kontriha huwa indirizzat dan l-appell. Is-sentenza ċaħdet ir-rikors tal-appellant kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-12 ta’ Jannar 2011 2 , dwar l-“avvjament finanzjarju” irregolat fl-Artikolu 12.5 tal-Ley de Impuesto sobre Sociedades (il-Liġi Spanjola dwar it-Taxxa fuq il-Kumpanniji).

Insostenn tar-rikors tagħha, l-appellanti tinvoka aggravju uniku, dwar żbalji ta’ liġi li fiha s-sentenza appellata fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, fir-rigward tal-kunċett ta’ “selettività”.

B’mod partikolari, l-appell jallega li s-sentenza appellata wettqet żball:

-    fid-determinazzjoni tas-sistema ta’ riferiment fl-ewwel fażi tal-analiżi tas-selettività;

-    fid-determinazzjoni tal-għan abbażi tiegħu jitqabblu d-diversi sitwazzjonijiet ta’ fatt u ta’ liġi fit-tieni fażi tal-analiżi tas-selettività;

-    konsegwentement, hija wettqet ukoll żball fl-attribuzzjoni tal-oneru tal-prova u fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità;

-    sussidjarjament, fl-analiżi tagħha fir-rigward tal-allegata assenza ta’ prova tal-kawżalità bejn l-impossibbiltà tal-impriżi li jamalgamaw barra l-pajjiż u l-akkwist ta’ ishma barra l-pajjiż; u

-    sussidjarjament, meta eskludiet is-separabbiltà tal-miżura abbażi tal-perċentwali ta’ kontroll.

-    Flimkien maż-żamma ta’ raġunament ġuridikament inkorrett, is-sentenza tissostitwixxi f’diversi minn dawn il-punti r-raġunament tad-deċiżjoni b’raġunament tagħha, u b’hekk twassal għal żbalji addizzjonali ta’ liġi.

____________

1 Sentenza tal-15 ta’ Novembru 2018, Axa Mediterranean vs Il-Kummissjoni (T-405/11, mhux ippubblikata, EU:T:2018:780).

2 Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/282/UE tat-12 ta’ Jannar 2011 dwar l-amortizzazzjoni tat-taxxa tal-avvjament finanzjarju għal akkwiżizzjonijiet ta’ ishma barranin Nru C 45/07 (ex NN 51/07, ex CP 9/07) implimentata minn Spanja (ĠU 2011, L 135, p. 1).