Language of document :

Appell ippreżentat fit-18 ta’ Settembru 2020 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fit-8 ta’ Lulju 2020 fil-Kawża T-110/17, Jiangsu Seraphim Solar System vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-439/20 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: T. Maxian Rusche, G. Luengo, aġenti)

Partijiet oħra fil-proċedura: Jiangsu Seraphim Solar System Co. Ltd, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tat-8 ta’ Lulju 2020 fil-Kawża T-110/17 Jiangsu Seraphim Solar System Co. Ltd vs Il-Kummissjoni;

tiddikjara r-rikors fl-ewwel istanza inammissibbli;

sussidjarjament: tiddikjara r-rikors fl-ewwel istanza infondat; u fi kwalunkwe każ;

tikkundanna lir-rikorrenti fl-ewwel istanza għall-ispejjeż tal-appell u tal-ewwel istanza.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti tinvoka erba’ aggravji.

L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi għal dak li jikkonċerna l-ammissibbiltà u n-natura effettiva tar-rikors fl-ewwel istanza.

It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi għal dak li jikkonċerna l-klassifikazzjoni tal-ġbir ta’ dazji bħala “retroattiv”.

It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(1), (9) u (10) u tal-Artikolu 10(5) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 1 kif ukoll tal-Artikolu 13(1), (9) u (10), u tal-Artikolu 16(5) tar-Regolament (KE) Nru 597/2009 2 , meta kkonkludiet li l-ġbir tad-dazji fuq l-importazzjonijiet li kisru l-impenn ma kienx possibbli.

Ir-raba’ nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 u tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament (KE) Nru 597/2009 meta kkonkludiet li ebda bażi legali ma kienet tippermetti lill-Kunsill isostni li meta l-Kummissjoni tinvalida fattura tal-impenn, id-dazju għandu jinġabar.

____________

1 Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 2009, L 343, p. 51 u rettifiki fil-ĠU 2010, L 7, p.22, fil-ĠU 2011, L 293, p. 39 u fil-ĠU 2016, L 44, p. 20).

2 Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal-11 ta’ Ġunju 2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 2009, L 188, p. 93 u rettifiki fil-ĠU 2015, L 187, p. 91 u fil-ĠU 2016, L 44, p. 20).