Language of document :

Rikors ippreżentat fl-1 ta' Ġunju 2011 - ZZ vs Il-Kummissjoni

(Kawża F-63/11)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: ZZ (rappreżentanti: S. Rodrigues, A. Blot u C. Bernard-Glanz, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Suġġett

Annullament tad-deċiżjoni impliċita li ma jiġġeddidx il-kuntratt ta' membru tal-persunal temporanju tar-rikorrent.

Talbiet tar-rikorrent

jannulla d-deċiżjoni impliċita, adottata fit-12 ta' Awwissu 2010, mid-Direttur Ġenerali tal-OLAF, fil-kwalità tiegħu ta' Awtorità Responsabbli għall-Konklużjoni tal-Kuntratti tal-Impjieg, li ma jġeddidx il-kuntratt tar-rikorrent, kif jirriżulta b'mod partikolari min-nuqqas ta' risposta għat-talba li dan tal-aħħar indirizza lilu fit-12 ta' April 2011;

sa fejn huwa neċessarju, jannulla d-deċiżjoni, adottata fit-22 ta' Frar 2011, mill-Awtorità Responsabbli għall-Konklużjoni tal-Kuntratti tal-Impjieg, li biha ċaħdet l-ilment imressaq mir-rikorrent taħt l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal;

konsegwentement, jirreintegra lir-rikorrent fil-funzjonijiet li kellu fi ħdan l-OLAF, fil-kuntest tat-tiġdid tal-kuntratt tiegħu skont l-eżiġenzi statutorji;

sussidjarjament, u fil-każ li ma tintlaqax it-talba għal reintegrazzjoni magħmula hawn fuq, jikkundanna lill-konvenut għall-ħlas ta' kumpens għad-dannu materjali subit mir-rikorrent, stmat provviżorjament ex aequo et bono fid-differenza tar-remunerazzjoni li kien jirċievi bħala membru tal-persunal tempornaju fi ħdan l-OLAF u l-pożizzjoni li jokkupa attwalment (jiġifieri madwar EUR 3 000 fix-xahar), għal kull xahar li għadda matul l-istess perijodu tal-kuntratt tal-bidu tiegħu (4 snin), u dan lil hinn mill-ipoteżi li fiha l-imsemmi kuntratt setgħa jiġġedded għat-tielet darba, li kien jagħtih id-dritt għal kuntratt permanenti;

f'kull każ, jikkundanna lill-konvenut għall-ħlas ta' somma ffissata provviżorjament u ex aequo et bon għal EUR 5 000, bħala kumpens għad-dannu morali, bl-interessi moratorji bir-rata legali li jibdew jiddekorru mid-data tas-sentenza li tingħata;

jikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

____________