KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
CRUZ VILLALÓN
ippreżentati fit-3 ta’ Frar 2011 (1)
Kawża C‑446/09
Koninklijke Philips Electronics NV
vs
Lucheng Meijing Industrial Company Ltd
Far East Sourcing Ltd
Röhlig Hong Kong Ltd
Röhlig Belgium NV
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank van eerste aanleg te Antwerpen (il-Belġju)]
Kawża C‑495/09
Nokia Corporation
vs
Her Majesty's Commissioners of Revenue and Customs
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Court of Appeal of England and Wales (ir-Renju Unit)]
“Merkanzija mqiegħda taħt il-proċedura ta’ tranżitu estern – Drittijiet ta’ proprjetà intellettwali – Regolament (KE) Nru 3295/94 u r-Regolament (KE) Nru 1383/2003 – Trattament ta’ merkanzija fi tranżitu daqslikieku kienet merkanzija prodotta fit-territorju tal-Unjoni (‘finzjoni tal-produzzjoni’) – Kundizzjonijiet li jirregolaw l-azzjoni mill-awtoritajiet tad-dwana f’każijiet fejn il-merkanzija fi tranżitu hi ffalsifikata jew pirata – Suspettat ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali”
Werrej
I – Introduzzjoni
II – Il-kuntest ġuridiku
A – Ir-Regolament Nru 3295/94
B – Ir-Regolament Nru 1383/2003
III – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
A – Il-kawża Philips
B – Il-kawża Nokia
IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
V – Osservazzjoni preliminari: similaritajiet u differenzi bejn il-kawżi Nokia u Philips
VI – Analiżi tad-domandi preliminari għal deċiżjoni preliminari fil-kawża Philips
A – “Il-finzjoni tal-produzzjoni” ma tistax tigi inferita mill-kliem tad-dispożizzjoni li fuqha hija bbażata
B – L-interpretazzjoni proposta minn Philips tmur lil hinn mill-għanijiet tar-regolament dwar id-dwana
C – Fl-analiżi finali, il-ġurisprudenza preċedenti ma tappoġġax “il-finzjoni tal-produzzjoni”
D – Konklużjoni
VII – Analiżi tad-domanda preliminari fil-kawża Nokia
A – Kunsiderazzjonijiet preliminari
B – L-Artikoli 1,4 u 9 jintroduċu kriterju speċifiku li jiġġustifika t-teħid ta’ azzjoni:
C – L-awtoritajiet tad-dwana ma jistgħux jantiċipaw x’sejra tkun id-deċiżjoni dwar is-sustanza
D – Rekwiżiti eċċessivi ta’ provi jistgħu jġibu fix-xejn il-qasam tal-applikazzjoni tar-Regolament
E – Ir-Regolament jintroduċi l-kriterju tas-‘suspett’
VIII – Konklużjoni
A – Għad-domanda preliminari mressqa mir-Rechtbank van eerste aanleg te Antwerpen (Kawża Ċ‑446/09)
B – Għad-domanda mressqa mill-Court of Appeal of England and Wales (Kawża Ċ-495/09)
C – Merkanzija mhux Komunitarja li jkollha trade mark Komunitarju suġġetta għas-sorveljanza doganali fi Stat Membru u li hija fi tranżitu minn pajjiż terz għal ieħor tista’ tinqabad mill-awtoritajiet tad-dwana jekk ikun hemm raġuni suffiċjenti fuq suspett illi dik il-merkanzija hija falza u li, b’mod partikolari, li ser titqiegħed fis-suq tal-Unjoni Ewropea, jew b’mod konformi ma’ proċedura tad-dwana jew permezz ta’ diverżjoni illegali.
1. F’dawn iż-żewġ kawżi magħquda, żewġ qrati nazzjonali ressqu domanda preliminari kull waħda dwar l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea li tirregola l-azzjoni mill-awtoritajiet tad-dwana kontra ksur possibbli tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.
2. B’mod iżjed speċifiku, iż-żewġ kawżi jikkonċernaw merkanzija allegatament falsifikata jew pirata li kienet fis-sitwazzjoni tad-dwana ta’ “transitu estern”, aspett tal-arranġamenti tas-sospensjoni tad-dazju tad-dwana li, skont l-Artikolu 91(1)(a) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità (2), jippermetti “l-moviment minn punt għall-ieħor fit-territorju doganali tal-Komunità ta’ [...] merkanzija mhux tal-Komunità, mingħajr ma dik il-merkanzija tkun soġġetta għal dazji fuq l-importazzjoni u ħlasijiet oħra jew għal miżuri ta’ politika kummerċjali”. Skont il-ġurisprudenza, “tranżitu estern” hu bbażat fuq finzjoni legali, peress li l-proċedura sħiħa tiżvolġi daqslikieku l-merkanzija mhux tal-Komunità qatt ma kienet daħlet fit-territorju ta’ Stat Membru (3).
3. Fl-ewwel kawża, Koninklijke Philips Electronics NV vs Lucheng Meijing Industrial Company Ltd et, C-446-09 (iktar ’il quddiem “Philips”), ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali qalet li, bħala parti mill-finzjoni legali li hija s-sitwazzjoni ta’ tranżitu estern, finzjoni legali oħra – l-hekk imsejħa ‘finzjoni tal-produzzjoni’ – tapplika, skont hi, li merkanzija mhux tal-Komunità tiġi ttrattata daqslikieku ġiet immanifatturata fl-Istat Membru li fih tinsab u tiġi, għaldaqstant, suġġetta għal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali fis-seħħ f’dak l-Istat Membru. Dan għaldaqstant jevita l-oneru li jiġi ppruvat li l-oġġetti kkonċernati jiġu nnegozjati fl-Unjoni, kundizzjoni li, bħala prinċipju, hija inevitabbli għall-finijiet tal-kisba tal-protezzjoni tal-forom kollha ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali.
4. Fit-tieni kawża, Nokia Corporation vs Her Majesty’s Commissioners of Revenue et, C-495/09 (iktar ’il quddiem “Nokia”), l-awtoritajiet tad-dwana tar-Renju Unit ċaħdu l-applikazzjoni għall-qbid ta’ xi merkanzija li dehret li hi ffalsifikata, u argumentaw li d-destinazzjoni tagħha kienet il-Kolombja u li ma kienx hemm provi li kienet se tiġi mxerrda fis-suq tal-Unjoni Ewropea. Il-qorti li għamlet id-domanda preliminari titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tgħid jekk din hijiex kwistjoni li hija essenzjali li għandha tiġi stabbilita sabiex il-merkanzija tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “pirata” għall-finijiet tal-leġiżlazzjoni tad-dwana u, fil-qosor, sabiex l-awtoritajiet tad-dwana jkunu jistgħu jżommu dawn l-oġġetti.
5. Għaldaqstant, dawn il-kawżi magħquda se jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddetermina jekk ir-regolamenti tad-dwana kellhomx effett dwar ir-regoli sostantivi li jirregolaw il-proprjetà intellettwali fil-kuntest tal-merkanzija fi tranżitu jew le u kif ukoll l-azzjoni li jistgħu jieħdu l-awtoritajiet tad-dwana b’rabta mal-merkanzija fi tranżitu, fuq sfond ta’ ġurisprudenza pjuttost konfuża.
I – Il-kuntest ġuridiku
6. Dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw il-leġiżlazzjoni li tirregola l-azzjoni mill-awtoritajiet tad-dwana kontra ksur possibbli tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.
7. B’mod partikolari, il-kawża Philips tikkonċerna r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3295/94, tat-22 ta’ Diċembru 1994, li jistabbilixxi miżuri dwar id-dħul, l-esportazzjoni, l-esportazzjoni mill-ġdid mill-Komunità ta’ merkanzija li tikser ċerti drittijiet ta’ proprjetà intellettwali (iktar ’il quddiem “ir-Regolament tad-Dwana” l-antik jew “ir-Regolament tal-1994”) (4). Min-naħa l-oħra, fis-sentenza C‑495/09 Nokia, il-leġiżlazzjoni applikabbli hija r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003, tat-22 ta’ Lulju 2003, li jikkonċerna azzjoni doganali kontra merkanziji suspettati li jiksru ċerti drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u l-miżuri li għandhom jittieħdu kontra merkanzija li jinsabu li jkunu kisru dawk id-drittijiet (“Ir-Regolament tad-Dwana l-antik jew ir-Regolament tad-Dwana l-ġdid” jew “ir-Regolament tal-2003”) (5), li ħassar u ssostitwixxa r-regolament preċedenti.
8. Iż-żewġ regolamenti ġew adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 133 KE (6), relatat mal-politika kummerċjali komuni, li l-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi: ‘Il-politika kummerċjali komuni għandha tkun ibbażata fuq prinċipji uniformi, partikolarment fir-rigward ta’ tibdil fit-tariffi, il-konklużjoni ta’ ftehim dwar tariffi u kummerċ, il-kisba ta’ uniformità f’miżuri ta’ liberalizzazzjoni, il-politika ta’ l-esportazzjoni u miżuri biex jipproteġu l-kummerċ bħal dawk li jittieħdu f’każi ta’dumping u fil-każ ta’ sussidji’ (7).
9. Kemm ir-regolamenti tad-dwana antiki u ġodda jiddefinixxu l-ambitu tagħhom billi jagħmlu riferiment għas-sitwazzjonijiet tad-dwana differenti applikabbli għal merkanzija li fil-konfront tagħha tista’ tittieħed azzjoni u billi jiġi definit, għal dawn il-finijiet, il-kunċett ta’ ‘merkanzija li tikser dritt ta’ proprjetà intellettwali’.
10. Iż-żewġ regolamenti jipprovdu għal azzjoni inizjali minn qabel mill-awtoritajiet tad-dwana (l-Artikolu 4 taż-żewġ regolamenti), segwiti minn opportunità għad-detentur tad-dritt li jissottometti applikazzjoni għal azzjoni (l-Artikolu 3 tar-regolament l-antik u l-Artikolu 5 tar-regolament il-ġdid), l-aċċettanza tal-applikazzjoni, l-adozzjoni tal-miżuri xierqa u, skont xi jkun il-każ, il-bidu tal-proċeduri sostantivi quddiem l-awtorità kompetenti.
A – Ir-Regolament Nru 3295/94 (8)
11. L-Artikolu 1 jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament:
“1. Dan ir-Regolament jippreskrivi:
a) il-kondizzjonijiet li fuqhom l-awtoritajiet tad-dwana għandhom jieħdu azzjoni fejn l-oġġetti suspettati li huma l-oġġetti riferiti fil-paragrafu 2(a) ikunu:
– iddaħħlu għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa, l-esportazzjoni jew l-esportazzjoni mill-ġdid, bi qbil ma’ l-Artikolu 61 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru li jistabbilixxi l-Kodiċi tad-Dwana tal-Komunità,
– instabu waqt tfitxija ta’ l-oġġetti taħt is-sorveljanza tad-dwana fit-tifsira ta’ l-Artikolu 37 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tqiegħdu taħt proċedura sospensiva fit-tifsira ta’ l-Artikolu 84(1)(a) ta’ dan ir-Regolament, ġew esportati mill-ġdid soġġetti għan-notifika jew imqiegħda f’żona ħielsa jew f’maħżen ħieles fit-tifsira ta’ l-Artikolu 166 miġjub fih; u
b) il-miżuri li għandhom jittieħdu mill-awtoritajiet kompetenti rigward dawn l-oġġetti fejn ikun ġie stabbilit illi huma tassew l-oġġetti riferiti fil-paragrafu (2)(a).
2. Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:
a) ‘oġġetti li jiksru d-dritt tal-proprjetà intellettwali’ tfisser:
– ‘oġġetti falzifikati’, jiġifieri:
– l-oġġetti, inklużi l-pakkeġġ tagħhom, li mingħajr awtorizzazzjoni jġorru trade mark li hija identika mat-trade mark validament reġistrata rigward l-istess tip ta’ oġġetti, jew li ma jistgħux jingħarfu fl-aspetti essenzjali tagħhom minn din it-trade mark, u li għalhekk jiksru d-drittijiet tal-possessur tat-trade mark msemmija skond il-liġi tal-Komunità jew il-liġi ta’ l-Istat Membru fejn issir l-applikazzjoni għal azzjoni mill-awtoritajiet tad-dwana,
– ‘oġġetti pirati’, jiġifieri: oġġetti li huma jew fihom ġo fihom kopji magħmula mingħajr il-kunsens tal-possessur tad-dritt ta’ l-awtur jew drittijiet viċini, jew tal-possessur tad-dritt tad-disinn, sewwa jekk reġistrati skond il-liġi nazzjonali u sewwa jekk le, jew ta’ persuna awtorizzata kif mistħoqq minn dan il-possessur fil-pajjiż tal-produzzjoni, il-fatt li jiġu magġhmula’ dawn il-kopji jikser id-dritt imsemmi skond il-liġi tal-Komunità jew il-liġi ta’ Stat Membru li fih issir l-applikazzjoni għal azzjoni mill-awtoritajiet tad-dwana.
[…]”.
12. Skont l-Artikolu 6:
“1. Jekk l-uffiċċju tad-dwana fejn tkun intbagħtet id-deċiżjoni li tilqa’ l-applikazzjoni tad-detentur ta’ dritt skond l-Artikolu 5 ikun sodisfatt, wara li jkun ikkonsulta lill-applikant jekk ikun hemm bżonn, li l-oġġetti li jaqgħu taħt waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1)(a) jaqblu mad-deskrizzjoni ta’ l-oġġetti riferiti fl-Artikolu 1(2)(a) li jkunu jinsabu f’dik id-deċisjoni, huwa għandu jew jissospendi ir-rilaxx ta’ l-oġġetti jew iżommhom. […]
2. Il-liġi fis-seħħ fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-oġġetti jitpoġġew f’waħda mis-sitwazzjonijiet msemmija fl-Artikolu 1(1)(a) għandha tapplika fir-rigward ta’:
a) riferenza lill-awtorità kompetenti sabiex din tieħu deċiżjoni sostantiva u notifikazzjoni immedjata lis-servizz ta’ dwana jew uffiċċju msemmi fil-paragrafu 1 dwar dik ir-riferenza, sakemm ir-riferenza ma tkunx saret minn dak is-servizz jew uffiċċju;
b) it-teħid tad-deċisjoni li għandha tittieħed minn dik l-awtorità. Fin-nuqqas ta’ regoli Komunitarji f’dan ir-rigward, il-kriterji li għandhom jintużaw sakemm tintlaħaq dik id-deċiżjoni għandhom ikunu l-istess bħal dawk użati biex jiġi stabbilit jekk l-oġġetti mmanufatturati fl-Istat Membru konċernat jiksrux id-drittijiet tad-detentur. […]”
B – Ir-Regolament Nru 1383/2003
13. L-Artikolu 1 jipprovdi dan li ġej:
“1. Dan ir-Regolament jistipula l-kondizzjonijiet għall-azzjoni mill-awtoritajiet doganali fejn il-merkanzija tkun suspettata li tikser id-dritt ta’ proprjetà intellettwali fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:
a) fejn jiddaħħlu għar-rilaxx f’ċirkolazzjoni ħielsa, esportazzjoni jew esportazzjoni mill-ġdid skond l-Artikolu 61 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità;
b) fejn dawn jinstabu matul verifiki fuq merkanzija li tidħol jew tħalli t-territorju doganali tal-Komunità skond l-artikoli 37 u 183 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92, jitqedħdu taħt proċedura sospensiva skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 84(1)(a) ta’ dak ir-Regolament, ikunu fil-proċess li jiġu esportati mill-ġdid suġġetti għan-notifikazzjoni taħt l-Artikolu 182(2) ta’ dak ir-Regolament jew jitqegħdu f’żiona ħielsa jew magazzinaġġ ħieles skond l-Artikolu 166 ta’ dak ir-Regolament.
2. Dan ir-Regolament jiffissa ukoll il-miżuri li għandhom jittieħdu mill-awtoritajiet kompetenti fejn il-merkanzija msemmija fil-paragrafu 1 tinstab li tkun tikser id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali.”
14. L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1383/2003 jiddefinixxi “merkanzija li tikser dritt ta’ proprjetà intellettwali” għall-finijiet tar-regolament:
“a) ‘merkanzija falza’ jiġifieri:
i) merkanzija, inkluż pakkeġġar, li ikun jġorru mingħajr awtorizzazzjoni trejdmark identika għal trejdmark validament reġistrata fir-rigward ta’ l-istess tip ta’ merkanzija, jew li ma tkunx tista’ tiġi distinta fl-aspetti essenzali tagħha minn dik il-trejdmark, u li b’hekk tikser id-drittijiet tad-detentur tal-trejdmark taħt il-liġi tal-Komunità, kif hemm provvidiment dwar dan fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993 dwar il-marki tal-kummerċ tal-Komunità jew il-liġi ta’ l-Istat Membru li fih l-applikazzjoni għall-azzjoni issir mill-awtoritajiet doganali, […]
b) ‘merkanzija kkupjata’ […]”.
15. L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 1383/2003 jirregola l-kundizzjonijiet għal azzjoni mill-awtoritajiet tad-dwana. L-Artikolu 9(1) jipprovdi dan li ġej: “Fejn uffiċċju doganali li lilu tkun intbgaħtet mid-detentur tad-dritt id-deċiżjoni li tingħata applikazzjoni skond l-Artikolu 8 ikunu sodisfatt, wara li jikkonsulta ma’ l-applikant fejn meħtieġ, li merkanzija f’xi waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) ikunu suspettati li jiksru dritt ta’ proprjetà intellettwali kopert b’dik id-deċiżjoni, huwa għandu jissospendi r-rilaxx tal-merkanzija u iżommha. […]”
16. Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1383/2003, “[i]l-liġi fis-seħħ fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-merkanzija tkun mqegħda f’xi waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) għandha tgħodd meta jiġi deċiż jekk dritt ta’ proprjetà intellettwali ikunx inkiser taħt il-liġi nazzjonali. […]”
II – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
A – Il-kawża Philips
17. Fis-7 ta’ Novembru 2002, l-Antwerpse Opsporingsinspectie van de Administratie der Douane en Accijnzen (Spettorat tal-investigazzjonijiet ta’ Antwerp tal-Amministrazzjoni Belġjana tad-Dwana u d-Dazju) żammet konsenja ta’ shavers minn Shanghai. Il-merkanzija kienet issuspettata li tikser id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ta’ Koninklijke Philips Electronics NV (“Philips”), b’mod partikolari r-reġistrazzjonijiet tad-disinn internazzjonali għal shavers li ġew irreġistrati fir-rigward (inter alia) tal-Benelux mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) taħt in-numri DM-034.562, fid-9 ta’ Ġunju 1995, u DM-045.971, fid-29 ta’ Lulju 1998, flimkien mad-drittijiet tal-awtur fid-dehra esterna tax-shavers.
18. Fit-12 ta’ Novembru 2002, ir-rikorrenti ssottomettiet applikazzjoni ġenerali għal azzjoni quddiem is-Centrale Administratie der Douane en Accijnzen te Brussel (Amministrazzjoni Ċentrali tad-Dwana u d-Dazju, Brussell). Din l-applikazzjoni ġiet aċċettata fit-13 ta’ Novembru 2002.
19. L-awtoritajiet tad-dwana mbagħad bagħtu lil Philips ritratt tal-‘Golden Shaver’ u informawha li l-kumpanniji li ġejjin kienu involuti fil-manifattura jew il-kummerċ tax-shavers miżmuma: Lucheng Meijing Industrial Company Ltd, fabbrikant Ċiniż tax-shavers; Far East Sourcing Ltd, stabbilita f’Hong Kong, li tibgħat il-merkanzija bil-baħar; Röhlig Hong Kong Ltd, il-burdnara għall-merkanzija f’Hong Kong, li taġixxi fuq l-istruzzjonijiet tad-dikjarant jew id-destinatarju tal-merkanzija; Röhlig Belgium NV, il-burdnara fil-Belġju, li taġixxi fuq l-istruzzjonijiet tad-dikjarant jew id-destinatarju tal-merkanzija.
20. Fid-dikjarazzjoni tad-dwana maħruġa mir-rappreżentant ta’ Röhlig Belgium NV, imfassla f’Antwerp fid-29 ta’ Marzu 2003, il-merkanzija ġiet iddikjarata taħt l-arranġamenti tal-importazzjoni temporanji mingħajr ma ġie ddikjarat il-pajjiż tad-destinazzjoni. Qabel, meta l-merkanzija waslet f’Antwerpen, kienet saret dikjarazzjoni sommarja fir-rigward tal-merkanzija skont l-Artikolu 49 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità.
21. Fil-11 ta’ Diċembru 2002, Philips fetħet kawża quddiem ir-Rechtbank van eerste aanleg te Anwerpen (Qorti tal-Prim’Istanza ta’ Antwerpen) fejn talbet deċiżjoni li d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tagħha kienu ġew miksura. Ir-rikorrenti allegat li, skont l-Artikolu 6(2)(b) tar-Regolament Nru 3295/94, ir-Rechtbank għandha tuża bħala l-punt tat-tluq tagħha l-finzjoni li x-shavers miżmuma kienu ġew immanifatturati fil-Belġju u b’hekk kellha tapplika l-liġi Belġjana għall-finijiet li jiġi stabbilit il-ksur.
22. Qabel ma tiddeċiedi dwar il-merti tal-kawża, ir-Rechtbank ressqet id-domanda preliminari li ġejja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja:
“L-Artikolu 6(2)(b) tar-Regolament (KE) Nru 3295/94 huwa regola tad-dritt Komunitarju uniformi li torbot lill-qorti tal-Istat Membru adita, skont l-Artikolu 7 tar-Regolament, mid-detentur tad-dritt, u din ir-regola timplika li, sabiex tiddeċiedi, il-qorti ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni l-istatus doganali ta’ importazzjoni temporanja jew l-istatus doganali ta’ tranżitu u li dik il-qorti għandha tapplika l-finzjoni li l-oġġetti kienu manifatturati f’dan l-Istat Membru u li, għalhekk, dik il-qorti għandha tiddeċiedi billi tapplika d-dritt ta’ dan l-Istat Membru għall-kwistjoni ta’ jekk l-oġġetti kkonċernati jippreġudikawx id-dritt intellettwali inkwistjoni?”
B – Il-kawża Nokia
23. F’Lulju 2008, Her Majesty’s Commissioners of Revenue and Customs (l-awtoritajiet tad-dwana tar-Renju Unit; iktar ’il quddiem l-“HMRC”) waqfet u spezzjonat fl-Ajruport ta’ Heathrow konsenja ta’ merkanzija li kienet ġiet minn Hong Kong u li kienet destinata għall-Kolombja, li tikkonsisti f’madwar 400 telefown ċellulari, batteriji, manwali, kaxex u kitts tal-“hands free”, li kollha kienu jġorru t-trade mark “Nokia”.
24. Fit-30 ta’ Lulju 2008, l-HMRC bagħtet lil Nokia Corporation (iktar ’il quddiem “Nokia”) ittra akkumpanjata minn kampjuni ta’ din il-merkanzija. Wara li spezzjonat il-kampjuni, Nokia nnotifikat lill-HMRC li l-merkanzija kienet iffalsifikata u staqsiet jekk l-HMRC kellhiex l-intenzjoni li żżommha.
25. Fis-6 ta’ Awwissu 2008, l-HMRC tat tweġiba u qalet li, wara li ħadet parir legali, ma kinitx ċerta dwar kif il-merkanzija setgħet tkun “falsifikata” fi ħdan it-tifsir tal-Artikolu 2(1)(a)(i) tar-Regolament Nru 1383/2003 fin-nuqqas ta’ kwalunkwe provi li dawn setgħu ġew iddevjati lejn is-suq tal-Unjoni Ewropea. L-HMRC għaldaqstant ikkonkludiet li, fin-nuqqas ta’ tali provi, ma kienx legali li s-sid jiġi mċaħħad mill-merkanzija tiegħu.
26. Fl-20 ta’ Awwissu 2008, Nokia ressqet talba lill-HMRC, fejn talbitha l-ismijiet u l-indirizzi tal-kunsinnatarju u d-destinatarju flimkien ma’ kwalunkwe dokumenti rilevanti oħra relatati mal-konsenja fil-pussess tal-HMRC. Minkejja li dawn id-dokumenti ntbgħatu lilha, Nokia ma rnexxiliex tidentifika l-kunsinnatarju jew id-destinatarju tal-merkanzija, u kkonkludiet li t-tnejn kienu ħadu passi biex jaħbu l-identità tagħhom.
27. Wara li ntbagħtet ittra formali oħra lill-HMRC, Nokia tat bidu għal passi legali fil-31 ta’ Ottubru 2008.
28. F’sentenza tad-29 ta’ Lulju 2009, l-Imħallef Kitchin, li kien qed jippresjedi l-High Court of Justice (England & Wales) (Chancery Division), iddeċieda li r-Regolament Nru 1383/2003 ma jintitolax jew jirrekjiedi lill-awtoritajiet tad-dwana li jżommu jew li jaqbdu oġġetti ffalsifikati fi tranżitu meta ma kienx hemm provi li l-oġġetti kienu se jiġu ddevjati fis-suq tal-Istati Membri għax din il-merkanzija ma kinitx “merkanzija falsifikata” taħt l-Artikolu 2(1)(a)(i) tar-Regolament Nru 1383/2003.
29. Ġie ppreżentat appell kontra d-deċiżjoni tal-Imħallef Kitchin quddiem il-Court of Appeal (England & Wales) (iktar ’il quddiem “il-Qorti tal-Appell”), li, fid-dawl tal-kawża Philips u l-fehmiet diverġenti adottati mill-qrati differenti tal-Istati Membri, u meta wieħed iqis il-bżonn għal interpretazzjoni sistematika u uniformi tar-regolament, ressqet id-domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“Tista’ merkanzija mhux tal-Komunità li jkollha trade mark Komunitarja u li hija suġġetta għal sorveljanza doganali fi Stat Membru, u li tkun fi tranżitu minn Stat Membru terz għal Stat Membru terz ieħor tikkostitwixxi ‘merkanzija falza’ fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament 1383/2003 KE, jekk ma jkunx hemm evidenza li tindika li din il-merkanzija ser titqiegħed fis-suq fil-Komunità Ewropea, jew skont proċedura doganali jew permezz ta’ devjazzjoni illegali?”
III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
30. Id-domanda preliminari ġiet ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Novembru 2009. Id-domanda preliminari f’Nokia ġiet irċevuta fir-Reġistru fit-2 ta’ Diċembru 2009.
31. Fil-kawża Philips, ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mir-rikorrenti (Philips), mill-Far East Sourcing, mill-Gvernijiet tal-Belġju, tar-Renju Unit u tal-Italja, u mill-Kummissjoni, u, fil-kawża Nokia, mir-rikorrenti (Nokia), mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trade marks, mill-Gvernijiet tar-Renju Unit, tal-Portugall, tar-Repubblika Ċeka, tal-Finlandja u tal-Italja, u mill-Kummissjoni.
32. Fis-seduti, li seħħew fit-18 ta’ Novembru 2010, fil-kawża Philips ġew ippreżentati osservazzjonijiet orali, mir-rikorrenti, minn Far East Sourcing, mill-Gvernijiet tal-Belġju, tar-Renju Unit u tal-Italja, u mill-Kummissjoni, u, fil-kawża Nokia, mill-applikant, mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trade marks, mill-Gvernijiet tar-Renju Unit, tal-Portugall, tar-Repubblika Ċeka, tal-Finlandja u tal-Italja, u mill-Kummissjoni.
33. Permezz ta’ digriet tal-11 ta’ Jannar 2011, iż-żewġ kawżi ngħaqdu għall-finijiet tal-konklużjonijiet u s-sentenza.
IV – Osservazzjoni preliminari: similaritajiet u differenzi bejn il-kawżi Nokia u Philips
34. Minkejja s-similaritajiet kollha bejn dawn il-kawżi magħquda, huwa essenzjali mill-bidu li tiġi identifikata d-differenza ewlenija bejniethom sabiex in-natura speċifika ta’ kull każ tkun ċara.
35. L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li l-kuntest ġuridiku huwa differenti, b’konsegwenza tal-iżviluppi li seħħew fil-leġiżlazzjoni tad-dwana tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, f’Philips, il-fatti huma rregolati mir-Regolament Nru 3295/94 l-antik, filwaqt li, f’Nokia, ir-Regolament Nru 1383/2003 l-ġdid huwa applikabbli. Barra minn hekk, id-domandi preliminari jirreferu għal artikoli mhux identiċi ta’ dawk iż-żewġ dispożizzjonijiet.
36. It-tieni nett, il-kawżi jvarjaw f’termini tat-tip tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali inkwistjoni: dritt tal-awtur u disinni rreġistrati f’Philips (9), u d-drittijiet għal trade mark f’Nokia (10).
37. Madankollu, l-iżjed differenza importanti bejn iż-żewġ kawżi tinstab fil-materja tal-proċeduri li fihom kull domanda preliminari ġiet ippreżentata lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari. Fiż-żewġ kawżi, il-fatti jikkonċernaw iż-żamma mill-awtoritajiet tad-dwana tal-merkanzija fi tranżitu, iżda filwaqt li l-kawża prinċipali f’Nokia, it-tieni kawża quddiem il-Qorti, hija bbażata fuq il-legalità tal-azzjonijiet quddiem l-awtoritajiet tad-dwana tar-Renju Unit, li ssospendew iż-żamma tal-merkanzija fuq il-bażi li ma kienx hemm ksur ‘attwali’ jew ‘reali’ tat-trade mark allegata, l-ewwel kawża, Philips, ġiet ippreżentata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fi stadju sussegwenti u li hija kwalitattivament differenti, li fiha, wara li ttieħdet azzjoni mill-awtoritajiet tad-dwana Belġjani b’rabta mal-merkanzija fi tranżitu, id-detentur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali allegatament ippreżenta rikors quddiem il-qorti għal deċiżjoni li dan il-ksur kien fil-fatt sar flimkien mal-konsegwenzi xierqa.
38. Din il-kjarifika hija dejjem iżjed adatta minħabba li numru ta’ osservazzjonijiet ippreżentati fil-kawżi preżenti jixhdu ċertu ammont ta’ konfużjoni bejn dawk iż-żewġ aspetti tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Għal din ir-raġuni, jiena tal-opinjoni li huwa meħtieġ, fil-kuntest ta’ dawn ir-rimarki preliminari, li niġbed l-attenzjoni għat-tliet passi suċċessivi li, skont ir-regolamenti kkonċernati, l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jistgħu jieħdu meta possibbilment kien hemm ksur ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali fir-rigward tal-merkanzija fi tranżitu.
39. L-ewwel stadju ‘preparatorju’ jibda meta, fid-dawl ta’ ‘raġunijiet suffiċjenti għal suspettar’ ta’ ksur ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali, l-awtoritajiet tad-dwana jadottaw ‘miżuri preċedenti’ li jikkonsistu fis-sospensjoni tar-rilaxx tal-oġġetti jew iż-żamma tagħhom, fiż-żewġ kawżi għal perijodu ta’ tliet ijiem ta’ xogħol (11).
40. It-tieni stadju jibda meta, fuq talba tad-detentur tad-dritt li jkun allegatament inkiser (12), u meta dawk is-suspetti jippersistu, l-awtoritajiet tad-dwana jikkonfermaw li jkunu ssospendew ir-rilaxx tal-merkanzija jew li żammewha (13). Dan għadu xorta waħda stadju amministrattiv, interim iżda jirrapreżenta azzjoni pjuttost iżjed ‘stabbli’ mill-istadju preċedenti.
41. Minn dan il-mument, fit-tielet u l-aħħar stadju, jistgħu jqumu dawn is-sitwazzjonijiet: (a) is-sid tal-merkanzija maqbuda jabbandunaha, f’liema każ tkun tista’ tiġi meqruda taħt il-kontroll tad-dwana (14); b) fi żmien 10 ijiem min-notifika tal-azzjoni fit-tieni stadju, id-detentur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali allegatament miksur japplika lill-‘awtorità kompetenti’ (normalment qorti) għal determinazzjoni fil-proċeduri sostantivi li jkun seħħ tali ksur (15); jew c) id-detentur tad-dritt ma jieħu l-ebda azzjoni fi żmien dak il-perjodu ta’ 10 ijiem (jiġifieri, jekk ma jseħħux la (a) u lanqas (b)), f’liema każ isir ir-rilaxx tal-merkanzija, jew iż-żamma tagħha tiġi fi tmiemha (16).
42. Fil-qosor, u sabiex wieħed ikun konċiż kemm jista’ jkun possibbli, fil-kawża Nokia, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, għall-finijiet taż-żamma tal-merkanzija f’dak li ddeskrivejtu bħala “it-tieni stadju”, l-awtoritajiet tad-dwana jrid ikollhom xi prova li dik il-merkanzija ser tiġi nnegozjata fis-suq tal-Unjoni Ewropea b’xi mod jew ieħor, filwaqt li, f’Philips, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kunsiderazzjoni hijiex essenzjali sabiex issir deċiżjoni, waqt kwalunkwe proċedura sostantiva li tista’ sseħħ fl-aħħar tat-“tielet stadju”, dwar jekk dritt tal-proprjetà intellettwali jkunx ġie miksur.
43. Huwa importanti li wieħed iżomm f’moħħu dik id-differenza essenzjali sabiex il-qrati nazzjonali jingħataw risposta utli. Il-karatteristiċi differenti taż-żewġ kawżi jagħmluha rakkomandabbli li tingħata risposta separata għad-domandi preliminari fl-ordni numerika, minkejja li dan jaqleb l-ordni kronoloġika taż-żewġ metodi ta’ protezzjoni kontra merkanzija ffalsifikata jew pirata.
V – Analiżi tad-domandi preliminari għal deċiżjoni preliminari fil-kawża Philips
44. Ir-Rechtbank van eerste aanleg te Anwerpen (iktar ’il quddiem “ir-Rechtbank”) tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-proċedura għall-verifika ta’ jekk kienx hemm ksur ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali meta l-merkanzija kkonċernata tkun ġiet maqbuda waqt li kienet fi tranżitu.
45. Kif diġà għedt, lil hinn mill-imġiba tal-awtoritajiet tad-dwana kkonċernati, il-kwistjoni f’din l-ewwel kawża hija d-determinazzjoni, f’dan il-każ minn qorti, li kien hemm ksur reali u attwali tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, bil-konsegwenzi kollha li dan iġib miegħu (17).
46. Iżjed speċifikament, ir-Rechtbank tistaqsi jekk jirriżultax mill-Artikolu 6(2)(b) tar-Regolament Nru 3295/94 li l-evalwazzjoni għandha ssir mingħajr ma tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni tad-dwana tal-merkanzija u, b’mod iżjed partikolari, billi tiġi applikata l-finzjoni, li hija allegata li toħroġ minn dan l-artikolu, li l-merkanzija kkonċernata kienet ġiet immanifatturata fl-Istat Membru li fih tinstab (18).
47. Il-qorti tar-rinviju għaldaqstant tistaqsi b’mod ċar dwar il-kompatibbiltà mal-liġi tal-Unjoni Ewropea ta’ dik li qed issir magħrufa bħala “il-finzjoni tal-produzzjoni”, li l-iżjed konsegwenza importanti tagħha hija l-possibbiltà li jiġi deċiż li merkanzija mhux Komunitarja fi tranżitu tkun kisret dritt ta’ proprjetà intellettwali bl-istess mod daqslikieku kienet merkanzija li kienet ġiet immanifatturata illegalment fl-Istat Membru li fih hija fi tranżitu, irrispettivament minn jekk dik il-merkanzija hijiex iddestinata għas-suq tal-Unjoni Ewropea jew le (19).
48. Il-konformità fuq din il-finzjoni legali, li hija fil-qalba tad-domanda, tagħmilha possibbli, fuq kollox, li tiġi mwarrba l-kundizzjoni “milli jużaw fil-kummerċ” li hija stabbilita fl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 40/94, l-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/104 u l-Artikolu 12 tad-Direttiva 98/71, bħala rekwiżit sabiex jiġi stabbilit il-ksur ta’ trade mark Komunitarju, trade mark nazzjonali jew drittijiet tad-disinn, rispettivament.
49. L-għan speċifiku tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali huwa li jagħti lid-detentur ta’ trade mark jew disinn id-dritt esklużiv li juża dik it-trade mark jew disinn u li jipprojbixxi lil terzi partijiet milli jużawha fil-kors tan-negozju tagħhom. B’dak il-mod, il-liġi sostantiva tistabbilixxi konnessjoni bejn il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-eżistenza tal-kummerċ fl-oġġetti jew is-servizzi kkonċernati.
50. Qabel ma ngħaddi sabiex nindirizza dik l-interpretazzjoni proposta tal-Artikolu 6(2)(b), huwa xieraq li jiġi indikat kif il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-opportunità li tiċċara li t-tranżitu fih innifsu, ma jinvolvi l-ebda kummerċjalizzazzjoni tal-merkanzija inkwistjoni u għaldaqstant, ma jiksirx is-suġġett speċifiku tat-trade mark (20).
51. F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex jiġi konkluż li l-merkanzija fi tranżitu tikser dritt ta’ proprjetà intellettwali, huwa essenzjali li jiġi stabbilit li dawn għandhom jiġu nnegozjati fit-territorju fejn dak id-dritt huwa protett. L-applikazzjoni tal-hekk imsejħa “finzjoni tal-produzzjoni” tkun tfisser li r-Regolamenti tad-Dwana kienu żiedu l-protezzjoni ta’ dawk id-drittijiet fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-liġi sostantiva msemmija iktar ’il fuq, billi tippermetti protezzjoni mhux assoċjata man-negozjar “attwali” jew l-“użu tul il-kors tan-negozju” fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.
52. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, huwa diffiċli li wieħed jargumenta, kif tagħmel Philips fl-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub, li din il-“finzjoni tal-produzzjoni” ma hijiex kriterju ġdid għad-definizzjoni ta’ ksur ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali u li ma tibdilx il-liġi sostantiva li tirregola dawn id-drittijiet (21).
53. Kif se naraw iktar ’il quddiem, jiena tal-opinjoni li l-interpretazzjoni bbażata fuq il-“finzjoni tal-produzzjoni” ma tistax tiġi inferita mill-kliem tal-artikoli invokati insostenn tagħha, din tmur lil hinn mill-għanijiet tar-Regolament tad-Dwana u hija konfliġġenti mal-ġurisprudenza eżistenti f’dak ir-rigward.
A – “Il-finzjoni tal-produzzjoni” ma tistax tigi inferita mill-kliem tad-dispożizzjoni li fuqha hija bbażata
54. Fl-ewwel lok, jiena tal-opinjoni li l-hekk imsejħa “finzjoni tal-produzzjoni” ma tistax tiġi msejsa mill-kliem tal-Artikolu 6(2) (b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3295/94, li jkun utli li wieħed jerġa’ jaqrahom: “Il-liġi fis-seħħ fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-oġġetti jitpoġġew f’waħda mis-sitwazzjonijiet msemmija fl-Artikolu 1(1) (a) għandha tapplika fir-rigward ta’: […] (b) it-teħid tad-deċiżjoni li għandha tittieħed minn dik l-awtorità. Fin-nuqqas ta’ regoli Komunitarji f’dan ir-rigward, il-kriterji li għandhom jintużaw sakemm tintlaħaq dik id-deċiżjoni għandhom ikunu l-istess bħal dawk użati biex jiġi stabbilit jekk l-oġġetti mmanifatturati fl-Istat Membru konċernat jiksrux id-drittijiet tad-detentur. Għandhom jingħataw raġunijiet għad-deċiżjonijiet meħudin mill-awtorità kompetenti”.
55. L-ewwel nett, il-fatt illi, skont din id-dispożizzjoni, “l-awtorità kompetenti”, meta tieħu d-deċiżjoni sostantiva tagħha dwar il-kwistjoni, għandha tuża l-istess kriterji bħal dawk użati sabiex jiġi stabbilit jekk il-merkanzija mmanifatturata fl-Istat Membru kkonċernat tiksirx id-drittijiet tad-detentur bl-ebda mod ma tfisser illi merkanzija li ġejja minn pajjiżi terzi għandha titqies bħallikieku kienet merkanzija mmanifatturata illegalment fl-Istat ikkonċernat.
56. Kuntrarjament, il-qari bir-reqqa tat-test juri li, kif issuġġerew ir-Renju Unit u l-Kummissjoni, li b’dak il-kliem il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea ried li, “fin-nuqqas ta’ regoli Komunitarji f’dan ir-rigward”, jistabbilixxi sussidjarjament regola ta’ konflitt tal-liġijiet biex ikun jista’ jiġi stabbilit liema regola sostantiva għandha tapplika l-awtorità kompetenti (f’dan il-każ, il-Qorti Belġjana), sabiex tagħti deċiżjoni u b’hekk tivverifika jekk hemmx ksur tal-proprjetà intellettwali. Dik il-kjarifika hija indispensabbli (kif tenfasizza l-Kummissjoni, hemm 27 skema leġiżlattiva nazzjonali differenti li jistgħu japplikaw fiċ-ċirkustanzi tal-każ) u tikkostitwixxi applikazzjoni naturali tal-prinċipju ta’ territorjalità li jirregola dawk id-drittijiet (22).
57. Barra minn hekk, b’dan il-mod tagħmel sens il-formulazzjoni tan-natura sussidjarja tad-dispożizzjoni (“fin-nuqqas ta’ regoli Komunitarji f’dan ir-rigward”). Li kieku kellu jiġi aċċettat illi l-Artikolu 6 introduċa l-hekk imsejħa “finzjoni tal-produzzjoni”, ikun ifisser illi tiġi eskluża l-applikazzjoni tiegħu, pereżempju, għal trade marks Komunitarji rregolati bir-Regolament Nru 40/94, li b’hekk jagħtihom livell ta’ protezzjoni iktar baxx minn dak mogħti lil drittijiet oħra ta’ proprjetà intellettwali?
58. Din il-konklużjoni toħroġ mill-Artikolu 10 tar-Regolament ġdid Nru 1383/2003, li fil-parti l-kbira tiegħu jirrepeti l-kontenut tal-Artikolu 6(2) (b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3295/94. L-Artikolu 10, fi kliem iktar ċar, jgħid illi “il-liġi fis-seħħ fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-merkanzija tkun mqegħda f’xi waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) għandha tgħodd meta jiġi deċiż jekk dritt ta’ proprjetà intellettwali ikunx inkiser taħt il-liġi nazzjonali.” Din id-dispożizzjoni tar-regolament il-ġdid għaldaqstant abbandunat l-espressjoni li tirreferi għall-“produzzjoni” u assumiet b’mod iktar ċar in-natura ta’ regola ta’ konflitt tal-liġijiet (23).
B – L-interpretazzjoni proposta minn Philips tmur lil hinn mill-għanijiet tar-regolament dwar id-dwana
59. Fit-tieni lok, jidher ċar illi l-applikazzjoni tal-“finzjoni tal-produzzjoni” għal merkanzija ta’ dan it-tip tinkludi l-possibbiltà li jiġi pprojbit it-tqegħid tagħha taħt proċedura sospensiva (ħżin jew transport temporanju) tkun xi tkun id-destinazzjoni intiża tagħha, u din hija konsegwenza li kjarament tmur lil hinn mill-għanijiet tal-liġi dwar id-dwana tal-Unjoni Ewropea.
60. Skont it-tieni premessa tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3295/94, l-għan ta’ dawk id-dispożizzjonijiet stabbiliti hemmhekk huwa li “oġġetti ffalzifikati u oġġetti pirati [...] għandhom kemm jista’ jkun ma jitħallewx jitpoġġew fuq is-suq u għandhom jiġu adottati miżuri b’dan il-għan sabiex iwaqqfu effettivament din l-attività illegali mingħajr ma jxekklu il-libertà tan-negozju leġittimu”, billi l-kummerċ ta’ din il-merkanzija “jikkawża ħsara konsiderevoli lill-manufatturi u lin-negozjanti li jirrispettaw il-liġi u lil detenturi ta’ drittijiet ta’ l-awtur u ta’ drittijiet viċini u jqarraq bil-konsumaturi” (24).
61. It-tieni premessa għaldaqstant tirrifletti x-xewqa tal-leġiżlatur Komunitarju li trendi kompatibbli l-kontenut tar-regoli tad-dwana mar-regoli ordinarji għall-ħarsien tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali bbażati fuq, kif rajna, “eżerċizzju tal-kummerċ”.
62. Fil-fatt, l-iskop huwa li merkanzija ffalsifikata u merkanzija pirata ma jitħallewx jiddaħħlu fis-suq tal-Unjoni Ewropea, mhux li jiġi pprojbit l-importazzjoni tagħhom qabel ma tkun magħrufa d-destinazzjoni tagħhom. L-għoti ta’ dan id-dritt lid-detentur tad-dritt allegatament miksur isarraf fi xkiel għall-libertà tan-negozju leġittimu li r-Regolament jgħid li jippriżerva f’kull każ, u jestendi l-kontenut tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.
63. Ċertament, il-kontenut tat-tielet premessa tar-Regolament tal-1994 ma jistax jiġi injorat (“sakemm oġġetti ffalzifikati jew pirati u prodotti simili jiġu importati minn pajjiżi terzi, huwa importanti li jinżammu milli jiġu rilaxxati għal ċirkolazjoni libera fil-Komunità jew milli jitħallew jiddaħlu għal proċedura sospensiva”) (25). Madankollu, it-tielet premessa, b’mod partikolari l-aħħar parti, ma tistax tinftiehem mingħajr it-tieni premessa, riprodotta iktar ’il fuq. Jekk tinqara flimkien mat-tieni premessa, tirreferi b’mod ċar għall-projbizzjoni li tista’ tiġi imposta mill-awtorità kompetenti jekk fl-aħħar din tidentifika l-eżistenza ta’ ksur ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali, wara li tkun sabet illi l-merkanzija fil-fatt tkun ser tinbiegħ fl-Unjoni Ewropea. Hekk biss tista’ tinftiehem l-eżistenza ta’ proċedura ta’ azzjoni mill-awtoritajiet tad-dwana, li, kif turi din it-tielet premessa, hija intiża “sabiex dawn ikunu jistgħu jiżguraraw li din il-projbizzjoni tkun tista’ tiġi nforzata sew”.
64. Philips u l-Gvernijiet tal-Belġju u tal-Italja sostnew illi “il-finzjoni tal-produzzjoni” hija meħtieġa sabiex tiżgura l-applikazzjoni tar-Regolament tal-1994 (u tar-Regolament il-ġdid tal-2003) għal oġġetti tal-esportazzjoni, inklużi fl-Artikolu 1; fil-qosor, sabiex l-awtoritajiet tad-dwana jkunu jistgħu jieħdu azzjoni f’każijiet ta’ din ix-xorta. Madankollu, kif diġà indikajt, argument bħal dan huwa frott ta’ konfużjoni tal-kundizzjonijiet li jridu jintlaħqu sabiex awtorità kompetenti tkun tista’ ssib ksur definittiv tal-proprjetà intellettwali.
65. Barra minn hekk, wieħed għandu jżomm f’moħħu illi l-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali hija bbażata fuq il-prinċipju tat-territorjalità. Bis-saħħa ta’ dan il-prinċipju, id-detenturi jistgħu jipprojbixxu l-użu mhux awtorizzat tad-dritt tagħhom f’dawk l-Istati biss fejn dan id-dritt huwa protett (26). Peress li t-trasport ma jammontax għal “eżerċizzju fil-kummerċ”, ir-rikors għal “finzjoni tal-produzzjoni” jikkostitwixxi eċċezzjoni sinjifikattiva għal dan il-prinċipju ta’ territorjalità li, minn dan l-aspett ukoll, imur lil hinn mill-għanijiet tar-Regolament dwar id-dwana (27).
C – Fl-analiżi finali, il-ġurisprudenza preċedenti ma tappoġġax “il-finzjoni tal-produzzjoni”
66. Ir-risposta li beħsiebni nagħti għad-domanda fil-kawża Philips tkun kompluta jekk wieħed jagħti attenzjoni speċjali lill-ġurisprudenza iktar reċenti dwar is-suġġett, spiss invokata minn parti jew oħra, skont l-interessi varji tagħhom. Billi nantiċipa sa ċertu punt il-konklużjoni ta’ din is-sezzjoni, inqis illi l-hekk imsejħa “finzjoni tal-produzzjoni” ma taqbilx ma’ deċiżjonijiet iktar reċenti f’dan il-qasam, essenzjalment irrappreżentati minn Class International (28) u s-Sentenza Ċ‑281/05 Montex Holdings (29).
67. Fl-2005, fis-sentenza Class International, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat illi d-Direttiva 89/104 u r-Regolament 40/94 għandhom jiġu interpretati b’tali mod li jfissru illi proprjetarju ta’ trade mark ma jistax jopponi s-sempliċi dħul fil-Komunità, taħt il-proċedura ta’ tranżitu estern jew il-proċedura ta’ magażinaġġ tad-dwana, ta’ oġġetti oriġinali li jkollhom dik il-marka li tkun għadha ma tpoġġietx fis-suq fil-Komunità minn dak il-proprjetarju jew bil-kunsens tiegħu. F’dawn is-sitwazzjonijiet, il-proprjetarju tat-trade mark irid jipprova l-fatti li jħalluh jeżerċita d-dritt ta’ projbizzjoni, billi jipprova jew ir-rilaxx għaċ-ċirkulazzjoni ħielsa tal-oġġetti bil-marka tiegħu iżda mhux tal-Komunità jew l-offerta jew il-bejgħ tal-oġġetti li neċessarjament iġġib magħha t-tqegħid tagħhom fis-suq ġewwa l-Komunità.
68. Din it-tweġiba qablet b’mod konsistenti ma’ Rioglass u Transremar, fejn ġie stabbilit illi s-sempliċi trasport ta’ merkanzija ma jfissirx illi din tqiegħdet fis-suq bil-għan illi tikseb il-protezzjoni mogħtija mir-regoli sostantivi dwar it-trade marks.
69. Sena wara, ġie stabbilit f’Montex illi l-Artikolu 5(1) u (3) tad-Direttiva 89/104/KEE għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sid ta’ trade mark ma jistax jipprojbixxi t-tranżitu fi Stat Membru, li fih din it-trade mark hija protetta, ta’ prodotti li għandhom trade mark u mqiegħda taħt il-proċedura ta’ tranżitu estern għal destinazzjoni ta’ Stat Membru ieħor li fih tali protezzjoni ma teżistix, jekk dawk l-oġġetti huma “s-suġġett ta’ att ta’ terz magħmul meta huma jitqiegħdu taħt il-proċedura ta tranżitu estern u li neċessarjament jimplika t-tqegħid fis-suq tagħhom fl-imsemmi Stat Membru ta’ tranżitu”.
70. Biex nikkonkludi, fiż-żewġ sentenzi, b’mod inekwivoku jingħad illi “l-eżerċizzju tal-kummerċ” jikkostitwixxi rekwiżit essenzjali għall-attivazzjoni tal-protezzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, mingħajr lok għall-argument tal-“finzjoni tal-produzzjoni”. Huwa veru illi dawn huma sentenzi mogħtija b’interpretazzjoni tar-regoli sostantivi li jirregolaw it-trade marks (Direttiva 89/104/KEE u r-Regolament Nru 40/94) li ma jikkonċernawx ir-regoli dwar l-azzjoni tad-dwana. Madankollu wieħed għandu jżomm f’moħħu illi d-dispożizzjonijiet ta’ dawk ir-regolamenti li l-interpretazzjoni tagħhom hija hawnhekk ikkonċernata, jaqgħu, b’mod eċċezzjonali, fi ħdan l-iskop ratione materiae ta’ dawk id-drittijiet.
71. F’dan ir-rigward, għandu jsir riferiment għall-paragrafu 40 tas-sentenza Montex, fejn jingħad speċifikament illi “l-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 3295/94 ma tistabbilixxi kriterju ġdid sabiex jivverifika l-eżistenza ta’ ħsara għad-dritt tat-trade marks jew sabiex jiddetermina jekk kienx hemm użu tat-trade mark li jista’ jiġi pprojbit minħabba l-fatt li jippreġudika dan id-dritt”. Fid-dawl ta’ din il-kjarifika fil-ġurisprudenza, ma hemmx lok fir-Regolament dwar id-dwana għal “finzjoni tal-produzzjoni” li fuqha qed jibbażaw, li kif għedt, tinvolvi definizzjoni mill-ġdid tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali.
72. Madankollu, teżisti ġurisprudenza preċedenti li tirreferi speċifikament għar-regolamenti dwar id-dwana, li l-inkompatibbiltà tagħha ma’ Class International u Montex bażikament ma tistax tiġi miċħuda, li fuqha bbażaw ħafna dawk li, f’din il-kawża, appoġġjaw il-proposta tal-“finzjoni tal-produzzjoni”. Dawn huma, b’mod partikolari, Polo vs Lauren (30) fl-2009, u Rolex (31) fl-2004.
73. Fil-fatt, kemm fil-kawża Polo vs Lauren u fil-kawża Rolex, il-Qorti tal-Ġustizzja iddikjarat illi r-Regolament dwar id-dwana tal-1994 kien japplika għall-merkanzija mhux Komunitarja fi tranżitu lejn pajjiż terz, mingħajr riferiment partikolari għal xi ħtieġa li jiġi ppruvat li kienu maħsuba għas-suq Komunitarju. Skont dawk it-termini, id-differenzi ċari bejn iż-żewġ settijiet ta’ sentenzi juru għaliex ġew spiss ikkritikati bħala kontradittorji (32).
74. Fl-ewwel lok, irid jingħad f’dan ir-rigward illi l-Qorti tal-Ġustizzja hija konxja ta’ din l-inkompatibbiltà, u għal din ir-raġuni ħadet ħsieb tiċċara illi Class International u Montex ma humiex ikkontestati mill-ġurisprudenza preċedenti (33).
75. Fit-tieni lok, irid jiġi kkunsidrat il-fatt illi ċ-ċentru tal-attenzjoni taż-żewġ sentenzi preċedenti kien dar fuq domandi bħall-validità tar-Regolament tad-Dwana u l-bażi legali tiegħu (f’Polo vs Lauren) u jekk kinitx teżisti lex previa kriminali (f’Rolex), u b’hekk l-analiżi tad-domanda dwar jekk id-destinazzjoni tal-merkanzija kinitx ġewwa l-Unjoni Ewropea baqgħet relattivament sekondarja.
76. Finalment, irid jiġi enfasizzat illi Polo vs Lauren tagħti importanza kbira lill-periklu tad-dħul b’mod frawdolenti ta’ merkanzija falza fis-suq tal-Unjoni Ewropea, u b’hekk jiġi dedott illi dak it-tranżitu jista’ “jkollu effett dirett fuq is-suq intern” (34).
77. Minkejja dawn iċ-ċirkustanzi kollha, irid jingħad illi hemm ċerta inkonsistenza bejn iż-żewġ gruppi ta’ sentenzi. Sa fejn wieħed jipprova jagħti rilevanza għal din l-inkompatibbiltà, nahseb illi l-pożizzjoni ta’ din il-Qorti hija riflessa b’mod mill-iktar preċiż fl-aħħar żewġ sentenzi (Class International u Montex).
78. Fi kwalunkwe każ, u fil-fehma tiegħi, il-konfużjoni maħluqa minħabba l-interpretazzjoni ta’ dan il-grupp ta’ sentenzi hija dovuta l-iktar għall-fatt illi l-Qorti tal-Ġustizzja, sa llum, adottat it-tweġibiet tagħha skont ir-regola tal-liġi f’kull waħda mit-talbiet għal deċiżjoni preliminari, mingħajr ma neċessarjament qieset is-suġġett tal-każ li ta lok għaliha.
79. L-isfida fil-kawżi attwalment quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja hija li tiċċara taħt liema ċirkustanzi għandha tapplika kull waħda minn dawk id-dispożizzjonijiet, u sabiex tispjega l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jinqabeż il-limitu li lil hinn minnu azzjoni mill-awtoritajiet tad-dwana, fuq naħa waħda, u sejba (normalment legali) ta’ ksur ta’ dritt, min-naħa l-oħra, huma ġġustifikati (35).
D – Konklużjoni
80. Ikkunsidrat dan kollu, nipproponi li nagħti risposta għad-domanda magħmula mir-Rechtbank illi l-Artikolu 6(2) (b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3295/94 ma għandux jiġi interpretat fis-sens illi l-awtorità (f’dan il-każ, legali) tal-Istat Membru interpellata, skont l-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, mid-detentur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali, tista’ tinjora l-istatus ta’ dħul temporanju jew ta’ tranżitu tal-merkanzija kkonċernata, jew, għaldaqstant li jfisser illi dik l-awtorità tista’ tapplika l-finzjoni illi dik il-merkanzija kienet immanifatturata fl-istess Stat Membru sabiex jiġi deċiż, skont il-liġi ta’ dak l-Istat, jekk dik il-merkanzija tiksirx id-dritt ta’ proprjetà intellettwali kkonċernat jew le.
VI – Analiżi tad-domanda preliminari fil-kawża Nokia
A – Kunsiderazzjonijiet preliminari
81. Kif ġie indikat, fil-kawża Nokia, b’differenza mill-każ li għadna kif eżaminajna, il-Qorti tal-Appell tistaqsi fil-kuntest ta’ proċeduri li jirrigwardaw il-legalità ta’ deċiżjoni tal-awtoritajiet tad-dwana tar-Renju Unit li qed jiċħdu l-applikazzjoni tal-kawza Nokia għall-qbid ta’ ċerta merkanzija fi tranżitu.
82. F’termini formali, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija mressqa bħala domanda għall-interpretazzjoni tat-terminu “merkanzija falza” li jinsab fl-Artikolu 2 (1) (a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003: “merkanzija, inkluż pakkeġġar, li jkunu jġorru mingħajr awtorizazzjoni trejdmark identika għal trejdmark validament reġistrata fir-rigward ta’ l-istess tip ta’ merkanzija, jew li ma tkunx tista’ tiġi distinta fl-aspetti essenzjali tagħha minn dik il-trejdmark, u li b’hekk tikser id-drittijiet tad-detentur tat-trejdmark taħt il-liġi tal-Komunità, kif hemm provvidiment dwar dan fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94[…..] jew il-liġi tal-Istat Membru li fih l-applikazzjoni għall-azzjoni issir mill-awtoritajiet doganali”.
83. Skont dawk it-termini, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li trid tara jekk dik id-dispożizzjoni toħloqx tifsira awtonoma ta’ merkanzija falza, li ma hijiex konnessa mal-liġi sostantiva fuq azzjoni tal-awtoritajiet tad-dwana.
84. Jidhirli illi r-riferiment fid-dispożizzjoni kkonċernata għar-regoli sostantivi fuq it-trade marks, għalkemm introdotta mill-espressjoni “għaldaqstant” (36), ma għandiex eċċezzjonijiet u, b’konsegwenza ta’ dan, it-teorija tat-“tifsira awtonoma”, proposta minn ċerti partijiet, ma tistax tiġi aċċettata. Għalhekk, jekk se jkun hemm “trade mark falsifikata” għall-finijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003, għandu jiġi ppruvat illi l-merkanzija kkonċernata kienet maħsuba għas-suq tal-Unjoni Ewropea. Jekk le, il-merkanzija fi tranżitu ma tissodisfax il-kundizzjoni tal-“użu tal-kummerċ” stabbilita kemm fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, kif ukoll fil-liġijiet nazzjonali dwar it-trade marks.
85. Kif rajna fil-każ preċedenti, dak ir-rekwiżit huwa indispensabbli meta jrid jiġi stabbilit – legalment jew xort’oħra – jekk kienx hemm ksur tad-dritt għat-trade mark fil-kawża prinċipali. Dan il-każ jikkonċerna l-kwistjoni jekk dik il-prova hijiex meħtieġa wkoll fl-istadju ta’ preparazzjoni tal-azzjoni mill-awtoritajiet tad-dwana.
86. Dan huwa l-kriterju li fuqu jibbażaw ruħhom l-awtoritajiet Ingliżi, abbażi tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003, sabiex jirrifjutaw li jieħdu passi fir-rigward ta’ merkanzija fi tranżitu, fuq il-bazi li ma kienx hemm provi tajba illi l-merkanzija kinitx maħsuba għas-suq tal-Unjoni Ewropea.
87. Madankollu, jekk din hija kwistjoni li jiġi ċċarat x’inhi “merkanzija falza” għall-finijiet tar-regolament jew, li fi kliem ieħor li jfissru l-istess ħaġa, liema huma l-kundizzjonijiet li jridu jintlaħqu sabiex l-awtoritajiet tad-dwana jkunu jistgħu jieħdu azzjoni, huwa evidenti illi l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003, li huwa l-qofol tad-domanda preliminari, ma jistax jiġi analizzat waħdu.
88. Kuntrarjament, jiena tal-opinjoni li għandhom jiġu kkunsidrati b’mod partikolari l-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, li jispjega l-ambitu tiegħu, kif ukoll l-Artikoli 4 u 9, li jispeċifikaw il-kundizzjonijiet għall-azzjoni mill-awtoritajiet tad-dwana. Kif ser naraw iktar ’il quddiem, dawn id-dispożizzjonijiet kollha jużaw il-kliem “suspettati”, “jissusspettaw” jew “suspetti” bħala kriterju għal din l-azzjoni (37).
89. Barra minn hekk, interpretazzjoni estensiva u iżolata tal-Artikolu 2, użata bħala l-unika dispożizzjoni ta’ riferiment sabiex titqies jekk l-awtoritajiet tad-dwana jistgħux jieħdu azzjoni, ftit li xejn taqbel mal-għanijiet tar-regolament jew mas-setgħat li dan jagħti lil dawk l-awtoritajiet, kif ukoll mal-ġurisprudenza f’dan il-qasam (38).
B – L-Artikoli 1,4 u 9 jintroduċu kriterju speċifiku li jiġġustifika t-teħid ta’ azzjoni:
90. B’differenza mill-Artikolu 2, li sempliċement ifisser x’jikkostitwixxi “għall-finijiet ta’ dan ir-regolament” ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali minn merkanzija, l-Artikoli 1, 4 u 9 jirreferu speċifikament għall-possibbiltà ta’ azzjoni mill-awtoritajiet tad-dwana meta jissuspettaw illi l-merkanzija kkonċernata, tkun xi tkun is-sitwazzjoni tad-dwana tagħha, kisret jew ser tikser dritt ta’ proprjetà intellettwali.
91. Kif indikat iktar ’il fuq, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003 (u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3295/94 preċedenti) jagħmlu distinzjoni ċara bejn l-istadju ta’ azzjoni meħuda mill-awtoritajiet tad-dwana u l-istadju ta’ sejbien attwali tal-ksur. Dawk tal-ewwel huwa tipikament amministrattiv u preventiv, filwaqt li dan tal-aħħar huwa normalment legali u f’kull każ jinvolvi deċiżjoni fuq is-sustanza tal-każ, ġeneralment definittiva.
92. Madankollu, bl-istess mod illi r-regolament jassenja d-deċiżjoni f’kull wieħed minn dawk l-istadji lil awtoritajiet differenti, fl-istess ħin jissuġġetta d-deċiżjoni għal kundizzjonijiet differenti, b’dawk l-iktar stretti fil-każ tad-deċiżjoni dwar is-sustanza, għaliex hija biss tista’ twassal għall-projbizzjoni tal-użu tat-trade mark ikkonċernat matul il-kummerċ fl-Unjoni Ewropea (39). B’kuntrast, il-miżuri li jridu jiġu adottati mill-awtoritajiet tad-dwana huma proviżorji u ta’ prevenzjoni, u allura jagħmel sens illi l-limitu li lil hinn minnu tista’ tittieħed azzjoni għandu jkun ifissat f’livell iktar baxx.
93. Hekk biss jista’ jiġi spjegat għaliex l-Artikolu 5(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003, li jirregola b’mod eżawrjenti l-kontenut tal-applikazzjoni għall-azzjoni mill-awtoritajiet tad-dwana, jeħtieġ biss illi l-applikazzjoni għandha jkun fiha “l-informazzjoni kollha meħtieġa biex il-merkanzija inkwistjoni tkun tista’ tiġi rikonoxxuta faċilment mill-awtoritajiet tad-dwana” u, b’mod partikolari, “kull informazzjoni speċifika li d-detentur tad-dritt jista’ jkollu dwar it-tip jew ix-xejra tal-frodi” (40).
94. Fl-istess ħin, din id-dispożizzjoni teħtieġ ukoll mill-applikant “prova li l-applikant iżomm id-dritt għall-merkanzija inkwistjoni”, kif ukoll li jagħmel dikjarazzjoni fejn jaċċetta r-responsabbiltà lejn il-persuni involuti fil-każ li l-proċedura ma titkompliex minħabba att jew ommissjoni mid-detentur tad-dritt jew fil-każ li l-merkanzija inkwistjoni sussegwentement tinsab li ma tkunx kisret dritt ta’ proprjetà intellettwali. (Artikolu 6(1)). “Il-lokalità[….]tad-destinazzjoni maħsuba” tal-merkanzija, bħal informazzjoni dwar “id-data skedata tal-wasla jew tat-tluq tal-merkanzija”, pereżempju, trid tingħata biss fl-applikazzjoni “permezz ta’ indikazzjoni jew fejn magħruf” [lid-detentur tad-dritt].
95. Għaldaqstant, il-punt huwa li jiġi identifikat il-lok fejn tinsab il-merkanzija ssuspettata u sabiex jiġi żgurat illi l-applikazzjoni hija serja sa ċertu punt, u mhux, naturalment, li jinstab illi d-dritt ikkonċernat ġie miksur. Li kieku l-leġiżlatura riedet teżiġi, f’dan l-istadju preliminari, provi konvinċenti tal-ksur tad-dritt (anki jekk ikun hemm biss potenzjal), kienet tgħid hekk speċifikament.
C – L-awtoritajiet tad-dwana ma jistgħux jantiċipaw x’sejra tkun id-deċiżjoni dwar is-sustanza
96. Barra minn hekk, huwa ċar illi ma huwiex kompitu tal-awtoritajiet tad-dwana li jiddeċiedu definittivament jekk kienx hemm ksur ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Li kieku kellu jiġi inferit mill-Artikolu 2 illi r-Regolament jirrikjedi l-istess livell ta’ provi ta’ ksur ta’ drittijiet għaż-żamma tal-merkanzija taħt kontroll tad-dwana bħal dik meħtieġa għat-tneħħija tagħha mill-kummerċ jew il-qerda tagħha, id-deċiżjoni tal-awtoritajiet tad-dwana f’ċertu mod tispiċċa tantiċipa r-riżultat tal-proċedura dwar is-sustanza, li jista’ jagħti każ li ssir iktar tard u d-deċiżjoni tista’ tittieħed minn awtorità oħra.
97. Fil-qosor, kontroll preventiv ma jistax jiddependi fuq sejba konklużiva ta’ ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali. Peress li huwa miżura preventiva, huwa proviżorju fin-natura tiegħu (mhux iktar minn 10 ijiem) u huwa naturali li jiġi adottat abbażi ta’ informazzjoni proviżorja u “suspetti” (41).
D – Rekwiżiti eċċessivi ta’ provi jistgħu jġibu fix-xejn il-qasam tal-applikazzjoni tar-Regolament
98. Rekwiżiti ta’ din ix-xorta dwar il-provi jistgħu, fil-prattika, jipprekludu kwalunkwe azzjoni preventiva fir-rigward ta’ merkanzija fi tranżitu estern, anki jekk huma speċifikament inklużi fl-ambitu tar-Regolament tal-2003.
99. It-tibdil fil-liġi dwar id-dwana joffri l-iktar prova ċara tal-importanza li tagħti l-leġiżlatura sabiex tkopri s-sitwazzjonijiet kollha tad-dwana fejn tista’ tinstab merkanzija ffalsifikata jew pirata (42). Għalhekk, l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003 fl-ambitu tiegħu jinkludi kemm merkanzija li tiddaħħal għar-rilaxx f’ċirkulazzjoni ħielsa, esportazzjoni jew importazzjoni mill-ġdid, u merkanzija li tidħol jew tħalli t-territorju tad-dwana tal-Komunità, fil-proċess li tiġi esportata mill-ġdid suġġetta għan-notifika, li tqiegħdet f’żona ħielsa jew magażinaġġ ħieles jew li tqiegħdet taħt proċedura sospensiva. Skont l-Artikolu 84(1)(a) tal-Kodiċi Komunitarju dwar id-Dwana, din il-proċedura sospensiva tinkludi, fost l-oħrajn, tranżitu estern, magażinaġġ tad-dwana u importazzjoni temporanja.
100. Arranġamenti tad-dwana ta’ dan it-tip jistgħu jintużaw b’mod frawdolenti sabiex bihom tiddaħħal merkanzija bil-ħsieb li tiġi mibjugħa illegalment fl-Unjoni Ewropea, għaliex ma hemm xejn li jobbliga lill-kunsinnatarju, mill-bidu, sabiex jiddikjara d-destinazzjoni tagħhom jew anki jikxef l-identità tiegħu.
101. Meta wieħed iqis id-diffikultajiet maħluqa minn sitwazzjonijiet bħal dawk f’dak li għandu x’jaqsam mal-provi, jekk suspetti ta’ illegalità ma jkunux biżżejjed biex jagħtu lok għal azzjoni preventiva mill-awtoritajiet tad-dwana, il-firxa li biha l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003 jispjega l-ambitu tiegħu tkun għalxejn, u żżid l-inċidenza ta’ abbużi mill-proċeduri sospensivi sabiex jevitaw li tinqabad il-merkanzija.
E – Ir-Regolament jintroduċi l-kriterju tas-‘suspett’
102. Ikkunsidrat dan kollu, naħseb illi d-definizzjoni ta’ “merkanzija falza” fl-Artikolu 2(1) (a) tar-Regolament tal-2003 hija maħsuba sabiex tgħin l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan ir-regolament u għandha tiġi interpretata b’mod illi tgħin l-applikazzjoni xierqa tagħhom.
103. Kif wieħed jista’ jara mit-titolu tiegħu, ir-Regolament jikkonċerna kemm “azzjoni doganali kontra merkanzija suspettata li tikser ċerti drittijiet ta’ proprjetà intellettwali” u “il-miżuri li għandhom jittieħdu kontra merkanzija li tinstab li tkun kisret dawk id-drittijiet”.
104. Dwar dan tal-aħħar, ikun meħtieġ li jiġi kkonstatat illi l-merkanzija hija fil-fatt “falza” jew “ikkuppjata” skont it-tifsira tal-Artikolu 2. Għal dan il-għan, kif diġà kelli l-okkażjoni li nikkonkludi f’dak li jikkonċerna l-kawża Philips, wieħed irid jirreferi għall-kriterji stabbiliti fil-liġi sostantiva dwar it-trade marks u drittijiet oħra ta’ proprjetà intellettwali. Ir-riferiment għal din tal-aħħar li tinsab fl-Artikolu 2 trid tiġi mifhuma b’dak il-għan.
105. Min-naħa l-oħra, sabiex l-awtoritajiet tad-dwana jkunu jistgħu jaqbdu ċerta merkanzija, l-eżistenza ta’ “suspett” hija biżżejjed sabiex tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 2, inklużi dawk stabbiliti fil-liġi sostantiva li jagħmel riferiment għaliha dan l-artikolu. Ir-Regolament ma jeħtieġ xejn iktar, u lanqas il-ġurisprudenza.
106. Il-problema issa hija li kunċett ta’ “suspett” f’dan il-kuntest huwa marbut minnu nnifsu mal-fatti. Ma hemmx dubju illi “suspett” ma jistax jinftiehem illi jfisser sejbiet li wieħed ma jistax jikkontesta, iżda li dak il-kriterju jrid jinżamm milli jwassal għall-użu ta’ diskrezzjoni totali mill-awtoritajiet tad-dwana fl-azzjoni tagħhom (43).
107. Għal din ir-raġuni, naħseb illi, sabiex l-awtoritajiet tad-dwana jkunu jistgħu jaqbdu merkanzija fi tranżitu suġġetta għall-kontroll tagħhom b’mod legali, iridu mill-inqas ikollhom “il-bidu ta’ provi”, jiġifieri, provi illi dik il-merkanzija tista’ fil-fatt tikser dritt ta’ proprjetà intellettwali.
108. Fil-każ speċifiku ta’ merkanzija fi tranżitu, l-iktar ħaġa diffiċli li trid tiġi ppruvata f’dan l-istadju hija, ovvjament, id-destinazzjoni tal-merkanzija.
109. Għal dan il-għan, meta jkunu qed jiġu vverifikati dawk is-“suspetti” irid jiġi kkunsidrat il-periklu ppreżentat mid-dħul frawdolenti ta’ merkanzija fl-Unjoni Ewropea. Minkejja l-prekawzjonijiet meħuda mis-sistema ta’ sorveljanza Komunitarja, dan il-periklu jeżisti, kif ma għandux jintesa wkoll illi, anki jekk il-proċedura ta’ tranżitu estern innifisha hija bbażata fuq finzjoni legali, il-merkanzija fiżikament tinstab fit-territorju tal-Unjoni Ewropea.
110. Għalhekk, bis-saħħa ta’ din il-finzjoni, merkanzija inkluża fil-proċedura ta’ tranżitu estern ma hijiex suġġetta għat-taxxa fuq l-importazzjoni jew għal miżuri oħra tal-politika kummerċjali, daqslikieku ma ddaħħlitx fit-territorju tal-Unjoni Ewropea. Madankollu, kif inhu kjarament stabbilit f’Polo vs Lauren, dak it-tranżitu “mhuwiex kompletament innokwu fuq is-suq intern” (44). Fil-qosor, hija kwistjoni ta’ kemm huwa kbir dak il-periklu li jagħmlu possibbli li ċerta merkanzija tiġi kklassifikata bħala “suspettata” li kisret dritt ta’ proprjetà intellettwali.
111. F’dawk it-termini u mingħajr ebda pretensjoni ta’ lista eżawrjenti, ċirkustanzi bħaż-żmien eċċessiv tat-tranżitu, it-tip u n-numru tal-mezzi tat-trasport użati, id-diffikultà kbira jew żgħira tal-identifikazzjoni tal-kunsinnatarju tal-merkanzija jew tan-nuqqas ta’ informazzjoni dwar id-destinazzjoni fiżika tagħhom jew tad-destinatarju, jistgħu, f’każijiet partikolari, iwasslu għal suspett fondat li l-merkanzija minnha nnifisha tidher “falza” jew “ikkuppjata” ser jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni Ewropea.
112. Biex nikkonkludi, nipproponi li nagħti risposta lill-Court of Appeal of England and Wales illi merkanzija mhux Komunitarja li għandha trade mark Komunitarju suġġetta għas-sorveljanza tad-dwana fi Stat Membru u li qiegħda fi tranżitu minn pajjiż terz għall-ieħor tista’ tinqabad minn dawk l-awtoritajiet tad-dwana jekk ikun hemm raġunijiet suffiċjenti biex ikun hemm suspett illi l-merkanzija hija falza u, b’mod partikolari, li ser titqiegħed fis-suq tal-Unjoni Ewropea, jew b’mod konformi ma’ proċedura tad-dwana jew permezz ta’ diverżjoni illegali.
VII – Konklużjoni
113. Għaldaqstant nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:
A – Għad-domanda preliminari mressqa mir-Rechtbank van eerste aanleg te Antwerpen (Kawża Ċ‑446/09)
“L-Artikolu 6(2) (b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3295/94, tat-22 ta’ Diċembru 1994, li jistabbilixxi miżuri li jipprojbixxu r-rilaxx għal ċirkulazzjoni libera, l-esportazzjoni, l-esportazzjoni mill-ġdid jew dħul għal proċedura sospensiva ta’ oġġetti ffalsifikati jew pirati ma għandux jiġi interpretat illi jfisser illi l-awtorità legali tal-Istat Membru interpellata, skont l-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, mid-detentur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali, tista’ tinjora l-istatus ta’ dħul temporanju jew ta’ tranżitu tal-merkanzija kkonċernata, jew, għaldaqstant li jfisser illi dik l-awtorità tista’ tapplika l-finzjoni illi dik il-merkanzija kienet immanifatturata fl-istess Stat Membru sabiex jiġi deċiż, skont il-liġi ta’ dak l-Istat, jekk dik il-merkanzija tiksirx id-dritt ta’ proprjetà intellettwali kkonċernat jew le.”
B – Għad-domanda mressqa mill-Court of Appeal of England and Wales (Kawża Ċ-495/09)
“Merkanzija mhux Komunitarja li jkollha trade mark Komunitarju suġġetta għas-sorveljanza doganali fi Stat Membru u li hija fi tranżitu minn pajjiż terz għal ieħor tista’ tinqabad mill-awtoritajiet tad-dwana jekk ikun hemm raġuni suffiċjenti fuq suspett illi dik il-merkanzija hija falza u li, b’mod partikolari, li ser titqiegħed fis-suq tal-Unjoni Ewropea, jew b’mod konformi ma’ proċedura tad-dwana jew permezz ta’ diverżjoni illegali.”