Language of document :

Rikors ippreżentat fl-14 ta’ April 2020 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Kawża C-161/20)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: J.-F. Brakeland, E. Georgieva, S. L. Kalėda, W. Mölls, Aġenti)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Kunsill 1 , li tinstab fl-att ta’ Coreper tal-5 ta’ Frar 2020, li japprova s-sottomissjoni lill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) dwar l-introduzzjoni tal-linji gwida dwar iċ-ċiklu tal-ħajja għall-istima tal-emmissjonijiet ta’ gassijiet serra well-to-tank ta’ fjuwils sostenibbli alternattivi, sabiex din tiġi trażmessa mill-Presidenza tal-Kunsill lill-IMO f’isem l-Istati Membri u l-Kummissjoni;

iżżomm l-effetti tad-deċiżjoni;

tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikors għal annullament ippreżentat mill-Kummissjoni jirrigwarda deċiżjoni tal-Kunsill li tinsab fl-att tal-Coreper tal-5 ta’ Frar 2020, li japprova s-sottomissjoni lill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (iktar ’il quddiem l-“IMO”) dwar l-introduzzjoni tal-linji gwida dwar iċ-ċiklu tal-ħajja għall-istima tal-emmissjonijiet ta’ gassijiet serra well-to-tank ta’ fjuwils sostenibbli alternattivi (iktar ’il quddiem is-“sottomissjoni LGGS”), sabiex din tiġi trażmessa mill-Presidenza tal-Kunsill lill-IMO f’isem l-Istati Membri u l-Kummissjoni.

Insostenn tar-rikors tagħha l-Kummissjoni tinvoka żewġ motivi.

L-ewwel nett il-Kummissjoni tqis li d-deċiżjoni tal-Kunsill tikser il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni taħt l-Artikolu 3(2) TFUE. L-Unjoni għandha tabilħaqq kompetenza esklużiva fil-qasam ikkonċernat mis-sottomissjoni LGGS fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 3(2) TFUE, għaliex dan il-qasam huwa fil-parti l-kbira tiegħu kopert mir-regoli komuni applikabbli għal sitwazzjonijiet intra-UE fi ħdan it-tifsira tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja.

It-tieni nett, il-Kummissjoni tqis li d-deċiżjoni tal-Kunsill tikser il-prerogattivi istituzzjonali tal-Kummissjoni taħt l-Artikolu 17(1) TUE, għaliex hija biss il-Kummissjoni li hija intitolata li taġixxi f’isem l-Unjoni u li tiżgura r-rappreżentazzjoni esterna tal-Unjoni.

____________

1 Dokument tal-Kunsill ST 6287/20 tal-24 ta’ Frar 2020