Language of document :

Rikors ippreżentat fl-24 ta' Mejju 2011 - ZZ vs UASI

(Kawża F-59/11)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: ZZ (rappreżentanti: R. Adam u P. Ketter, avukati)

Konvenut: UASI

Suġġett u deskrizzjoni tal-kawża

Fl-ewwel lok, l-annullament tad-deċiżjoni li tirrifjuta t-tieni tiġdid tal-kuntratt inizjali bħala membru tal-persunal temporanju tar-rikorrent u, fit-tieni lok, l-annullament tal-kuntratt il-ġdid tiegħu bħala membru tal-persunal temporanju, kif ukoll talba għad-danni.

Talbiet tar-rikorrent

Jannulla d-deċiżjoni tal-President tal-UASI tad-29 ta' Settembru 2010 li tirrifjuta t-tieni tiġdid tal-kuntratt tiegħu bħala membru tal-persunal temporanju inizjalment konkluż fis-16 ta' Lulju 2005;

jannulla l-kuntratt bħala membru tal-persunal temporanju għal żmien determinat konkluż fl-1 ta' Awwissu 2010 minħabba li tali kuntratt jikkostitwixxi fir-realtà t-tieni tiġdid tal-kuntratt inizjali ċċitat iktar 'il fuq;

jannulla d-deċiżjoni tal-President tal-UASI tat-18 ta' Frar 2011;

jikkonstata l-eżistenza ta' relazzjoni ta' xogħol għal żmien indeterminat;

alternattivament, jannulla l-kwalifikazzjoni legali tal-kuntratt inizjali konkluż fis-16 ta' Lulju 2005 kif ukoll tad-data tal-iskadenza tiegħu stabbilita, wara t-tiġdid, bħala s-16 ta' Lulju 2010, u l-kwalifikazzjoni mill-ġdid tal-kuntratt bħala kuntratt ta' reklutaġġ għal żmien indeterminat, jew inkella jikkonstata tali reklutaġġ għal żmien indeterminat;

alternattivament, jannulla l-kwalifikazzjoni legali tal-kuntratt konkluż fl-1 ta' Awwissu 2010 kif ukoll tad-data tal-iskadenza tiegħu stabbilita bħala l-1 ta' Awwissu 2013 u l-kwalifikazzjoni mill-ġdid tal-kuntratt bħala kuntratt ta' reklutaġġ għal żmien indeterminat, jew inkella jikkonstata tali għal reklutaġġ għal żmien indeterminat;

jikkundanna lill-konvenut għall-kumpens tad-danni kemm dawk materjali kif ukoll dawk morali sofferti mir-rikorrent minħabba l-aġir tal-UASI, li qegħdin jiġu kkwantifikati proviżorjament, mingħajr kwalunkwe rikonoxximent u bir-riżervi kollha b'mod partikolari b'dik dwar iż-żieda tat-talba fil-mori tal-kawża, bħala EUR 6 113.79 għad-danni materjali u EUR 30 000.00 għad-danni morali;

sussidjarjament, u fil-każ remot li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jasal għall-konklużjoni li minkejja li sar kuntratt ta' reklutaġġ għal żmien indeterminat, ir-relazzjoni ta' xogħol kienet spiċċat fis-16 ta' Lulju 2010 - li ma huwiex aċċettat -, jagħti danni għal xoljiment abbużiv tar-rabta kuntrattwali;

b'mod iktar sussidjarju, u fil-każ remot li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jasal għall-konklużjoni li ebda riklassifikazzjoni u ebda konstatazzjoni ta' reklutaġġ għal żmien indeterminat ma huma possibbli - li ma huwiex aċċettat -, jagħti danni għad-dannu mġarrab mir-rikorrenti minħabba l-aġir delittwali tal-UASI;

jirriżerva lir-rikorrent id-drittijiet, ir-rimedji, il-mezzi u l-azzjonijiet l-oħra kollha, u b'mod partikolari l-kundanna tal-UASI għad-danni konnessi mad-dannu mġarrab;

jirriżerva lir-rikorrent id-dritt li jippreżenta bi kwalunkwe mezz legali u b'mod partikolari permezz ta' xhieda l-fatti esposti fil-każ preżenti,

jikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.

____________