Language of document : ECLI:EU:F:2007:103

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

19 ta’ Ġunju 2007

Kawża F-54/06

John Davis et

vs

Il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Pensjonijiet – Koeffiċjenti ta’ korrezzjoni – Irtirar wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti tal-Persunal fil-verżjoni tagħhom applikabbli mill-1 ta’ Mejju 2004 – Applikazzjoni tal-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni kkalkolati skond l-għoli tal-ħajja medju fil-pajjiż ta’ residenza tal-pensjonanti – Skema tranżitorja – Tneħħija tal-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni għad-drittijiet għal pensjoni miksuba wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti tal-Persunal fil-verżjoni tagħhom applikabbli mill-1 ta’ Mejju 2004”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skond l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li bih J. Davis u tliet uffiċjali oħra tal-Kunsill jitolbu l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill li jistabbilixxu d-drittijiet rispettivi tagħhom għal pensjoni ta’ rtirar inkwantu, minn naħa, il-parti tad-drittijiet tagħhom għal pensjoni miksuba wara t-30 ta’ April 2004 mhijiex suġġetta għal koeffiċjent ta’ korrezzjoni u li, min-naħa l-oħra, il-koeffiċjent ta’ korrezzjoni applikat għall-parti tad-drittijiet tagħhom għal pensjoni miksuba qabel l-1 ta’ Mejju 2004 huwa differenti minn dak li għalih hija suġġetta r-remunerazzjoni ta’ l-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej li jaħdmu fir-Renju Unit jew fid-Danimarka.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Pensjonijiet – Koeffiċjent ta’ korrezzjoni – Tneħħija tad-drittijiet għal pensjoni miksuba wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 723/2004

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 82(1); Anness XIII, Artikolu 20; Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004)

2.      Uffiċjali – Pensjonijiet – Koeffiċjent ta’ korrezzjoni – Tneħħija tad-drittijiet għal pensjoni miksuba wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 723/2004

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 82(1); Anness XIII, Artikolu 20; Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004)

3.      Uffiċjali – Pensjonijiet – Koeffiċjent ta’ korrezzjoni – Tneħħija tad-drittijiet għal pensjoni miksuba wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 723/2004

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 82(1))

4.      Moviment liberu tal-persuni – Ħaddiem – Kunċett – Uffiċjal Komunitarju – Inklużjoni – Uffiċjal Komunitarju rtirat – Esklużjoni

(Artikoli 18 KE u 39 KE)

5.      Ċittadinanza ta’ l-Unjoni Ewropea – Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju ta’ l-Istati Membri – Uffiċjali Komunitarji rtirati

(Artikolu 18 KE; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 82(1))

1.      Il-prinċipju tat-trattament ugwali mhuwiex miksur sa fejn id-differenzi fit-trattament bejn kategoriji differenti ta’ uffiċjali huma ġġustifikati abbażi ta’ kriterju oġġettiv u raġonevoli u sa fejn huma proporzjonati ma’ l-għan imfittex mid-differenza fit-trattament.

Fir-rigward tat-tneħħija tal-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni għad-drittijiet għal pensjoni miksuba mill-1 ta’ Mejju 2004, implementata bir-Regolament Nru 723/2004, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll il-Kondizzjonijiet ta’ l-Impjieg ta’ impjegati oħra, id-differenza fit-trattament bejn l-uffiċjali li rtiraw wara d-dħul fis-seħħ ta’ l-emenda tar-Regolamenti tal-Persunal u dawk li rtiraw ftit xhur qabel id-dħul fis-seħħ tagħha, sa fejn huma biss dawn ta’ l-aħħar li jgawdu minn koeffiċjent ta’ korrezzjoni fir-rigward tal-pensjonijiet kollha tagħhom, hija konformi mal-prinċipju ta’ trattament ugwali. Din id-differenza hija ġġustifikata abbażi ta’ kriterju oġġettiv u raġonevoli, jiġifieri, l-irtirar ta’ l-uffiċjali qabel jew wara d-dħul fis-seħħ ta’ l-emenda tar-Regolamenti tal-Persunal. Barra minn hekk, fir-rigward ta’ l-għanijiet ta’ l-imsemmija emenda tar-Regolamenti tal-Persunal, din id-differenza fit-trattament tosserva l-eżiġenza ta’ proporzjonalità, peress li, minkejja l-fatt li ta’ l-ewwel irtiraw wara d-dħul fis-seħħ ta’ l-emenda tar-Regolamenti tal-Persunal, id-drittijiet kollha li huma kisbu qabel din id-data baqgħu suġġetti għall-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni u, minbarra hekk, għall-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni li huma applikabbli għall-uffiċjali li rtiraw qabel din id-data. Minbarra hekk, dawn l-osservazzjonijiet huma kkorroborati mill-fatt li l-leġiżlatur ma adottax regoli li jaffettwaw b’mod negattiv biss dawk id-drittijiet għal pensjoni miksuba mill-1 ta’ Mejju 2004, imma wkoll regoli li jaffettwaw b’mod negattiv ukoll id-drittijiet għal pensjoni miksuba qabel din id-data, billi gradwalment, matul perijodu tranżitorju sal-31 ta’ April 2008, jissostitwixxi l-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni tal-belt kapitali bil-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni tal-pajjiż, li huma inqas favorevoli għall-pensjonanti.

A fortiori, id-differenza fit-trattament bl-ebda mod ma tista’ titqies li hija diskriminazzjoni arbitrarja jew manifestament mhux xierqa fir-rigward ta’ l-għanijiet ta’ l-emenda tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, huwa biss fil-każ ta’ din id-diskriminazzjoni li jista’ jiġi milqugħ il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u ta’ non-diskriminazzjoni meta dan huwa ssollevat kontra liġijiet adottati fil-qasam li fih il-leġiżlatur għandu setgħa diskrezzjonali, bħal fil-każ tal-qasam ta’ l-iżvilupp tas-sistema tal-pensjonijiet.

(ara l-punti 64, 74 u 75)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 16 ta’ Marzu 2004, Afari vs BĊE, T-11/03, ĠabraSP p. I‑A‑65 u II‑267, punt 65; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 23 ta’ Jannar 2007, Chassagne vs Il-Kummissjoni, F‑43/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 91

2.      F’qasam li fih il-leġiżlatur ikollu setgħa diskrezzjonali, bħal fil-każ ta’ l-iżvilupp tas-sistema tal-pensjonijiet, il-qorti għandha, matul l-istħarriġ li tagħmel rigward il-prinċipju ta’ trattament ugwali u ta’ non-diskriminazzjoni, tillimita ruħha li teżamina jekk l-istituzzjoni kkonċernata wettqitx differenza arbitrarja jew manifestament mhux xierqa.

Il-leġiżlatur ma marx lil hinn minn dan il-limitu meta abolixxa kull koeffiċjent ta’ korrezzjoni għad-drittijiet għal pensjoni miksuba wara l-1 ta’ Mejju 2004, tneħħija li daħlet fis-seħħ bir-Regolament Nru 723/2004, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll il-Kondizzjonijiet ta’ l-Impjieg ta’ impjegati oħra. Fil-fatt, m’hemm ebda prinċipju superjuri fid-dritt Komunitarju “ta’ trattament ugwali fil-kapaċita tax-xiri” tal-pensjonanti Komunitarji, imma prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali u ta’ non-diskriminazzjoni li għandu jiġi implementat mil-leġiżlatur permezz tal-metodi u tal-mezzi li huwa jikkunsidra bħala li huma l-iktar xierqa. Fir-rigward tas-setgħa diskrezzjonali tal-leġiżlatur fil-qasam ta’ l-iżvilupp tas-sistema tal-pensjonijiet, il-Kunsill seta’ tabilħaqq jadotta, skond il-liġi, sistema li hija intiża li timplementa l-prinċipju ta’ trattament ugwali u ta’ non-diskriminazzjoni billi tirrevoka l-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni u tiżgura, li fil-każ ta’ kontribuzzjoni ugwali, l-uffiċjali jirċievu pensjoni nominali ugwali, li barra minn hekk, bħala regola ġenerali, hija wkoll is-sistema ta’ pensjonijiet ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali oħra. F’dan ir-rigward, kien ġie kkunsidrat li l-integrazzjoni Ewropea tirrendi inqas u inqas neċessarju li jkun hemm koeffiċjenti ta’ korrezzjoni u li kull ma jmur il-pensjonanti jagħżlu li jistabbilixxu r-residenza tagħhom fil-pajjiż ta’ impjieg preċedenti tagħhom jew fi Stat Membru differenti mill-Istat Membru ta’ oriġini; minbarra dan, il-Kunsill seta’ jieħu in kunsiderazzjoni x-xewqa li jevita kemm il-frodi kif ukoll il-proċeduri ta’ verifiki onerużi u diffiċli fl-Istat ta’ residenza effettiv tal-pensjonanti.

Barra minn hekk, il-leġiżlatur huwa liberu li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal billi jadotta, fir-rigward ta’ l-uffiċjali kkonċernati, dispożizzjonijiet inqas favorevoli minn dawk li kienu fis-seħħ preċedentement u din il-libertà mhijiex mhedda mill-invokazzjoni ta’ xi prinċipju ta’ ugwaljanza “fir-rigward tal-kapaċità tax-xiri”. Madankollu, meta hemm drittijiet li nkisbu mill-uffiċjali, il-leġiżlatur għandu l-obbligu jistabbilixxi perijodu tranżitorju suffiċjenti intiż li, fil-kuntest tas-sistema tal-pensjonijiet, jevita emenda mhux mistennija tar-regoli dwar l-evalwazzjoni tad-drittijiet għal pensjoni. F’dan ir-rigward, jekk jitqies li din il-protezzjoni tkopri lill-uffiċjali li rtiraw wara d-dħul fis-seħħ ta’ l-emenda tar-Regolamenti tal-Persunali, jistgħu jibbenefikaw minnha biss id-drittijiet li nkisbu mill-uffiċjali qabel id-dħul fis-seħħ tagħha.

(ara l-punti 65, 78 u 80 sa 82)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 30 ta’ Settembru 1998, Losch vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T-13/97, ĠabraSP p. I‑A‑543 u II‑1633, punti 113, 121 u 122; 30 ta’ Settembru 1998, Busacca et vs Il-Qorti ta’ l-Awdituri, T-164/97, ĠabraSP p. I‑A‑565 u II‑1699, punti 49, 58 u 59; 6 ta’ Lulju 1999, Séché vs Il‑Kummissjoni, T-112/96 u T-115/96, ĠabraSP p. I‑A‑115 u II‑623, punti 127 u 132; 8 ta’ Jannar 2003, Hirsch et vs BĊE, T-94/01, T-152/01 u T-286/01, ĠabraSP p. I‑A‑1 u II‑27, punt 51; 26 ta’ Frar 2003, Drouvis vs Il-Kummissjoni, T-184/00, ĠabraSP p. I‑A‑51 u II‑297, punt 57, ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ April 2004, Drouvis vs Il-Kummissjoni, C-187/03 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra; 29 ta’ Novembru 2006, Campoli vs Il-Kummissjoni, T‑135/05, ĠabraSP p. I-A-2-297 u II-A-2-1527, punti 71, 72, 78, 79, 85, 87, 97, 100 u 105

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 23 ta’ Jannar 2007, Chassagne vs Il‑Kummissjoni, F‑43/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 62

3.      It-tneħħija tal-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni għad-drittijiet għal pensjoni miksuba mill-1 ta’ Mejju 2004, li ġiet implementata bir-Regolament Nru 723/2004, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll il-Kondizzjonijiet ta’ l-Impjieg ta’ impjegati oħra, ma tiksirx, fir-rigward tal-pensjonanti residenti fi Stat Membru fejn l-għoli tal-ħajja huwa elevat, il-prinċipju ta’ trattament ugwali u ta’ non-diskriminazzjoni meta mqabbla ma’ pensjonant residenti fi Stat Membru fejn l-għoli tal-ħajja huwa baxx. Din il-konklużjoni tapplika wkoll meta jsir xebh bejn pensjonanti mhux residenti fil-Belġju u dawk li huma residenti hemmhekk.

Fil-fatt, minn naħa, jekk l-imsemmija tneħħija tal-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni timplika differenzi fir-rigward tal-kapaċità tax-xiri bejn il-pensjonanti, dwar jekk dawn ta’ l-aħħar jistabbilixxux ruħhom f’pajjiżi fejn l-għoli tal-ħajja huwa elevat jew baxx, dawn id-differenzi huma bbażati fuq kriterju oġġettiv u raġonevoli, jiġifieri l-ammont ugwali ta’ kontribuzzjonijiet imħallsa mill-uffiċjali matul il-karriera tagħhom, u min-naħa l-oħra, minn ta’ l-inqas matul l-ewwel snin ta’ l-applikazzjoni tas-sistema l-ġdida tal-pensjoni, dawn id-differenzi huma proporzjonati ma’ l-għanijiet ta’ l-emenda tar-Regolamenti tal-Persunal. Matul dawn is-snin, l-uffiċjali li rtiraw wara d-dħul fis-seħħ ta’ l-emenda tar-Regolamenti tal-Persunali jkunu kisbu, fil-fatt, il-biċċa l-kbira tad-drittijiet għal pensjoni tagħhom u konsegwentement jibbenefikaw minn koeffiċjenti sintetiċi li jixbhu lil dawk li kienu jibbenefikaw minnhom kieku l-emenda tar-Regolamenti tal-Persunal żammet fis-seħħ is-sistema tal-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni. Huwa biss, kuntrarjament għall-previżjonijiet tal-Kunsill, fil-każ fejn jippersisti distakk fil-futur bejn l-għoli tal-ħajja fl-Istati Membri differenti li d-differenza fit-trattament tal-pensjonanti li jistabbilixxu ruħhom fi Stati Membri fejn l-għoli tal-ħajja huwa elevat u dawk li jistabbilixxu ruħhom fi Stati Membri fejn l-għoli tal-ħajja huwa baxx tista’, fid-dawl tan-nuqqas ta’ koeffiċjenti ta’ korrezzjoni fuq parti sostanzjali tad-drittijiet għal pensjoni sakemm il-Kunsill ma jieħux miżuri ta’ korrezzjoni, tirriżulta li hija sproporzjonata meta mqabbla ma’ l-għanijiet ta’ l-emenda tar-Regolamenti tal-Persunal.

Bl-istess mod, abbażi ta’ l-istess kunsiderazzjonijiet u fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali tal-leġiżlatur fil-qasam ta’ l-iżvilupp tas-sistema tal-pensjonijiet, il-konsegwenzi tat-tneħħija tal-koeffiċjenti ta’ korrezzjoni ma tistax tikkostitwixxi diskriminazzjoni arbitrarja jew manifestament mhux xierqa meta mqabbla ma’ l-għanijiet ta’ l-emenda tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 84 sa 87)

4.       L-uffiċjal Komunitarju huwa ħaddiem migrant, u bħala ċittadin Komunitarju li jaħdem fi Stat Membru li ma jkunx l-Istat ta’ l-oriġini tiegħu, huwa għandu jibqa’ jitqies li huwa ħaddiem, fis-sens ta’ l-Artikolu 39(1) KE, minħabba l-fatt li jkun impjegat ma’ organizzazzjoni internazzjonali anki jekk il-kundizzjonijiet tad-dħul u tar-residenza tiegħu fil-pajjiż ta’ impjieg huma speċifikament irregolati minn ftehim internazzjonali. Min-naħa l-oħra, il-pensjonanti Komunitarji ma jistgħux igawdu mill-prinċipji ta’ moviment liberu u ta’ libertà ta’ stabbiliment, li huma prinċipalment intiżi għall-attività ekonomika, imma mill-Artikolu 18 KE biss, li jiggarantixxi liċ-ċittadini Komunitarji d-dritt ta’ moviment u ta’ residenza libera fit-territorju ta’ l-Istati Membri.

(ara l-punti 96 sa 98)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 15 ta’ Marzu 1989, Echternach u Moritz, 389/87 u 390/87, Ġabra p. 723, punt 11; 16 ta’ Diċembru 2004, My, C-293/03, Ġabra p. I‑12013, punt 37; 16 ta’ Frar 2006, Öberg, C-185/04, Ġabra p. I‑1453, punt 12

5.      L-Artikolu 18 KE jiggarantixxi liċ-ċittadini Komunitarji d-dritt tal-moviment u tar-residenza libera fit-territorju ta’ l-Istati Membri, dritt li jirriżulta direttament mill-istatus ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni Ewropea, stabbilit mill-Artikolu 17 KE, li huwa ddestinat li jkun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini ta’ l-Istati Membri. Bla ħsara għal-limitazzjonijiet u l-kundizzjonijiet previsti mit-Trattat u mid-dritt sekondarju, l-Artikolu 18 KE jista’, minnu nnifsu, inissel drittijiet fir-rigward taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea li huma jistgħu jinvokaw quddiem qorti. Għalhekk, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni speċifika pprovduta għal dan il-għan, din id-dispożizzjoni tista’ tistabbilixxi legalment, fir-rigward ta’ l-uffiċjali Komunitarji, id-dritt li jistabbilixxu ruħhom fi Stat Membru ta’ l-għażla tagħhom.

Mhumiex biss il-miżuri li jinkludu projbizzjonijiet u restrizzjonijiet diretti, imma anki dawk li jiskoraġġixxu l-persuni kkonċernati milli jistabbilixxu ruħhom fi Stat Membru ieħor li jippreġudikaw id-dritt għall-moviment liberu. Madankollu, ma jistax jiġi dedott mill-Artikolu 18 KE li hemm obbligu pożittiv tal-leġiżlatur Komunitarju li jagħti lill-proprjetarji tad-drittijiet għal pensjonijiet Komunitarji żieda finanzjarja fil-forma ta’ koeffiċjenti ta’ korrezzjoni intiżi li jikkumpensaw l-għoli tal-ħajja l-iktar elevat stabbilit fi Stat Membru fejn il-pensjonant jixtieq jistabbilixxu ruħu; fil-fatt, sa fejn m’hemmx kwistjoni ta’ nuqqas ta’ trattament ugwali meta mqabbel ma’ pensjonanti Komunitarji li ddeċidew li jistabbilixxu ruħhom fl-istess Stat Membru, l-iżvantaġġi li għandu l-fatt li wieħed jistabbilixxi ruħu f’dan l-Istat Membru, li jirriżultaw minn ċirkustanzi ġenerali u għanijiet li jistgħu jaffettwaw kull pensjonant, u saħansitra kull persuna li tistabbilixxi ruħha fl-istess Stat, huma l-konsegwenza ta’ l-għażla libera li għamlet il-persuna kkonċernata ta’ l-Istat Membru ta’ residenza, wara li tkun ħadet in kunsiderazzjoni l-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta’ din l-għażla, u bl-ebda mod ma jistgħu jiġu kkunsidrati bħala ostakoli impliċiti għall-moviment liberu.

(ara l-punti 98 sa 100)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 1 ta’ Frar 1996, Perfili, C-177/94, Ġabra p. I‑161, punti 17 sa 19; 17 ta’ Settembru 2002, Baumbast u R, C-413/99, Ġabra p. I‑7091, punti 82, 84 u 86; 2 ta’ Ottubru 2003, Garcia Avello, C-148/02, Ġabra p. I‑11613, punti 21 sa 24; 12 ta’ Lulju 2005, Schempp, C-403/03, Ġabra p. I‑6421, punti 45 sa 47; 16 ta’ Frar 2006, Rockler, C-137/04, Ġabra p. I‑1441, punti 17 sa 19; 26 ta’ Ottubru 2006, Tas-Hagen u Tas, C-192/05, Ġabra p. I‑10451; 9 ta’ Novembru 2006, Turpeinen, C-520/04, Ġabra p. I‑10685, punt 13; 11 ta’ Jannar 2007, ITC, C-208/05, Ġabra p. I‑181, punti 31 sa 33; 30 ta’ Jannar 2007, Il-Kummissjoni vs Id-Danimarka, C-150/04, Ġabra p. I‑1163, punti 41 sa 45