Language of document : ECLI:EU:C:2016:170

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fis-16 ta’ Marzu 2016 (1)

Kawża C‑484/14

Tobias Mc Fadden

vs

Sony Music Entertainment Germany GmbH

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht München I (qorti reġjonali ta’ München I, il-Ġermanja)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni – Direttiva 2000/31/KE – Artikolu 2(a) u (b) – Kunċett ta’ ‘servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni’ – Kunċett ta’ ‘dak li jipprovdi servizz’ – Servizz ta’ natura ekonomika – Artikolu 12 – Limitazzjoni tar-responsabbiltà ta’ persuna li tipprovdi servizzi ta’ ‘mere conduit’ – Artikolu 15 – Esklużjoni ta’ obbligu ġenerali li jsir monitoraġġ – Professjonist li jistabbilixxi netwerk wireless lokali b’aċċess għall-internet bla ħlas għad-dispożizzjoni tal-pubbliku – Ksur tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati mwettaq minn utent terz – Mandat li jinvolvi l-obbligu li l-konnessjoni tal-internet tiġi protetta permezz ta’ password”





I –    Introduzzjoni

1.        Professjonist li, fil-kuntest tal-attivitajiet tiegħu, jopera netwerk wireless lokali b’aċċess għall-internet (iktar ’il quddiem in-“netwerk Wi-Fi”) (2), miftuħ għall-pubbliku u bla ħlas, jipprovdi servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni fis-sens tad-Direttiva 2000/31/KE (3)? Sa fejn hija limitata r-responsabbiltà tiegħu minħabba l-ksur tad-drittijiet tal-awtur imwettaq minn utenti terzi? Tali operatur ta’ netwerk Wi-Fi pubbliku jista’, permezz ta’ mandat, jiġi kostrett jipproteġi l-aċċess għan-netwerk tiegħu permezz ta’ password?

2.        Dawn il-mistoqsijiet jiddeskrivu fil-qosor il-problematika mqajma mit-tilwima bejn T. Mc Fadden u Sony Music Entertainment Germany GmbH (iktar ’il quddiem “Sony Music”), dwar il-kawżi għad-danni u għall-ħruġ ta’ mandat rigward it-tqegħid għad-dispożizzjoni għat-tniżżil ta’ xogħol mużikali protett bid-drittijiet tal-awtur, permezz tan-netwerk Wi-Fi pubbliku operat minn T. McFadden.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

1.      Leġiżlazzjoni dwar is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni

3.        Kif jirriżulta mill-premessa 40 tagħha, id-Direttiva 2000/31 fost l-oħrajn tfittex li tarmonizza d-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar ir-responsabbiltà ta’ dawk li jipprovdu servizzi intermedji, sabiex tippermetti l-funzjonament tajjeb ta’ suq uniku għas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni.

4.        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/31, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, dawn it-termini li ġejjin għandu jkollhom dawn it-tifsiriet:

(a)      ‘servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni’: servizzi fil-qofol ta’ dak li jfisser l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34/KE [(4)]kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE [(5)];

(b)      ‘dak li jipprovdi servizz’: kull persuna naturali jew legali li tipprovdi servizz għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni;

[…]”

5.        L-Artikoli 12, 13 u 14 tad-Direttiva 2000/31 ikopru tliet kategoriji ta’ servizzi intermedji, jiġifieri, il-“mere conduit”, il-“caching” u l-hosting, rispettivament.

6.        L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2000/31, intitolat “‘Mere conduit’”, jipprovdi:

“1.      Meta servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni jkun ipprovdut li jikkonsisti fit-trasmissjoni f’network ta’ komunikazzjoni ta’ informazzjoni provduta minn dak li jirċievi s-servizz, jew tal-proveddiment ta’ aċċess lejn network ta’ komunikazzjoni, Stati Membri għandhom jassiguraw li dak li jipprovdi s-servizz ma jkunx responsabbli għall-informazzjoni trasmessa, bil-kundizzjoni li dak li jipprovdi:

(a)      ma jkunx beda t-trasmissjoni;

(b)      ma jkunx għażel dak li jirċievi t-trasmissjoni; u

(ċ)      ma jkunx għażel jew immodifika l-informazzjoni li tkun tinstab fit-trasmissjoni.

[...]

3.      Dan l-Artikolu m’għandux jaffettwa l-possibilità għal qorti jew awtorità amministrattiva, bi qbil mas-sistemi legali ta’ l-Istati Membri, li jinħtieġu li dak li jipprovdi s-servizz li jwaqqaf jew li ma jħallix li jsir ksur.”

7.        L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2000/31, intitolat “L-ebda obbligu ġenerali li jsir monitoraġġ”, jipprovdi:

“L-Istati Membri m’għandhomx jimponu obbligu ġenerali fuq dawk li jipprovdu, meta jipprovdu s-servizzi koperti mill-Artikoli 12, 13 u 14, li jagħmlu monitoraġġ ta’ l-informazzjoni li huma jittrasmettu jew iżommu, l-anqas obbligu ġenerali biex ikunu mfittxija fatti jew ċirkostanzi li jindikaw attività illegali.”

2.      Leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali

8.        L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/29/KE (6), intitolat “Sanzjonijiet u Rimedji”, jistabbilixxi fil-paragrafu 3 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-detenturi tad-drittijiet ikunu f’posizzjoni biex japplikaw għal restrizzjoni kontra intermedjarji li s-servizzi tagħhom jkunu użati minn terzi partijiet biex jiksru d-drittijiet ta’ l-awtur jew dritt relatat.”

9.        Dispożizzjoni essenzjalment identika, f’dak li jirrigwarda, b’mod ġenerali, il-ksur ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali, hija prevista fit-tielet sentenza tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/48/KE (7), intitolat “Mandati”. Skont il-premessa 23 tagħha, din id-direttiva ma taffettwax l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29, li diġà jipprevedi livell għoli ta’ armonizzazzjoni dwar il-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u ta’ drittijiet relatati.

10.      L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/48/KE, intitolat “Obbligu Ġenerali”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jipprovdu il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji neċessarji biex jiġi assigurat l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali koperti b’din id-Direttiva. Dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikunu ġusti u m’għandhomx ikunu mhux neċessarjament kumplikati jew għaljin, jew li jwasslu għal-limiti ta’ ħin mhux raġjonevoli jew dewmien mhux ordnat.

2.      Dawk il-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji għandhom ikun wkoll effetttivi, proporzjonati u dissważivi u għandhom ikunu applikati b’mod u manjiera li jevitaw il-ħolqien ta’ barrieri biex jiġi leġitimiżżat il-kummerċ u biex jiġu provduti protezzjonijiet kontra l-abbuż tagħhom.”

B –    Id-dritt Ġermaniż

1.      Dispożizzjonijiet leġiżlattivi li jittrasponu d-Direttiva 2000/31

11.      L-Artikoli 12 sa 15 tad-Direttiva 2000/31 ġew trasposti fid-dritt Ġermaniż permezz tal-Artikoli 7 sa 10 tal-liġi dwar il-mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi (Telemediengesetz) (8).

2.      Dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati

12.      L-Artikolu 97 tal-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati (Gesetz über Urheberrecht und verwandte Schutzrechte – Urheberrechtsgesetz) (9) jiddisponi:

“1)      Fil-każ ta’ ksur illegali tad-drittijiet tal-awtur jew ta’ dritt ieħor protett minn din il-liġi, il-persuna leża tista’ titlob li jitwaqqaf id-dannu; fil-każ ta’ riskju ta’ repetizzjoni tal-ksur, hija tista’ titlob il-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni. Id-dritt li jinħareġ mandat ta’ inibizzjoni jeżisti wkoll meta jkun jidher għall-ewwel darba li hemm riskju ta’ ksur.

2)      Min iwettaq ksur b’mod intenzjonat jew b’negliġenza għandu jikkumpensa lill-persuna leża għad-dannu li jirriżulta minnu. [...]”

13.      L-Artikolu 97a tal-imsemmija liġi, fil-verżjoni tagħha applikabbli fil-mument tal-intimazzjoni fl-2010, kien jipprovdi:

“1)      Il-persuna leża għandha tagħti avviż ta’ intimazzjoni lill-persuna li twettaq vjolazzjoni qabel ma tibda proċeduri ġudizzjarji għal inibizzjoni u tagħtiha l-opportunità li tirriżolvi t-tilwima billi tieħu l-impenn li żżomm lura milli twettaq il-ksur, flimkien ma’ klawżola penali xierqa. Sa fejn l-intimazzjoni tkun iġġustifikata, jista’ jintalab ir-rimbors tal-ispejjeż neċessarji.

2)      Ir-rimbors tal-ispejjeż neċessarji marbuta mas-servizzi ta’ avukat għall-ewwel intimazzjoni huma limitat għal EUR 100 għall-każijiet sempliċi ta’ ksur minuri barra mill-qasam kummerċjali.”

14.      L-Artikolu 97a tal-imsemmija liġi, fil-verżjoni tagħha attwalment fis-seħħ, jipprovdi:

“1)      Il-persuna leża għandha tagħti avviż ta’ intimazzjoni lill-persuna li twettaq vjolazzjoni qabel ma tibda proċeduri ġudizzjarji għal inibizzjoni u tagħtiha l-opportunità li tirriżolvi t-tilwima billi tieħu l-impenn li żżomm lura milli twettaq il-ksur, flimkien ma’ klawżola penali xierqa.

[...]

3)      Sa fejn l-intimazzjoni tkun iġġustifikata, [...] jista’ jintalab ir-rimbors tal-ispejjeż neċessarji. [...]

[...]”

3.      Ġurisprudenza

15.      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fid-dritt Ġermaniż, fil-każ ta’ ksur ta’ drittijiet tal-awtur jew ta’ drittijiet relatati, ir-responsabbiltà tista’ tirriżulta kemm b’mod dirett (“Täterhaftung”) kif ukoll b’mod indirett (“Störerhaftung”).

16.      L-Artikolu 97 tal-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati huwa interpretat mill-qrati Ġermaniżi fis-sens li persuna tista’ tinkorri r-responsabbiltà fil-każ ta’ ksur meta, mingħajr ma tkun l-awtur tal-ksur jew kompliċi fih, tikkontribwixxi bi kwalunkwe mod, b’mod deliberat jew bi grad suffiċjenti ta’ kawżalità (“Störer”).

17.      F’dan ir-rigward, il-Bundesgerichtshof (qorti federali tal-ġustizzja), f’sentenza tat-12 ta’ Mejju 2010, Sommer unseres Lebens (I ZR 121/08), iddeċidiet li persuna privata li topera netwerk Wi-Fi b’aċċess għall-internet tista’ tiġi kklassifikata bħala “Störer” meta ma tkunx ipproteġiet in-netwerk tagħha permezz ta’ password, b’tali mod li tippermetti lil terz jikser drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati. Skont dik is-sentenza, huwa raġonevoli li tali operatur tan-netwerk jieħu miżuri ta’ protezzjoni, bħal sistema ta’ identifikazzjoni permezz ta’ password.

III – Il-kawża prinċipali

18.      Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jopera impriża li fil-kuntest tagħha huwa jbigħ jew jikri sistemi ta’ dawl u ta’ ħoss għal diversi avvenimenti.

19.      Huwa l-proprjetarju ta’ konnessjoni tal-internet li huwa jopera permezz ta’ netwerk Wi-Fi. Permezz ta’ din il-konnessjoni, fl-4 ta’ Settembru 2004, xogħol mużikali ġie offrut illegalment għat-tniżżil.

20.      Sony Music hija produttur ta’ fonogrammi u d-detentriċi tad-drittijiet fuq dan ix-xogħol mużikali. Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Ottubru 2010, Sony Music bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lil T. Mc Fadden dwar il-ksur tad-drittijiet tagħha.

21.      Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, T. Mc Fadden sostna f’dan ir-rigward li, fil-kuntest tal-impriża tiegħu, huwa kien jopera netwerk Wi-Fi, aċċessibbli għal kull utent u li fuqu ma kellu ebda kontroll. Huwa konxjament ma kienx ipproteġa n-netwerk permezz ta’ password sabiex jippermetti lill-pubbliku jkollu aċċess għall-internet. T. Mc Fadden jafferma li ma kienx wettaq l-allegat ksur, iżda ma setax jeskludi li dan twettaq minn xi wieħed mill-utenti tan-netwerk tiegħu.

22.      Wara din l-intimazzjoni, T. Mc Fadden ippreżenta azzjoni dikjaratorja negattiva (“negative Feststellungsklage”) quddiem il-qorti tar-rinviju. Sony Music ippreżentat kontrotalba għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni u għad-danni.

23.      Permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Jannar 2014, mogħtija fil-kontumaċja, il-qorti tar-rinviju ċaħdet it-talba ta’ T. Mc Fadden u laqgħet il-kontrotalba, filwaqt li ordnat il-ħruġ ta’ mandat kontra T. Mc Fadden għar-responsabbiltà diretta tiegħu għall-ksur inkwistjoni u kkundannatu għall-ħlas tad-danni kif ukoll għall-ispejjeż ta’ intimazzjoni u għall-ispejjeż ġudizzjarji.

24.      T. Mc Fadden ippreżenta oppożizzjoni kontra din id-deċiżjoni mogħtija fil-kontumaċja. B’mod partikolari huwa sostna li, skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt Ġermaniż li jittrasponu l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2000/31, ir-responsabbiltà tiegħu kienet eskluża.

25.      Fil-kuntest tal-proċedura ta’ oppożizzjoni, Sony Music talbet li s-sentenza mogħtija fil-kontumaċja tiġi kkonfermata u, sussidjarjament, li jinħareġ il-mandat u li T. Mc Fadden jiġi kkundannat għall-ħlas tad-danni u għall-ispejjeż ta’ intimazzjoni, abbażi tar-responsabbiltà indiretta tiegħu (“Störerhaftung”).

26.      Il-qorti tar-rinviju tindika li, f’dan l-istadju, hija ma tikkunsidrax li T. Mc Fadden huwa responsabbli direttament, iżda tipprevedi l-konstatazzjoni tar-responsabbiltà indiretta tiegħu (“Störerhaftung”) minħabba li n-netwerk Wi-Fi tiegħu ma ġiex protett.

27.      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li hija inklinata tapplika b’analoġija s-sentenza tal-Bundesgerichtshof tat-12 ta’ Mejju 2010, Sommer unseres Lebens (I ZR 121/08), peress li tikkunsidra li dik is-sentenza, għalkemm tikkonċerna persuni privati, tapplika iktar u iktar fil-każ ta’ professjonist li jopera netwerk Wi-Fi miftuħ għall-pubbliku. Skont il-qorti tar-rinviju, il-konstatazzjoni tar-responsabbiltà fuq din il-bażi madankollu tkun eskluża jekk il-fatti tal-kawża prinċipali kellhom jaqgħu taħt l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2000/31, traspost fid-dritt Ġermaniż permezz tal-Artikolu 8(1) tal-liġi dwar il-mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi tas-26 ta’ Frar 2007, kif emendata bil-liġi tal-31 ta’ Marzu 2010.

IV – Id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

28.      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Landgericht München I (qorti reġjonali ta’ Munich I) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      [L-]Artikolu 12(1) tad-Direttiva [2000/31], moqri flimkien mal-Artikolu 2(a) [ta’ din id-direttiva] u mal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva [98/34], kif emendata bid-Direttiva [98/48], għand[u jiġi interpretat] fis-sens li l-espressjoni ‘normalment ipprovdut għal remunerazzjoni’ tfisser li l-qorti nazzjonali għandha tiddetermina

a)      jekk il-persuna kkonċernata konkreta, li tipprevalixxi ruħha mill-kwalità ta’ persuna li tipprovdi servizz, tipprovdix dan is-servizz konkret normalment għal remunerazzjoni, jew

b)      jekk hemmx persuni li jipprovdu servizz fis-suq li jipprovdu dan is-servizz jew servizzi simili għal remunerazzjoni, jew

c)      jekk il-parti l-kbira ta’ dawn is-servizzi jew servizzi simili humiex ipprovduti għal remunerazzjoni?

2)      [L-]Artikolu 12(1) tad-Direttiva [2000/31] għand[u jiġi interpretat] fis-sens li l-espressjoni ‘proveddiment ta’ aċċess lejn network ta’ komunikazzjoni’ tfisser li, sabiex persuna li tipprovdi servizz tkun konformi mad-Direttiva, huwa importanti biss li jirriżulta li jiġi pprovdut aċċess għal netwerk ta’ komunikazzjoni (pereżempju, għall-internet)?

3)      [L-]Artikolu 12(1) tad-Direttiva [2000/31], moqri flimkien mal-Artikolu 2(b) [ta’ din id-direttiva], għand[u jiġi interpretat] fis-sens li, għal ‘tipprovdi’ fis-sens tal-[imsemmi Artikolu 2(b),] huwa suffiċjenti li s-servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni jkun fil-fatt tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-utent, f’dan il-każ li WLAN miftuħ jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-utent, jew, pereżempju, huwa neċessarju li, barra minn hekk, ikun hemm ‘pubbliċità’?

4)      [L-]Artikolu 12(1) tad-Direttiva [2000/31] għand[u jiġi interpretat] fis-sens li l-espressjoni ‘ma jkunx responsabbli għall-informazzjoni trasmessa’ tfisser li huma bħala prinċipju esklużi, fir-rigward tal-persuna kkonċernata minħabba l-ksur tad-drittijiet tal-awtur, drittijiet eventwali għall-projbizzjoni, kumpens, il-ħlas tal-ispejjeż ta’ intimazzjoni u tal-ispejjeż ġudizzjarji kontra l-persuna li tipprovdi aċċess, jew dawn huma esklużi f’kull każ mal-ewwel ksur tad-drittijiet tal-awtur stabbilit?

5)      [L-]Artikolu 12(1) [tad-Direttiva 2000/31,] moqri[...] flimkien mal-Artikolu 12(3) ta’ din id-direttiva, għand[u jiġi interpretat] fis-sens li l-Istati Membri ma jistgħux jawtorizzaw lill-qorti nazzjonali, f’kawża prinċipali, tordna lill-persuni li jipprovdu aċċess sabiex jastjenu fil-futur milli jippermettu lil terzi li jipprovdu, permezz ta’ konnessjoni tal-internet konkreta, xogħol partikolari protett mid-drittijiet tal-awtur f’borża [fuq pjattaforma] ta’ skambju fuq l-internet għal konsultazzjoni online?

6)      [L-]Artikolu 12(1) tad-Direttiva [2000/31] għand[u jiġi interpretat] fis-sens li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, ir-regola prevista fl-Artikolu 14(1)(b) [ta’ din id-direttiva] għandha tiġi applikata b’analoġija għal dritt li tinkiseb il-projbizzjoni?

7)      [L-]Artikolu 12(1) tad-Direttiva [2000/31], moqri[...] flimkien mal-Artikolu 2(b) [ta’ din id-direttiva], għand[u jiġi interpretat] fis-sens li r-rekwiżiti imposti fuq persuna li tipprovdi servizz huma limitati għall-fatt li tali persuna hija kull persuna fiżika jew ġuridika li tipprovdi servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni?

8)      Fil-każ ta’ risposta negattiva [għas-seba’ domanda], liema rekwiżiti supplimentari għandhom jiġu imposti fuq persuna li tipprovdi servizz fl-ambitu tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva [2000/31]?

9)      a)      [L-]Artikolu 12(1) tad-Direttiva [2000/31], fid-dawl tal-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali ggarantita mid-drittijiet fundamentali u li toħroġ mid-dritt għall-proprjetà (Artikolu 17(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea [iktar ’il quddiem il-‘Karta’]), fid-dawl ukoll tar-regoli previsti [fid-Direttivi 2001/29 u 2004/48], u fid-dawl tal-libertà tal-informazzjoni kif ukoll tal-libertà tal-intrapriża ggarantiti mid-drittijiet fundamentali tal-Unjoni (Artikolu 16 [tal-Karta]), għand[u jiġi interpretat] fis-sens li ma [j]ipprekludix deċiżjoni ta’ qorti nazzjonali mogħtija f’kawża prinċipali li tordna lill-persuna li tipprovdi aċċess, taħt piena ta’ penalità, li tastjeni fil-futur milli tippermetti li terzi jipprovdu, permezz ta’ konnessjoni tal-internet konkreta, xogħol partikolari, jew partijiet minnu, protett mid-drittijiet tal-awtur f’borża [fuq pjattaforma] ta’ skambju fuq l-internet għal konsultazzjoni online, u b’mod li l-persuna li tipprovdi aċċess ikollha b’dan il-mod l-għażla ta’ miżuri tekniċi li hija tista’ konkretament tadotta sabiex tikkonforma ruħha ma’ din l-ordni?

      b)      Dan japplika wkoll jekk il-persuna li tipprovdi aċċess tista’ fil-prattika tosserva l-projbizzjoni ġudizzjarja biss billi twaqqaf il-konnessjoni tal-internet, jew billi tissuġġettaha għal password, jew billi teżamina l-komunikazzjonijiet kollha trażmessi permezz ta’ din il-konnessjoni sabiex tivverifika li x-xogħol inkwistjoni protett mid-drittijiet tal-awtur ma jerġax jiġi trażmess b’mod illegali, meta dan huwa sa mill-bidu nett stabbilit u ma jidhirx biss fil-kuntest tal-proċedura ta’ infurzar jew ta’ sanzjoni?”

29.      Id-deċiżjoni tar-rinviju, li ġġib id-data tat-8 ta’ Settembru 2014, waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Novembru 2014. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

30.      Il-partijiet fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni pparteċipaw ukoll fis-seduta li nżammet fid-9 ta’ Diċembru 2015.

V –    Analiżi

31.      Id-domandi preliminari jistgħu jiġu raggruppati b’riferiment għal żewġ problematiċi li huma jqajmu.

32.      Minn naħa, permezz tal-ewwel sat-tielet domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex li tiddetermina jekk professjonist, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jopera, fil-kuntest tal-attivitajiet tiegħu, netwerk Wi-Fi pubbliku u bla ħlas, jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2000/31.

33.      Min-naħa l-oħra, fil-każ li japplika l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2000/31, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, permezz tar-raba’ sad-disa’ domandi tagħha, li tinterpreta l-limitazzjoni tar-responsabbiltà ta’ persuna li tipprovdi servizzi intermedji prevista f’din id-dispożizzjoni.

A –    Fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2000/31

34.      Permezz tal-ewwel tliet domandi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk professjonist li, fil-kuntest tal-attivitajiet tiegħu, jopera netwerk Wi-Fi pubbliku u bla ħlas għandux jitqies li huwa persuna li tipprovdi servizz li jikkonsisti fil-provvista ta’ aċċess għal netwerk ta’ komunikazzjoni, skont it-tifsira tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2000/31.

35.      Il-qorti tar-rinviju tqajjem żewġ domandi f’dan ir-rigward dwar, minn naħa, in-natura ekonomika ta’ dan is-servizz u, min-naħa l-oħra, il-fatt li l-operatur ta’ netwerk Wi-Fi jista’ sempliċement iqiegħed dan is-servizz għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, mingħajr ma jippreżenta ruħu b’mod espliċitu lill-utenti potenzjali bħala persuna li tipprovdi servizzi.

1.      Is-servizz “ta’ natura ekonomika” (l-ewwel domanda)

36.      F’dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ “servizz”, l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2000/31 jirreferi għall-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34 (10), li jipprevedi “kull servizz tas-Soċjetà ta’ l-Informatika, jiġifieri kull servizz normalment ipprovdut għal rimunerazzjoni, mill-bogħod, b’mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali ta’ riċevitur ta’ servizzi”.

37.      Il-kundizzjoni għas-servizz ikkonċernat li jiġi “normalment” ipprovdut “għal rimunerazzjoni” ittieħdet mill-Artikolu 57 TFUE u tirrifletti l-kunsiderazzjoni, stabbilita sew fil-ġurisprudenza, li s-servizzi ta’ natura ekonomika biss huma koperti mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar is-suq intern (11).

38.      Skont ġurisprudenza stabbilita sew, il-kunċetti ta’ attività ekonomika u ta’ provvista ta’ servizzi fil-kuntest tas-suq intern għandhom jingħataw interpretazzjoni wiesgħa (12).

39.      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar in-natura ekonomika tal-provvista inkwistjoni, filwaqt li tindika li skontha, it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ aċċess għall-internet, anki bla ħlas, huwa attività ekonomika, minħabba li l-provvista ta’ tali aċċess normalment jikkostitwixxi servizz ipprovdut għal remunerazzjoni.

40.      Nosserva, kif irrilevaw il-qorti tar-rinviju u, bl-eċċezzjoni ta’ Sony Music, il-parti l-kbira tal-partijiet u tal-partijiet interessati, li l-provvista ta’ aċċess għall-internet normalment jikkostitwixxi attività ekonomika. Din il-konstatazzjoni tgħodd ukoll għall-provvista ta’ tali aċċess permezz ta’ netwerk Wi-Fi.

41.      Fl-opinjoni tiegħi, meta operatur ekonomiku joffri tali aċċess għall-pubbliku fil-kuntest tal-attivitajiet tiegħu, anki bla ħlas, huwa qed jipprovdi, għalkemm b’mod anċillari meta mqabbel mal-attività prinċipali tiegħu, servizz ta’ natura ekonomika.

42.      Il-fatt innifsu tal-operat ta’ netwerk Wi-Fi miftuħ għall-pubbliku, meta mqabbel ma’ attività ekonomika oħra, isir ukoll neċessarjament f’kuntest ekonomiku.

43.      F’dan ir-rigward, l-aċċess għall-internet jista’ jikkostitwixxi forma ta’ kummerċjalizzazzjoni li tippermetti li tattira l-klijenti u li jsiru klijenti leali. Minħabba li huwa jikkontribwixxi għall-eżerċizzju tal-attività prinċipali, il-fatt li persuna li tipprovdi servizzi ma tiġix irremunerata direttament mill-benefiċjarji ma huwiex determinanti. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kundizzjoni ta’ korrispettiv ekonomiku prevista fl-Artikolu 57 TFUE ma teżiġix li s-servizz jitħallas direttament minn dawk li jibbenefikaw minnu (13).

44.      L-argument ta’ Sony Music, li permezz tiegħu hija tikkontesta l-fatt li dan huwa servizz offrut “normalment” għal remunerazzjoni, ma jikkonvinċini xejn.

45.      Ċertament, aċċess għall-internet ħafna drabi huwa offrut, minn lukanda jew bar, bla ħlas. Madankollu, dan il-fatt bl-ebda mod ma jeskludi l-konstatazzjoni li l-provvista inkwistjoni tingħata flimkien ma’ korrispettiv ekonomiku inkorporat fil-prezz tas-servizzi l-oħra.

46.      Ma narax għalfejn il-provvista tal-aċċess għall-internet għandu jiġi pperċepit b’mod differenti meta mqabbel ma’ attivitajiet ekonomiċi oħra.

47.      Għalhekk, f’dan il-każ, T. Mc Fadden jindika li huwa opera n-netwerk Wi‑Fi, inizjalment bl-isem “mcfadden.de”, sabiex jattira l-attenzjoni tal-klijenti ta’ ħwienet biswit u ta’ persuni li jkunu għaddejjin barra l-impriża tiegħu li hija speċjalizzata f’sistemi tad-dawl u tal-ħoss, u jħajjarhom iżuru l-ħanut jew is-sit elettroniku tiegħu.

48.      Fl-opinjoni tiegħi, il-provvista ta’ aċċess għall-internet f’dawn iċ-ċirkustanzi ssir f’kuntest ekonomiku, anki jekk qed tiġi offruta bla ħlas.

49.      Barra minn hekk, għalkemm jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li, bejn wieħed u ieħor fiż-żmien meta seħħew il-fatti tal-kawża prinċipali, T. Mc Fadden probabbilment emenda l-isem tan-netwerk Wi-Fi tiegħu għal “Freiheitstattangst.de” (“il-libertà, mhux il-biża’”) sabiex juri l-appoġġ tiegħu għall-ġlieda kontra s-sorveljanza tal-internet mill-Istat, din iċ-ċirkustanza waħidha ma tinfluwenzax il-klassifikazzjoni ta’ din l-attività bħala “ekonomika”. Il-bidla fl-isem tan-netwerk Wi-Fi ma jidhirlix li hija deċiżiva peress li, fi kwalunkwe każ, dan huwa netwerk operat fl-istabbiliment kummerċjali ta’ T. Mc Fadden.

50.      Barra minn hekk, peress li T. Mc Fadden opera n-netwerk Wi-Fi miftuħ għall-pubbliku fil-kuntest tal-impriża tiegħu, ma hemmx bżonn li jiġi eżaminat jekk il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/31 jistax jinkludi wkoll tali attività ta’ operat ta’ netwerk meta ma jkun hemm ebda kuntest ekonomiku ieħor (14).

2.      Is-servizz li jikkonsisti fil-“provvista” ta’ aċċess għal netwerk (it-tieni u t-tielet domandi)

51.      Il-kunċett ta’ “servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni” ikopri, skont l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2000/31, kull attività ekonomika li tikkonsisti fit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ aċċess għal netwerk ta’ komunikazzjoni, li jinkludi l-operat ta’ netwerk Wi-Fi pubbliku b’aċċess għall-internet (15).

52.      Fl-opinjoni tiegħi, il-verb “ipprovda” jimplika biss li l-attività kkonċernata tippermetti aċċess tal-pubbliku għal netwerk, filwaqt li tibqa’ f’kuntest ekonomiku.

53.      Fil-fatt, il-klassifikazzjoni ta’ attività partikolari bħala “servizz” hija ta’ natura oġġettiva. Għalhekk, ma huwiex neċessarju, fl-opinjoni tiegħi, li l-persuna kkonċernata tippreżenta ruħha lill-pubbliku bħala persuna li tipprovdi servizzi jew li tippromwovi l-attività tagħha b’mod espliċitu ma’ klijenti potenzjali.

54.      Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza relatata mal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29, il-fatt li jiġi pprovdut servizz intermedju għandu jinftiehem f’sens wiesa’ u ma jeżiġix l-eżistenza ta’ rabta kuntrattwali bejn il-persuna li tipprovdi servizzi u l-utenti (16). Nosserva li l-kwistjoni tal-eżistenza ta’ relazzjonijiet kuntrattwali taqa’ biss taħt id-dritt nazzjonali.

55.      Madankollu, mis-seba’ domanda preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju għandha dubji rigward dan l-aħħar punt, minħabba l-fatt li l-verżjoni Ġermaniża tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2000/31, li jiddefinixxi l-kunċett ta’ “dak li jipprovdi servizz” (“Diensteanbieter”), tirreferi għal persuna li “tipprovdi” (“anbietet”) servizz, filwaqt li tuża terminu li jista’ jinftiehem li jimplika l-promozzjoni attiva ta’ servizz lill-klijenti.

56.      Madankollu, tali qari tat-terminu “provvista [ta’ servizz]”, minbarra l-fatt li ma huwiex sostnut minn verżjonijiet lingwistiċi oħra (17), ma jidhirlix li huwa ġġustifikat mill-ġurisprudenza relatata mal-Artikolu 56 TFUE, li hija bbażata fuq interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ servizz u ma tinkludix din il-kundizzjoni ta’ promozzjoni attiva (18).

3.      Konklużjoni provviżorja

57.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li l-Artikolu 2(a) u (b) u l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2000/31 għandhom jiġu interpretati fis-sens li japplikaw għal persuna li, b’mod anċillari meta mqabbel mal-attività ekonomika prinċipali tagħha, topera netwerk Wi-Fi b’konnessjoni mal-internet, miftuħ għall-pubbliku u bla ħlas.

B –    Interpretazzjoni tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2000/31

1.      Osservazzjonijiet preliminari

58.      Nixtieq inqassam b’mod skematiku l-problematika, relattivament kumplessa, imqajma mir-raba’ sad-disa’ domandi.

59.      Ir-raba’ u l-ħames domandi, li nipproponi li jiġu analizzati flimkien, jirrigwardaw il-parametri tar-responsabbiltà ta’ persuna li tipprovdi servizzi ta’ “‘mere conduit’”, kif jirriżultaw mill-Artikolu 12(1) u (3) tad-Direttiva 2000/31.

60.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar il-possibbiltà li l-persuna li tipprovdi servizzi intermedji tiġi kkundannata abbażi tat-talbiet għal inibizzjoni u għad-danni kif ukoll għall-ispejjeż extraġudizzjarji u għall-ispejjeż ġudizzjarji, fil-każ ta’ ksur tad-drittijiet tal-awtur imwettaq minn terz. Barra minn hekk, hija tistaqsi jekk qorti nazzjonali tistax tordna lill-persuna li tipprovdi servizzi intermedji sabiex twaqqaf l-azzjonijiet li jippermettu lil terzi jwettqu l-ksur ikkonċernat.

61.      Fl-ipoteżi fejn ma tista’ tiġi prevista ebda azzjoni effettiva kontra l-persuna li tipprovdi servizzi intermedji, il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi dwar il-possibbiltà li tiġi ristretta l-portata tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2000/31 permezz ta’ applikazzjoni b’analoġija tal-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 14(1)(b) ta’ din id-direttiva (is-sitt domanda) jew permezz ta’ kundizzjonijiet oħra mhux miktuba (is-seba’ u t-tmien domandi).

62.      Id-disa’ domanda tirrigwarda l-limiti tal-mandat li jista’ jiġi ordnat kontra persuna li tipprovdi servizzi intermedji. Sabiex din id-domanda titwieġeb b’mod utli, xieraq li ssir referenza mhux biss għall-Artikoli 12 u 15 tad-Direttiva 2000/31, iżda wkoll għad-dispożizzjonijiet dwar il-mandati inklużi fid-Direttivi 2001/29 u 2004/48 fir-rigward tal-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, kif ukoll għad-drittijiet fundamentali li fuqhom huwa bbażat il-bilanċ stabbilit minn dawn id-dispożizzjonijiet kollha.

2.      Portata tar-responsabbiltà tal-persuna li tipprovdi servizzi intermedji (ir-raba’ u l-ħames domandi)

63.      L-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2000/31 jillimita r-responsabbiltà ta’ persuna li tipprovdi servizz ta’ “‘mere conduit’” għal attività illegali mibdija minn terzi minħabba informazzjoni trażmessa.

64.      Kif jirriżulta mix-xogħol preparatorju ta’ dan l-att leġiżlattiv, il-limitazzjoni inkwistjoni tkopri b’mod orizzontali, kull forma ta’ responsabbiltà għal attivitajiet illegali ta’ kwalunkwe natura. Għalhekk, din tirrigwarda r-responsabbiltà kemm legali jew amministrattiva kif ukoll ċivili u r-responsabbiltà kemm diretta kif ukoll sekondarja, għall-atti mwettqa minn terzi (19).

65.      Skont l-Artikolu 12(1)(a) sa (ċ) tad-Direttiva 2000/31, din il-limitazzjoni hija suġġetta għal tliet kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri li l-persuna li tipprovdi servizz ta’ “‘mere conduit’” ma tkunx bdiet it-trażmissjoni, li ma tkunx għażlet lil dak li jirċievi t-trażmissjoni u li ma tkunx għażlet jew immodifikat l-informazzjoni li tkun tinsab fit-trażmissjoni.

66.      Għalhekk, skont il-premessa 42 tad-Direttiva 2000/31, id-derogi fil-qasam tar-responsabbiltà jikkonċernaw biss l-attività purament teknika, awtomatika u passiva, li jfisser li l-persuna li tipprovdi servizzi la jkollha għarfien u lanqas kontroll fuq l-informazzjoni trażmessa jew maħżuna.

67.      Id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju huma bbażati fuq l-ipoteżi li fil-kawża inkwistjoni dawn il-kundizzjonijiet ġew issodisfatti.

68.      Nosserva li jirriżulta mill-qari konġunt tal-paragrafi 1 sa 3 tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2000/31 li d-dispożizzjonijiet ikkonċernati jillimitaw ir-responsabbiltà ta’ persuna li tipprovdi servizzi intermedji fir-rigward tal-informazzjoni trażmessa, iżda ma jipproteġuhiex minn mandati ġudizzjarji.

69.      Bl-istess mod, skont il-premessa 45 tad-Direttiva 2000/31, il-limitazzjonijiet tar-responsabbiltà tal-persuni li jipprovdu servizzi intermedji huma bla ħsara għall-possibbiltà ta’ azzjonijiet għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni, li jistgħu b’mod partikolari jieħdu l-forma ta’ deċiżjonijiet ta’ qrati jew ta’ awtoritajiet amministrattivi li jeżiġu li jiġi fi tmiemu kull ksur jew li jiġi evitat kull ksur.

70.      L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2000/31 moqri kollu kemm hu, għalhekk jagħmel distinzjoni bejn l-azzjonijiet għad-danni u għall-ħruġ ta’ mandat, liema distinzjoni għandha tittieħed inkunsiderazzjoni meta ssir id-determinazzjoni tal-limiti tar-responsabbiltà indikati minn dan l-artikolu.

71.      Fil-kawża inkwistjoni, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-possibbiltà li l-persuna li tipprovdi servizzi intermedji tiġi kkundannat minħabba r-responsabbiltà indiretta tagħha (“Störerhaftung”), meta jitressqu t-talbiet li ġejjin:

–        l-inibizzjoni ġudizzjarja, li n-nuqqas ta’ osservanza tagħha jista’ jiġi ssanzjonat permezz ta’ pagamenti ta’ penalità, bl-għan li ma jkunx possibbli għal terzi li jiksru d-drittijiet marbuta ma’ xogħol protett speċifiku;

–        il-kundanna għad-danni;

–        ir-rimbors tal-ispejjeż tal-intimazzjoni, jiġifieri l-ispejjeż extraġudizzjarji relatati mal-intimazzjoni li tikkostitwixxi prerekwiżit obbligatorju sabiex tkun tista’ titressaq azzjoni ġudizzjarja għal inibizzjoni; u

–        il-kundanna għall-ispejjeż sostnuti quddiem qorti fil-kuntest tal-azzjoni għall-inibizzjoni u għall-kundanna għad-danni.

72.      Il-qorti tar-rinviju stess tqis li, skont l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2000/31, T. Mc Fadden ma jistax jinżamm responsabbli fil-konfront ta’ Sony Music, f’dak li jikkonċerna dawn it-talbiet kollha, minħabba l-fatt li hu mhux responsabbli għall-informazzjoni trażmessa minn terzi. F’dan ir-rigward, ser nanalizza, l-ewwel nett, il-possibbiltà li jintalbu kundanni pekunjarji, fil-kawża inkwistjoni l-ħlas ta’ danni, tal-ispejjeż extraġudizzjarji u tal-ispejjeż ġudizzjarji u, it-tieni nett, il-possibbiltà li jintalab il-ħruġ ta’ mandat li n-nuqqas ta’ osservanza tiegħu jista’ jiġi ssanzjonat permezz ta’ pagamenti ta’ penalità.

a)      Talba għad-danni u talbiet pekunjarji oħra

73.      Infakkar li l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2000/31 jillimita r-responsabbiltà ċivili ta’ persuna li tipprovdi servizzi intermedji, filwaqt li jeskludi kull azzjoni għad-danni bbażata fuq kwalunkwe forma ta’ responsabbiltà ċivili (20).

74.      Fl-opinjoni tiegħi, din il-limitazzjoni tinkludi mhux biss it-talba għad-danni, iżda wkoll kwalunkwe talba pekunjarja oħra li timplika konstatazzjoni ta’ responsabbiltà minħabba ksur tad-drittijiet tal-awtur minħabba l-informazzjoni trażmessa, bħat-talbiet relatati mar-rimbors tal-ispejjeż extraġudizzjarji jew ġudizzjarji.

75.      F’dan ir-rigward, ma iniex konvint mir-rilevanza tal-argument ta’ Sony Music li jkun ekwu li l-ispejjeż li jirriżultaw mill-ksur jiġġarbu “minn min wettaq il-ksur”.

76.      Skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2000/31, il-persuna li tipprovdi servizzi ta’ “‘mere conduit’” ma għandhiex tinżamm responsabbli għal ksur tad-drittijiet tal-awtur imwettaq minħabba informazzjoni trażmessa. Għalhekk, hija la għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż extraġudizzjarji u lanqas għall-ispejjeż sostnuti quddiem qorti relatati ma’ tali ksur, li ma jistax jiġi imputat lilha.

77.      Barra minn hekk, nosserva li l-kundanna għall-ispejjeż extraġudizzjarji u għall-ispejjeż ġudizzjarji relatati ma’ tali ksur tista’ tqiegħed fid-dubju l-għan tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2000/31 li huwa li ma jiġix ristrett indebitament l-eżerċizzju tal-attività kkonċernata. Il-kundanna għall-ispejjeż tal-intimazzjoni u għall-ispejjeż ġudizzjarji potenzjalment għandha l-istess effett ta’ sanzjoni bħall‑kundanna għad-danni u tista’, bl-istess mod, tfixkel l-iżvilupp tas-servizzi intermedji kkonċernati.

78.      Ċertament, l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2000/31 jipprevedi l-possibbiltà li l-qorti jew awtorità amministrattiva jissuġġettaw lill-persuna li tipprovdi servizzi intermedji għal ċerti obbligi wara li jkun twettaq ksur, b’mod partikolari permezz ta’ mandat.

79.      Madankollu, mill-perspettiva tal-Artikolu 12(1) ta’ din id-direttiva, deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva li tissottometti lill-persuna li tipprovdi servizzi għal ċerti obbligi ma tistax tiġi bbażata fuq il-konstatazzjoni tar-responsabbiltà ta’ din tal-aħħar. Il-persuna li tipprovdi servizzi intermedji ma tistax tinżamm responsabbli li ma impedixxietx eventwali ksur fuq inizjattiva tagħha stess jew li kisret l-obbligu ta’ bonus pater familias. Hija ma tistax tinżamm responsabbli qabel ma tkun ġiet suġġetta għal obbligu speċifiku previst fl-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2000/31.

80.      Fl-opinjoni tiegħi, fil-kawża inkwistjoni, l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2000/31 għalhekk jipprekludi l-kundanna tal-persuna li tipprovdi servizzi intermedji mhux biss għad-danni, iżda wkoll għall-ispejjeż tal-intimazzjoni u għall-ispejjeż ġudizzjarji relatati mal-ksur tad-drittijiet tal-awtur imwettaq minn terz, minħabba l-informazzjoni trażmessa.

b)      Mandat

81.      L-obbligu għall-Istati Membri li jipprevedu mandat kontra persuna li tipprovdi servizzi intermedji jirriżulta mill-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29, kif ukoll mid-dispożizzjoni essenzjalment identika tat-tielet sentenza tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/48.

82.      Il-possibbiltà li jinħareġ mandat kontra intermedjarju, li jipprovdi aċċess għall-internet u li s-servizzi tiegħu jintużaw minn terz sabiex jinkisru d-drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati, tirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza relatata ma’ dawn iż-żewġ direttivi (21).

83.      Skont il-premessa 16 tagħha, id-Direttiva 2001/29 hija bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/31. Madankollu, skont l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2000/31, il-limitazzjoni tar-responsabbiltà tal-persuna li tipprovdi servizzi intermedji, min-naħa tagħha, ma taffettwax il-possibbiltà ta’ azzjonijiet għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni li għandhom l-għan li dan l-intermedjarju jwaqqaf ksur jew li jimpedixxih (22).

84.      Minn dan isegwi li l-Artikolu 12(1) u (3) tad-Direttiva 2000/31 ma jipprekludux il-ħruġ ta’ mandat kontra persuna li tipprovdi servizzi ta’ “‘mere conduit’”.

85.      Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet ta’ tali mandati jaqgħu taħt id-dritt nazzjonali (23).

86.      Madankollu, infakkar li, skont l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2000/31, il-ħruġ ta’ mandat ma jistax jimplika konstatazzjoni ta’ responsabbiltà ċivili tal-persuna li tipprovdi servizzi intermedji, tkun xi tkun il-forma tagħha, għal ksur tad-drittijiet tal-awtur imwettaq minħabba l-informazzjoni trażmessa.

87.      Barra minn hekk, l-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mad-dispożizzjonijiet rilevanti l-oħra tad-dritt tal-Unjoni, jipprovdi parametri oħra għal dawn il-mandati, li ser neżamina fil-kuntest tal-analiżi tad-disa’ domanda preliminari.

c)      Sanzjoni relatata ma’ mandat

88.      Sabiex tingħata risposta utli għad-domandi mressqa, għandu jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2000/31 jillimitax ir-responsabbiltà tal-persuna li tipprovdi servizzi intermedji fir-rigward ta’ sanzjoni għan-nuqqas ta’ osservanza ta’ mandat.

89.      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-inibizzjoni ġudizzjarja prevista fil-kawża prinċipali tista’ tiġi ssanzjonata permezz ta’ pagamenti ta’ penalità li jistgħu jammontaw sa EUR 250 000, liema sanzjoni tista’ tiġi ttrasformata f’piena ta’ priġunerija. Tali kundanna f’dan ir-rigward hija rriżervata għal każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ din l-inibizzjoni.

90.      F’dan ir-rigward, nikkunsidra li għalkemm l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2000/31 jeskludi kull kundanna ta’ persuna li tipprovdi servizzi intermedji relatata mal-ksur tad-drittijiet tal-awtur imwettaq minħabba l-informazzjoni trażmessa, din id-dispożizzjoni madankollu ma tillimitax ir-responsabbiltà tagħha għan-nuqqas ta’ osservanza ta’ mandat maħruġ b’rabta ma’ dan il-ksur.

91.      Sa fejn hija motiv ta’ responsabbiltà anċillari għall-azzjoni għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni u li l-għan tagħha huwa limitat għall-garanzija tal-effikaċja tal-mandat, hija koperta mill-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2000/31, li jipprovdi li qorti għandha dritt tobbliga lill-persuna li tipprovdi servizzi intermedji li twaqqaf ksur jew li timpedixxih.

d)      Konklużjoni provviżorja

92.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li l-Artikolu 12(1) u (3) tad-Direttiva 2000/31 jipprekludi l-kundanna ta’ persuna li tipprovdi servizzi ta’ “‘mere conduit’” abbażi ta’ kwalunkwe talba li timplika l-konstatazzjoni tar-responsabbiltà ċivili ta’ din l-aħħar. Dan l-artikolu għalhekk jipprekludi l-kundanna tal-persuna li tipprovdi servizzi intermedji mhux biss għad-danni, iżda wkoll għall-ispejjeż tal-intimazzjoni u għall-ispejjeż ġudizzjarji relatati mal-ksur tad-drittijiet tal-awtur imwettaq minn terz, minħabba l-informazzjoni trażmessa. Dan l-istess artikolu ma jipprekludix il-ħruġ ta’ mandat, li n-nuqqas ta’ osservanza tiegħu jista’ jiġi ssanzjonat permezz ta’ pagamenti ta’ penalità.

3.      Eventwali kundizzjonijiet addizzjonali dwar il-limitazzjoni tar-responsabbiltà (is-sitt sat-tmien domandi)

93.      Nosserva li, permezz tas-sitt, tas-seba’ u tat-tmien domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tidher li titlaq mill-premessa li l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2000/31 jeskludi kull azzjoni kontra persuna li tipprovdi servizzi intermedji. Hija konsegwentement tistaqsi dwar il-kompatibbiltà ta’ tali sitwazzjoni ma’ bilanċ ġust bejn id-diversi interessi kkonċernati, imsemmi fil-premessa 41 tad-Direttiva 2000/31.

94.      Jidhirli għalhekk li din hija r-raġuni li għaliha l-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-possibbiltà li tiġi limitata l-portata tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2000/31 permezz tal-applikazzjoni b’analoġija tal-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 14(1)(b) tad-Direttiva 2000/31 (is-sitt domanda) jew permezz taż-żieda ta’ kundizzjoni oħra mhux prevista minn din l-istess direttiva (is-seba’ u t-tmien domandi).

95.      Nistaqsi jekk dawn id-domandi preliminari jibqgħux rilevanti fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi, kif qed nipproponilha, li l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2000/31 fil-prinċipju jippermetti l-ħruġ ta’ mandat kontra persuna li tipprovdi servizzi intermedji.

96.      Fi kwalunkwe każ, inqis li dawn id-domandi, sa fejn jipprevedu l-possibbiltà li tiġi limitata l-applikazzjoni tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2000/31 permezz ta’ ċerti kundizzjonijiet addizzjonali, għandhom jingħataw risposta negattiva.

97.      L-Artikolu 12(1)(a) sa (ċ) tad-Direttiva 2000/31 jissottometti l-limitazzjoni tar-responsabbiltà ta’ persuna li tipprovdi servizzi ta’ “‘mere conduit’” għal ċerti kundizzjonijiet kumulattivi iżda eżawrjenti (24). Iż-żieda ta’ kundizzjonijiet oħra għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jidhirli li hija eskluża mit-termini espliċiti tagħha.

98.      Għalhekk, f’dak li jirrigwarda s-sitt domanda, li tirreferi għall-possibbiltà tal-applikazzjoni b’analoġija tal-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 14(1)(b) tad-Direttiva 2000/31, nosserva li din id-dispożizzjoni tipprevedi li persuna li tipprovdi servizz ta’ hosting ma hijiex responsabbli għall-informazzjoni maħżuna bil-kundizzjoni li taġixxi mingħajr dewmien biex tneħħi jew twaqqaf l-aċċess għaliha, malli ssir konxja tal-attività illegali.

99.      F’dan ir-rigward, infakkar li l-Artikoli 12 sa 14 tad-Direttiva 2000/31 jikkonċernaw tliet kategoriji distinti ta’ attivitajiet u jissuġġettaw il-limitazzjoni tar-responsabbiltà tal-persuna li tipprovdi servizzi għal kundizzjonijiet differenti, fid-dawl tan-natura ta’ kull attività kkonċernata. Ladarba applikazzjoni b’analoġija jkollha l-effett li jiġu assimilati l-kundizzjonijiet ta’ responsabbiltà relatati ma’ dawn l-attivitajiet, li l-leġiżlatur għamel distinzjoni ċara bejniethom, hija tmur kontra l-iskema ġenerali ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

100. Dan japplika iktar u iktar fil-kawża prinċipali peress li, kif tosserva l-Kummissjoni, l-attività ta’ “‘mere conduit’” prevista fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 2000/31, li hija limitata għat-trażmissjoni tal-informazzjoni, min-natura tagħha hija distinta minn dik prevista fl-Artikolu 14 ta’ din l-istess direttiva, li tikkonsisti fil-ħażna tal-informazzjoni pprovduta mill-persuna li tirċievi s-servizz. Din l-attività tal-aħħar timplika ċertu grad ta’ involviment fil-ħażna tal-informazzjoni u, għalhekk, ċertu grad ta’ kontroll, li jispjega l-ipoteżi prevista fl-Artikolu 14(1)(b) tad-Direttiva 2000/31 fis-sens li ma huwiex eskluż li l-persuna li tipprovdi servizz ta’ ħażna ssir konxja minn ċirkustanzi li jindikaw attività illegali u li hija għandha taġixxi fuq inizjattiva tagħha stess f’dan ir-rigward.

101. Rigward is-seba’ u t-tmien domandi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2000/31, kif ukoll dawk li jirriżultaw mid-definizzjonijiet inklużi fl-Artikolu 2(a), (b) u (d) ta’ din l-istess direttiva, jistgħux jiġu ssupplimentati minn kundizzjonijiet oħra mhux miktuba.

102. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li kundizzjoni addizzjonali tista’ tkun, pereżempju, ir-rekwiżit ta’ rabta mill-qrib bejn l-attività ekonomika prinċipali u l-provvista ta’ aċċess bla ħlas għall-internet fil-kuntest ta’ din l-attività.

103. Infakkar li jirriżulta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2000/31 li t-tliet kundizzjonijiet relatati mal-applikazzjoni tiegħu huma eżawrjenti. Sa fejn dawn id-domandi jikkonċernaw l-interpretazzjoni tal-kunċetti ta’ servizz u ta’ attività ekonomika, nirreferi għall-analiżi tiegħi dwar l-ewwel tliet domandi (25).

104. Fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet, inqis li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 12(1)(a) sa (ċ) tad-Direttiva 2000/31 huma eżawrjenti u ma jħallux spazju għall-applikazzjoni, b’analoġija, tal-kundizzjoni prevista mill‑Artikolu 14(1)(b) ta’ din id-direttiva u lanqas għal kundizzjonijiet addizzjonali oħra.

4.      Portata tal-mandat (id-disa’ domanda)

105. Permezz tad-disa’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju, tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2000/31, fid-dawl ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni relatati mal-applikazzjoni tiegħu, jipprekludix inibizzjoni ġudizzjarja li tordna lill-persuna li tipprovdi servizzi intermedji li fil-futur tastjeni milli tippermetti lil terzi milli jiksru d-drittijiet relatati ma’ xogħol protett speċifiku, permezz tal-konnessjoni tal-internet tagħha, meta din l-inibizzjoni tħalli lill-persuna li tipprovdi servizzi l-għażla tal-miżuri tekniċi li għandhom jiġu adottati [il-punt (a) tad-disa’ domanda]. Hija barra minn hekk tistaqsi jekk tali mandat huwiex konformi mad-dispożizzjoni kkonċernata, meta jiġi stabbilit mill-bidu li l-persuna li tipprovdi servizzi fil-prattika tista’ tosserva l-inibizzjoni ġudizzjarja biss billi twaqqaf il-konnessjoni tal-internet, billi tipproteġiha permezz ta’ password jew billi teżamina l-komunikazzjonijiet kollha trażmessi permezz ta’ din il-konnessjoni [il-punt (b) tad-disa’ domanda)].

a)      Limiti tal-mandat

106. Kif jirriżulta mill-analiżi tiegħi tar-raba’ u tal-ħames domandi, l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2000/31 fil-prinċipju ma jipprekludix il-ħruġ ta’ mandati, bħal dawk previsti fl-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29 u fit-tielet sentenza tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/48, kontra persuna li tipprovdi servizzi ta’ “‘mere conduit’”.

107. Meta tadotta tali miżura, qorti nazzjonali għandha madankollu tieħu inkunsiderazzjoni l-limitazzjonijiet li jirriżultaw minn dawn id-dispożizzjonijiet.

108. F’dan ir-rigward, il-miżuri previsti b’applikazzjoni tal-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29 u tat-tielet sentenza tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/48 għandhom, fid-dawl tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva tal-aħħar, ikunu leali u ġusti, ma għandhomx ikunu kumplessi u għaljin bla bżonn, u lanqas ma għandhom jinvolvu termini mhux raġonevoli jew iwasslu għal dewmien mhux iġġustifikat. Huma għandhom barra minn hekk, ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi u jiġu applikati b’mod li jiġi evitat il-ħolqien ta’ ostakoli għall-kummerċ leġittimu u li joffru salvagwardji kontra l-użu abbużiv tagħhom (26). Il-ħruġ ta’ mandat ġudizzjarju barra minn hekk jirrikjedi l-ibbilanċjar tal-interessi tal-partijiet ikkonċernati (27).

109. Barra minn hekk, peress li l-applikazzjoni tad-Direttiva 2001/29 ma għandhiex tippreġudika l-applikazzjoni tad-Direttiva 2000/31, il-qorti nazzjonali, meta toħroġ mandat kontra persuna li tipprovdi servizzi ta’ “‘mere conduit’”, għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-limitazzjonijiet li jirriżultaw minn din id-direttiva tal-aħħar (28).

110. F’dan ir-rigward, jirriżulta mill-Artikoli 12(3) u 15(1) tad-Direttiva 2000/31 li l-obbligi imposti fuq din il-persuna li tipprovdi servizzi fil-kuntest tal-azzjoni għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni għandu jkollhom l-għan li jġibu fi tmiemu ksur jew li jimpedixxu ksur speċifiku u ma jistgħux jinkludu obbligu ġenerali li jsir monitoraġġ.

111. Fl-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-prinċipji u d-drittijiet fundamentali protetti mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni kif ukoll il-libertà tal-intrapriża rrikonoxxuti fl-Artikoli 11 sa 16 tal-Karta (29).

112. Sa fejn il-limitazzjonijiet għal dawn id-drittijiet fundamentali huma applikati bil-għan li jiġi implementat id-dritt għall-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, irrikonoxxut fl-Artikolu 17(2) tal-Karta, l-evalwazzjoni tagħhom timplika li jiġi mfittex bilanċ ġust bejn id-drittijiet fundamentali inkwistjoni (30).

113. Il-mekkaniżmi li jippermettu li jinstab dan il-bilanċ, minn naħa, huma inklużi fid-Direttivi 2001/29 u 2000/31 stess, sa fejn huma jipprevedu ċertu limiti għall-miżuri indirizzati lill-intermedjarju. Min-naħa l-oħra, dawn il-mekkaniżmi għandhom jirriżultaw mill-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali (31), peress li, b’mod partikolari, huwa dan id-dritt li jiddetermina l-modalitajiet speċifiċi li jikkonċernaw l-azzjonijiet għall-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni.

114. F’dan ir-rigward, huwa kompitu tal-awtoritajiet u tal-qrati tal-Istati Membri mhux biss li jinterpretaw id-dritt nazzjonali tagħhom b’mod konformi mad-direttivi kkonċernati, iżda wkoll li jiżguraw li ma jibbażawx ruħhom fuq interpretazzjoni tagħhom li twassal għal kunflitt mad-drittijiet fundamentali applikabbli (32).

115. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, meta toħroġ mandat kontra persuna li tipprovdi servizzi intermedji, il-qorti nazzjonali hija obbligata tiżgura:

–        li l-miżuri inkwistjoni huma konformi mal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/48 u b’mod partikolari li huma effettivi, proporzjonati u dissważivi,

–        li huma maħsuba sabiex iwaqqfu ksur speċifiku jew sabiex jimpedixxuh u ma jinvolvux obbligu ġenerali li jsir monitoraġġ, konformement mal-Artikoli 12(3) u 15(1) tad-Direttiva 2000/31,

–        li l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, kif ukoll ta’ modalitajiet oħra previsti fid-dritt nazzjonali, tosserva bilanċ ġust bejn id-drittijiet fundamentali applikabbli, b’mod partikolari dawk protetti, minn naħa, mill-Artikoli 11 u 16 kif ukoll, min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 17(2) tal-Karta.

b)      Kompatibbiltà ta’ mandat ifformulat f’termini ġenerali

116. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2000/31 jipprekludix mandat ifformulat f’termini ġenerali, li jħalli lid-destinatarju l-għażla ta’ miżuri konkreti li għandhom jiġu adottati.

117. Għalhekk, il-miżura prevista fil-kawża prinċipali tikkonsisti f’ordni lill-persuna li tipprovdi servizzi intermedji biex fil-futur jastjeni milli jippermetti lil terzi jqiegħdu għad-dispożizzjoni, permezz ta’ konnessjoni tal-internet konkreta, xogħol protett partikolari, fuq pjattaforma ta’ skambju fuq l-internet għal konsultazzjoni online. Il-kwistjoni dwar l-għażla tal-miżuri tekniċi tibqa’ miftuħa.

118. Nosserva li inibizzjoni fformulata f’termini ġenerali, mingħajr preskrizzjoni ta’ miżuri konkreti, potenzjalment tikkostitwixxi sors ta’ inċertezza legali sinjifikattiva għad-destinatarju tagħha. Il-possibbiltà għall-benefiċjarju li juri, fi proċedura relatata ma’ allegat nuqqas ta’ osservanza tal-mandat, li huwa ħa l-miżuri raġonevoli kollha ma tistax tagħmel tajjeb għalkollox għal din l-inċertezza.

119. Barra minn hekk, peress li l-għażla tal-miżuri xierqa li għandhom jiġu adottati tinvolvi t-tfittxija ta’ bilanċ ġust bejn id-diversi drittijiet fundamentali, dan ir-rwol għandu jiġi assunt minn qorti u ma jistax jiġi ddelegat għalkollox lid-destinatarju tal-mandat (33).

120. Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li mandat indirizzat lil persuna li tipprovdi aċċess għall-internet li jħalli lid-destinatarju tiegħu l-kompitu li jiddetermina l-miżuri konkreti li għandhom jittieħdu, fil-prinċipju, huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni (34).

121. Din is-soluzzjoni hija bbażata b’mod partikolari fuq il-motiv li mandat ifformulat b’mod ġenerali għandu l-vantaġġ li jippermetti lill-benefiċjarju tiegħu jagħżel il-miżuri li huma l-iktar adattati għar-riżorsi tiegħu u għall-kapaċitajiet tiegħu u li huma kompatibbli mal-obbligi legali l-oħra tiegħu (35).

122. Madankollu, jidhirli li dan ir-raġunament ma jistax jiġi traspost għall-każ, bħal dak tal-kawża prinċipali, fejn l-eżistenza stess tal-miżuri xierqa li għandhom jittieħdu hija s-suġġett tad-dibattitu.

123. Il-possibbiltà tal-għażla tal-miżuri li huma l-iktar adattati tista’, f’ċerti sitwazzjonijiet, tkun kompatibbli mal-interess tad-destinatarju tal-mandat, iżda dan ma huwiex il-każ meta din l-għażla hija s-sors tal-inċertezza legali. F’tali ċirkustanzi, il-fatt li d-destinatarju jitħalla għalkollox bl-inkarigu tar-responsabbiltà tal-għażla tal-miżuri xierqa li għandhom jiġu adottati jippreġudika l-bilanċ bejn id-drittijiet u l-interessi kkonċernati.

124. Għalhekk inqis li għalkemm l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2000/31 u l-Artikolu 8(3) tad-Direttiva 2001/29, fil-prinċipju, ma jipprekludux il-ħruġ ta’ mandat li jħalli lid-destinatarju tiegħu l-għażla tal-miżuri konkreti li għandhom jiġu adottati, hija madankollu l-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq talba għall-ħruġ ta’ mandat li għandha tiżgura l-eżistenza ta’ miżuri xierqa, li jkunu konformi mal-limitazzjonijiet li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni.

c)      Kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-miżuri previsti fil-kawża inkwistjoni

125. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, barra minn hekk, dwar il-punt jekk it-tliet miżuri msemmija fil-punt b tad-disa’ domanda, jiġifieri l-waqfien tal-konnessjoni tal-internet, il-protezzjoni tagħha permezz ta’ password, jew il-monitoraġġ tal-komunikazzjonijiet kollha trażmessi permezz ta’ din il-konnessjoni, jistgħux jitqiesu li huma kompatibbli mad-Direttiva 2000/31.

126. F’dan ir-rigward, għalkemm l-applikazzjoni tal-limitazzjonijiet li jirriżultaw mid-Direttivi 2001/29 u 2000/31, kif ukoll mir-rekwiżit ta’ bilanċ ġust bejn id-drittijiet fundamentali, taqa’, fir-rigward tal-każ konkret, taħt ir-rwol tal-qorti nazzjonali, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ madankollu tagħti indikazzjonijiet utli.

127. Għalhekk, fis-sentenza Scarlet Extended (36), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttivi 2001/29 u 2000/31, fid-dawl tad-drittijiet fundamentali applikabbli, jipprekludu l-ħruġ ta’ mandat indirizzat lil persuna li tipprovdi aċċess għall-internet sabiex jinstalla sistema ta’ filtrazzjoni, li tapplika għall-komunikazzjonijiet elettroniċi kollha, fir-rigward tal-klijentela kollha tiegħu, bħala miżura preventiva, bi spejjeż tiegħu biss u mingħajr limitu ta’ żmien.

128. Fis-sentenza SABAM (37), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-imsemmija dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jipprekludu l-ħruġ ta’ mandat analogu, indirizzat lil persuna li tipprovdi servizzi ta’ hosting.

129. Fis-sentenza UPC Telekabel Wien (38), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprekludux, taħt ċerti kundizzjonijiet, miżura li tordna lil persuna li tipprovdi aċċess għall-internet li jimblokka l-aċċess tal-utenti għal sit tal-internet speċifiku.

130. Inqis li, fil-kawża inkwistjoni, l-inkompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-ewwel u tat-tielet ipoteżijiet imsemmija mill-qorti tar-rinviju hija immedjatament evidenti.

131. Fil-fatt, miżura li tordna l-waqfien tal-konnessjoni tal-internet hija manifestament inkompatibbli mar-rekwiżit ta’ bilanċ ġust bejn id-drittijiet fundamentali, minħabba li tippreġudika l-kontenut essenzjali tad-dritt għal-libertà tal-intrapriża tal-persuna li, anki jekk biss fuq bażi anċillari, twettaq attività ekonomika li tikkonsisti fil-provvista ta’ aċċess għall-internet (39). Barra minn hekk, tali miżura tmur kontra l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/48, li jipprovdi li l-qorti li toħroġ il-mandat għandha tiżgura li l-miżuri ddefiniti ma jikkawżawx ostakoli għall-kummerċ leġittimu (40).

132. F’dak li jirrigwarda l-miżura li tordna lill-proprjetarju tal-konnessjoni tal-internet sabiex jeżamina l-komunikazzjonijiet kollha trażmessi permezz ta’ din il-konnessjoni, din, b’mod manifest, tmur kontra l-projbizzjoni ta’ obbligu ta’ monitoraġġ ġenerali, prevista fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2000/31. Fil-fatt, sabiex jiġi kkostitwit l-obbligu ta’ monitoraġġ “f’każ speċifiku” (41), li huwa aċċettabbli skont din id-dispożizzjoni, il-miżura inkwistjoni għandha tkun limitata fir-rigward tas-suġġett u tal-perijodu ta’ żmien tal-monitoraġġ, li ma huwiex il-każ b’miżura li tikkonsisti fl-eżami tal-komunikazzjonijiet kollha li jgħaddu min-netwerk (42).

133. Għalhekk, dan id-dibattitu jiffoka fuq it-tieni ipoteżi, dik li tistaqsi jekk l-operatur tan-netwerk Wi-Fi pubbliku jistax jiġi obbligat, permezz ta’ mandat, li jipproteġi l-aċċess għan-netwerk tiegħu.

d)      Kompatibbiltà tal-obbligu ta’ protezzjoni tan-netwerk Wi-Fi

134. Id-domanda inkwistjoni tifforma parti mid-diskussjoni li bħalissa għaddejja f’diversi Stati Membri, dwar l-adegwatezza tal-obbligu ta’ protezzjoni tan-netwerk Wi-Fi, bl-għan tal-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali (43). Dan id-dibattitu b’mod partikolari jolqot lill-persuni li jkunu abbonati għal aċċess għall-internet u jqiegħdu dan l-aċċess għad-disponibbiltà ta’ terzi, filwaqt li joffru għall-pubbliku l-aċċess għall-internet permezz tan-netwerk Wi-Fi tagħhom.

135. Barra minn hekk, dan jirrigwarda aspett diskuss fil-kuntest ta’ proċess leġiżlattiv li għaddej bħalissa fil-Ġermanja, inizjat fil-qafas tal-“aġenda diġitali” tal-Gvern (44), li għandu l-għan li jikkjarifika s-sistema ta’ responsabbiltà tal-operaturi tan-netwerks Wi-Fi pubbliċi, bil-għan li jirrendi din l-attività iktar attraenti (45).

136. Għalkemm id-diskussjoni hija ffokata madwar il-kunċett tar-responsabbiltà indiretta tad-dritt Ġermaniż (Störerhaftung), il-kwistjonijiet imqajma potenzjalment għandhom applikazzjoni iktar wiesgħa, peress li d-dritt nazzjonali ta’ ċerti Stati Membri oħra jinkludi wkoll strumenti li jippermettu li tiġi stabbilita r-responsabbiltà tad-detentur ta’ konnessjoni tal-internet, minħabba l-fatt li d-detentur ikun naqas milli jieħu miżuri ta’ protezzjoni xierqa, sabiex jiġi evita eventwali ksur minn terzi (46).

137. Nosserva li l-obbligu li jiġi protett l-aċċess għal tali netwerk jaffaċċja potenzjalment diversi oġġezzjonijiet ta’ natura ġuridika.

138. L-ewwel nett, l-istabbiliment ta’ obbligu ta’ protezzjoni potenzjalment jippreġudika l-mudell kummerċjali tal-impriżi li joffru l-aċċess għall-internet b’mod anċillari għas-servizzi l-oħra tagħhom.

139. Fil-fatt, minn naħa, uħud minn dawn l-impriżi ma jibqgħux imħajra joffru dan is-servizz addizzjonali jekk dan iwassal għal investimenti u għal limitazzjonijiet regolamentari marbuta mal-protezzjoni tan-netwerk u mal-ġestjoni tal-utenti. Min-naħa l-oħra, ċerti destinatarji ta’ dan is-servizz, pereżempju l-klijenti ta’ fast-food jew ta’ ħanut jirrinunzjaw għall-użu tiegħu jekk dan ikun jinvolvi l-obbligu sistematiku li jidentifikaw ruħhom u jdaħħlu password.

140. It-tieni nett, nosserva li l-impożizzjoni tal-obbligu li n-netwerk Wi-Fi jiġi protett jimplika, għall-persuni li joperaw dan in-netwerk sabiex joffru aċċess għall-internet lill-klijenti tagħhom u lill-pubbliku, il-bżonn li jidentifikaw l-utenti u li jżommu d-data tagħhom.

141. F’dan ir-rigward, Sony Music tindika fl-osservazzjoni bil-miktub tagħha li, sabiex tkun tista’ timputa ksur lil “utent irreġistrat”, l-operatur tan-netwerk Wi‑Fi għandu jaħżen l-indirizzi IP u l-ports esterni li permezz tagħhom utent irreġistrat ikun stabbilixxa konnessjonijiet mal-internet. L-identifikazzjoni ta’ utent ta’ netwerk Wi‑Fi essenzjalment tikkorrispondi għall-attribuzzjoni ta’ indirizzi IP minn persuna li tipprovdi aċċess. L-operatur ta’ netwerk Wi‑Fi jista’ għalhekk jirrikorri għal sistema kompjuterizzata, li skont Sony Music ma tiswiex ħafna flus, li tippermetti r-reġistrazzjoni u l-identifikazzjoni tal-utenti.

142. F’dan il-punt, nosserva li l-obbligi ta’ reġistrazzjoni tal-utenti u ta’ żamma tad-data privata huma speċifiċi għar-regolamentazzjoni dwar l-attività tal-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet u ta’ persuni oħra li jipprovdu aċċess għall-internet. Min-naħa l-oħra, jidhirli li l-impożizzjoni ta’ tali limitazzjonijiet amministrattivi hija kjarament sproporzjonata fil-każ ta’ persuni li joffru, lill-klijenti tagħhom jew lil klijenti potenzjali permezz ta’ netwerk Wi-Fi, l-aċċess għall-internet b’mod anċillari meta mqabbel mal-attività prinċipali tagħhom.

143. It-tielet nett, għalkemm l-obbligu ta’ protezzjoni ta’ netwerk Wi‑Fi, fil-kuntest ta’ mandat speċifiku, ma jammontax fih innifsu għal obbligu ġenerali li jsir monitoraġġ tal-informazzjoni jew li ssir tfittxija attiva għall-fatti jew għaċ-ċirkustanzi li jirriżultaw minn attivitajiet illegali, li huwa pprojbit mill-Artikolu 15 tad-Direttiva 2000/31, il-ġeneralizzazzjoni tal-obbligu li jiġu identifikati u rreġistrati l-utenti tirriskja madankollu li twassal għal sistema ta’ responsabbiltà tal-persuni li jipprovdu servizzi intermedji li ma tkunx konformi iktar ma’ din id-dispożizzjoni.

144. Fil-fatt, fil-kuntest tas-segwitu tat-teħid ta’ proċeduri għall-ksur tad-drittijiet tal-awtur, il-protezzjoni tan-netwerk ma hijiex għan fih innifsu, iżda tikkostitwixxi biss miżura preliminari li tippermetti lill-operatur jeżerċita ċertu kontroll fuq l-attività tan-netwerk. Issa l-attribuzzjoni ta’ rwol attiv u preventiv lill-persuni li jipprovdu servizzi intermedji tmur kontra l-istatus partikolari tagħhom, protett bid-Direttiva 2000/31 (47).

145. Fl-aħħar, ir-raba’ nett, nosserva li l-miżura inkwistjoni fiha nnifisha ma hijiex effikaċi, b’tali mod li n-natura xierqa tagħha u għalhekk, il-proporzjonalità tagħha, jibqgħu dubjużi.

146. Għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tal-faċilità li biha jistgħu jiġu evitati, il-miżuri ta’ protezzjoni huma ineffikaċi sabiex jimpedixxu l-ksur speċifiku tad-drittijiet relatati ma’ xogħol protett. Kif tindika l-Kummissjoni, l-introduzzjoni ta’ password tillimita potenzjalment iċ-ċirku tal-utenti iżda mhux bilfors teskludi l-ksur tad-drittijiet relatati ma’ xogħol protett. Barra minn hekk, kif josserva l-Gvern Pollakk, il-persuni li jipprovdu servizzi ta’ “‘mere conduit’” għandhom mezzi limitati sabiex isegwu l-iskambji tat-traffiku peer-to-peer, li l-kontroll tagħhom jirrikjedi l-applikazzjoni ta’ soluzzjonijiet tekniċi avvanzati u għaljin li jistgħu jqajmu riżervi serji f’dak li jirrigwarda l-protezzjoni tal-ħajja privata u tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet.

147. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, jiena tal-opinjoni li l-impożizzjoni tal-obbligu li l-aċċess għan-netwerk Wi-Fi jiġi protett, bħala metodu ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur fuq l-internet, ma tosservax ir-rekwiżit ta’ bilanċ ġust bejn, minn naħa, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, li jgawdu minnha d-detenturi tad-drittijiet tal-awtur, u min-naħa l-oħra, dik tal-libertà tal-intrapriża li jibbenefikaw minnha l-persuni li jipprovdu s-servizzi kkonċernati (48). Billi jiġi llimitat l-aċċess għal komunikazzjonijiet legali, din il-miżura timplika, barra minn hekk, limitazzjoni tal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni (49).

148. B’mod iktar globali, nosserva li l-eventwali ġeneralizzazzjoni tal-obbligu ta’ protezzjoni tan-netwerks Wi-Fi, bħala metodu ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur fuq l-internet, tista’ twassal għal żvantaġġ għas-soċjetà kollha kemm hi li jirriskja li jeċċedi l-benefiċċju potenzjali tagħha għad-detenturi ta’ dawn id-drittijiet.

149. Minn naħa, in-netwerks Wi-Fi pubbliċi użati minn numru kbir ta’ persuni għandhom bandwidth relattivament limitata u, għalhekk, mhumiex esposti ħafna għall-ksur tad-drittijiet relatati max-xogħlijiet u mal-oġġetti protetti bid-drittijiet tal-awtur (50). Min-naħa l-oħra, il-punti ta’ aċċess Wi-Fi mingħajr dubju jippreżentaw potenzjal importanti għall-innovazzjoni. Kull miżura li tirriskja li twaqqaf l-iżvilupp ta’ din l-attività għandha għalhekk tiġi eżaminata bir-reqqa b’relazzjoni mal-benefiċċju potenzjali tagħha.

150. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, jiena tal-opinjoni li l-Artikoli 12(3) u 15(1) tad-Direttiva 2000/31, interpretati fid-dawl tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali applikabbli, jipprekludu l-ħruġ ta’ mandat li jikkonsisti fl-impożizzjoni fuq persuna li topera netwerk Wi-Fi pubbliku, b’mod anċillari meta mqabbel mal-attività ekonomika prinċipali tagħha, l-obbligu li tipproteġi l-aċċess għal dan in-netwerk.

VI – Konklużjoni

151. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mil-Landgericht München I (qorti reġjonali ta’ Munich I) kif ġej:

1)      L-Artikoli 2(a) u (b) u 12(1) tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku), għandhom jiġu interpretati fis-sens li japplikaw għal persuna li topera, b’mod anċillari meta mqabbel mal-attività ekonomika prinċipali tagħha, netwerk wireless lokali b’aċċess għall-internet, miftuħ għall-pubbliku u bla ħlas.

2)      L-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2000/31 jipprekludi l-kundanna ta’ persuna li tipprovdi servizzi ta’ “‘mere conduit’” abbażi ta’ kwalunkwe talba li timplika l-konstatazzjoni tar-responsabbiltà ċivili tagħha. Dan l-artikolu għalhekk jipprekludi l-kundanna ta’ persuna li tipprovdi dawn is-servizzi mhux biss għad-danni, iżda wkoll għall-ispejjeż tal-intimazzjoni u għall-ispejjeż ġudizzjarji relatati ma’ ksur tad-drittijiet tal-awtur jew ma’ drittijiet relatati mwettaq minn terz, minħabba l-informazzjoni trażmessa.

3)      L-Artikolu 12(1) u (3) tad-Direttiva 2000/31 ma jipprekludix il-ħruġ ta’ mandat ġudizzjarju, li n-nuqqas ta’ osservanza tiegħu jista’ jiġi ssanzjonat permezz ta’ pagamenti ta’ penalità.

Meta toħroġ tali mandat, qorti nazzjonali hija obbligata tiżgura:

–        li l-miżuri inkwistjoni huma konformi mal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, u, b’mod partikolari, li huma effettivi, proporzjonati u dissważivi;

–        li huma maħsuba sabiex iwaqqfu ksur speċifiku jew sabiex jimpedixxuh u ma jinvolvux l-obbligu ġenerali li jsir monitoraġġ, konformement mal-Artikoli 12(3) u l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2000/31; u

–        li l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, kif ukoll ta’ modalitajiet oħra previsti fid-dritt nazzjonali, tosserva bilanċ ġust bejn id-drittijiet fundamentali applikabbli, b’mod partikolari dawk protetti, minn naħa, mill-Artikoli 11 u 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll, min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 17(2) tagħha.

4)      L-Artikoli 12(3) u 15(1) tad-Direttiva 2000/31, interpretati fid-dawl tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali applikabbli, fil-prinċipju, ma jipprekludux il-ħruġ ta’ mandat li jħalli lid-destinatarju l-għażla tal-miżuri konkreti li għandhom jiġu adottati. Hija madankollu l-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq talba għall-ħruġ ta’ mandat li għandha tiżgura l-eżistenza ta’ miżuri xierqa, li jkunu konformi mal-limitazzjonijiet li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni.

L-imsemmija dispożizzjonijiet jipprekludu l-ħruġ ta’ mandat, indirizzat lil persuna li topera netwerk wireless lokali b’aċċess għall-internet, miftuħ għall-pubbliku, b’mod anċillari meta mqabbel mal-attività ekonomika prinċipali tagħha, meta d-destinatarju tal-mandat jista’ biss jikkonforma ruħu miegħu:

–        billi jwaqqaf il-konnessjoni tal-internet jew

–        billi jipproteġiha permezz ta’ password jew

–        billi jeżamina l-komunikazzjonijiet kollha trażmessi permezz ta’ din il-konnessjoni sabiex jivverifika jekk ix-xogħol inkwistjoni protett bid-drittijiet tal-awtur huwiex trażmess għal darb’oħra b’mod illegali.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – It-terminu “Wi-Fi”, li sar terminu kurrenti sabiex jiddeskrivi netwerk wireless, huwa marka li tirreferi għall-iktar standard ta’ netwerk wireless komuni. It-terminu ġeneriku li jiddeskrivi kull tip ta’ netwerk wireless huwa “WLAN” (Wireless local area network).


3 –      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2000, dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399).


4 –      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1998, li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi (ĠU L 204, Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337).


5 –      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Lulju 1998, li temenda d-Direttiva 98/34 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 8).


6 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).


7 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32).


8 – Liġi tas-26 ta’ Frar 2007 (BGBl. I, p. 179), kif emendata bil-liġi tal-31 ta’ Marzu 2010 (BGBl. I, p. 692).


9 – Liġi tad-9 ta’ Settembru 1965 (BGBl. I, p. 1273), kif emendata bil-liġi tal-1 ta’ Ottubru 2013 (BGBl. I, p. 3728).


10 –      Kif emendata bid-Direttiva 98/48. Din id-definizzjoni hija riprodotta fl-Artikolu 1(b) tad-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Settembru 2015, li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU L 241, p. 1), li rrevokat id-Direttiva 98/34.


11 –      Sentenza Smits u Peerbooms (C‑157/99, EU:C:2001:404, punt 58) u Humbel u Edel (263/86, EU:C:1988:451, punt 17).


12 –      Ara s-sentenza Deliège (C‑51/96 u C‑191/97, EU:C:2000:199, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).


13 –      Ara, f’dan is-sens, rigward il-każ ta’ servizz ta’ provvista ta’ informazzjoni online, bla ħlas iżda ffinanzjat minn dħul iġġenerat minn reklami mxandra fuq sit internet, is-sentenza Papasavvas (C‑291/13, EU:C:2014:2209, punti 29 u 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). Jirriżulta mix-xogħol preparatorju tad-Direttiva 2000/31, li huma koperti wkoll is-servizzi mhux irremunerati minn min jirċevihom, meta jiġu pprovduti fil-kuntest ta’ attività ekonomika (ara l-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ċerti aspetti ġuridiċi tal-kummerċ elettroniku fis-suq intern [COM(1998) 586 finali, ĠU C 30, p. 4, u b’mod partikolari p. 15]).


14 – Il-kunċett ta’ “attività ekonomika” skont it-tifsira tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar is-suq intern jinvolvi evalwazzjoni każ b’każ filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest tal-eżerċizzju tal-attività ekonomika kkonċernata. Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Factortame et (C‑221/89, EU:C:1991:320, punti 20 sa 22) u International Transport Workers’ Federation u Finnish Seamen’s Union (C‑438/05, EU:C:2007:772, punt 70).


15 – Kif tosserva l-Kummissjoni, in-netwerk Wi-Fi b’konnessjoni mal-Internet jikkostitwixxi “network ta’ komunikazzjoni elettronika” skont it-tifsira tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2002/21 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru [qafas] regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru [Qafas]) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349), kif emendata bid-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009 (ĠU L 337, p. 37).


16 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza UPC Telekabel Wien (C‑314/12, EU:C:2014:192, punti 34 u 35).


17 – Ara, b’mod partikolari, il-verżjonijiet bl-Ispanjol (“suministre [un servicio]”), bl-Ingliż (“providing [a service]”), bil-Litwan (“teikiantis [paslaugą]”) u bil-Pollakk (“świadczy [usługę]”).


18 – Ara l-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


19 –            Ara l-proposta għal direttiva COM(1998) 586 finali, p. 27.


20 – Ara COM(1998) 586 finali (ĠU C 30, p. 28).


21 – Sentenzi Scarlet Extended (C‑70/10, EU:C:2011:771, punt 31); Sabam (C‑360/10, EU:C:2012:85, punt 29); u UPC Telekabel Wien (C‑314/12, EU:C:2014:192, punt 26).


22 – Ara, ukoll, il-proposta għal direttiva COM(1998) 586 finali, p. 28).


23 – Ara l-premessa 46 tad-Direttiva 2000/31 u l-premessa 59 tad-Direttiva 2001/29, kif ukoll is-sentenza UPC Telekabel Wien (C‑314/12, EU:C:2014:192, punti 43 u 44).


24 – Ara l-proposta għal direttiva COM(1998) 586 finali, p. 28.


25 –       Ara l-punt 55 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


26 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza L’Oréal et (C‑324/09, EU:C:2011:474, punt 139) u Scarlet Extended (C‑70/10, EU:C:2011:771, punt 36).


27 – Ara, f’dak li jirrigwarda dan il-prinċipju, Jakubecki, A., “Dochodzenie roszczeń z zakresu prawa własności przemysłowej”, f’System prawa prywatnego (Is-sistema tad-dritt privat), Vol. 14b, Prawo własności przemysłowej (Id-dritt tal-proprjetà industrijali), Varsavja, CH Beck, Instytut Nauk Prawnych PAN, 2012, p. 1651.


28 – Sentenza Scarlet Extended (C‑70/10, EU:C:2011:771, punt 34).


29 – Ara, f’dan ir-rigward, il-premessi 1 u 9 tad-Direttiva 2000/31.


30 – Sentenza UPC Telekabel Wien (C‑314/12, EU:C:2014:192, punt 47).


31 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Promusicae (C‑275/06, EU:C:2008:54, punt 66).


32 – Sentenzi Promusicae (C‑275/06, EU:C:2008:54, punt 68) u UPC Telekabel Wien (C‑314/12, EU:C:2014:192, punt 46).


33 – Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża UPC Telekabel Wien (C‑314/12, EU:C:2013:781, punti 87 sa 90).


34 –      Sentenza UPC Telekabel Wien (C‑314/12, EU:C:2014:192, punt 64).


35 – Sentenza UPC Telekabel Wien (C‑314/12, EU:C:2014:192, punt 52).


36 – C‑70/10, EU:C:2011:771.


37 – C‑360/10, EU:C:2012:85.


38 – C‑314/12, EU:C:2014:192.


39 – Ara, a contrario, is-sentenza UPC Telekabel Wien (C‑314/12, EU:C:2014:192, punti 50 u 51).


40 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza L’Oréal et (C‑324/09, EU:C:2011:474, punt 140).


41 –      Ara l-premessa 47 tad-Direttiva 2000/31.


42 – Fil-kuntest tax-xogħol preparatorju, il-Kummissjoni tiċċita, bħala eżempju ta’ obbligu speċifiku, miżura li tikkonsisti fil-monitoraġġ ta’ sit internet speċifiku, matul perijodu ta’ żmien speċifiku, sabiex tiġi evitata attività illegali speċifika jew sabiex tali attività tinġieb fi tmiemha [proposta għal direttiva COM(1998) 586 finali, p. 30]. Ara wkoll, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża L’Oréal et (C‑324/09, EU:C:2010:757, punt 182).


43 – Minbarra l-proċess leġiżlattiv li għaddej fil-Ġermanja, li jissemma iktar ’il quddiem, nirreferi għad-dibattitu dwar l-adozzjoni tal-att dwar l-ekonomija diġitali (Digital Economy Act) fir-Renju Unit, kif ukoll il-konsultazzjoni pubblika miftuħa mill-Ofcom (l-awtorità regolatorja tat-telekomunikazzjonijiet) fl-2012 dwar l-obbligi imposti fuq il-persuni li jipprovdu s-servizzi tal-internet u potenzjalment, fuq l-operaturi tan-netwerks Wi-Fi pubbliċi (ara “Consultation related to the draft Online Infringement of Copyright Order”, punt “5.52”, http://stakeholders.ofcom.org.uk/consultations/infringement-notice/). Fi Franza, wara l-adozzjoni tal-liġijiet – li ġew iddibattuti b’mod estensiv – Nru 2009-669, tat-12 ta’ Ġunju 2009, li tippromwovi t-tixrid u l-protezzjoni ta’ xogħlijiet kreattivi fuq l-internet (Loi favorisant la diffusion et la protection de la création sur internet) (JORF tat-13 ta’ Ġunju 2009, p. 9666) u Nru 2009-1311, tat-28 ta’ Ottubru 2009, dwar il-protezzjoni taħt id-dritt kriminali tal-proprjetà letterarja u artistika fuq l-internet (Loi relative à la protection pénale de la propriété littéraire et artistique sur internet) (JORF tad-29 ta’ Ottubru 2009, p. 18290), l-abbonati mal-internet, inklużi l-operaturi tan-netwerks Wi-Fi, huma obbligati jipproteġu l-konnessjoni Wi-Fi tagħhom, sabiex jevitaw li jinżammu responsabbli għal ksur tad-drittijiet relatati ma’ xogħlijiet u ma’ oġġetti protetti mwettaq minn terzi.


44 – Wieħed mill-għanijiet tal-“aġenda diġitali” tal-Gvern Ġermaniż huwa li tittejjeb id-disponibbiltà tal-aċċess għall-internet permezz tan-netwerks Wi-Fi (ara http://www.bmwi.de/EN/Topics/Technology/digital-agenda.html).


45 – Entwurf eines Zweiten Gesetzes zur Änderung des Telemediengesetzes (abbozz tat-tieni liġi li temenda l-liġi dwar il-mezzi ta’ telekomunikazzjoni) (BT-Drs 18/6745). Fl-opinjoni tiegħu dwar dan l-abbozz (BR-Drs 440/15), il-Bundesrat ippropona l-irtirar tad-dispożizzjoni li timponi fuq l-operaturi tan-netwerks Wi-Fi l-obbligu li jieħdu miżuri ta’ protezzjoni.


46 –      Ara, fid-dritt Franċiż, l-Artikolu L. 336-3 tal-kodiċi dwar il-proprjetà intellettwali Code de la propriété intellectuelle), li jipprevedi l-obbligu tal-persuna li tkun detentur tal-aċċess għall-internet li tiżgura li dan l-aċċess ma jkunx is-suġġett ta’ ksur tad-drittijiet relatati ma’ xogħlijiet u oġġetti protetti.


47 – Ara Van Eecke, P., “Online service providers and liability: A plea for a balanced approach”, Common Market Law Review, 2011, Vol. 48, p. 1455 sa 1502, u b’mod partikolari, p. 1501.


48 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Scarlet Extended (C‑70/10, EU:C:2011:771, punt 49) u SABAM (C‑360/10, EU:C:2012:85, punt 47).


49 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Scarlet Extended (C‑70/10, EU:C:2011:771, punt 52) u SABAM (C‑360/10, EU:C:2012:85, punt 50).


50 – Ara, f’dan ir-rigward, l-opinjoni tal-Bundesrat (BR-Drs 440/15, p. 18), kif ukoll il-konsultazzjoni tal-Ofcom, punti 3.94-3.97 (ara n-noti ta’ qiegħ il-paġna 43 u 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet).