Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Polonja) fit-28 ta’ Diċembru 2018 – A.B., C.D., E.F., G.H. u I.J. vs Krajowa Rada Sądownictwa

(Kawża C-824/18)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Suprema Amministrattiva, il-Polonja)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: A.B., C.D., E.F., G.H. u I.J.

Konvenut: Krajowa Rada Sądownictwa (Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura)

Domandi preliminari

L-Artikolu 2, moqri flimkien mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(3), l-Artikolu 6 (1) u l-Artikolu 19(1) TUE, flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ʼil quddiem il-“Karta”) u l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79) kif ukoll it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 267 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens:

li l-prinċipju tal-Istat ta’ dritt u d-dritt għal rimedju effettiv u għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva jinkisru meta, billi jirrikonoxxi d-dritt ta’ rimedju ġudizzjarju f’każijiet individwali dwar l-eżerċizzju tal-funzjoni ta’ mħallef ta’ qorti tal-aħħar Stat Membru (il-Qorti Suprema), il-leġiżlatur nazzjonali jattribwixxi natura definittiva u effettiva lid-deċiżjoni meħuda fil-kuntest tal-proċedura ta’ reklutaġġ, li tippreċedi l-preżentazzjoni ta’ proposta ta’ ħatra għall-kariga ta’ imħallef tal-imsemmija qorti, fl-assenza ta’ rikors kontra d-deċiżjoni meħuda dwar l-eżami konġunt u l-evalwazzjoni tal-kandidati kollha għall-Qorti Suprema, magħmul mill-parteċipanti kollha fil-proċedura ta’ reklutaġġ, li fosthom hemm ukoll kandidat li ma għandu ebda interess li jikkontesta l-imsemmija deċiżjoni, jiġifieri l-kandidat imsemmi fil-proposta ta’ ħatra ta’ din il-kariga, li, konsegwentement:

jeqred l-effettività tar-rimedju u l-possibbiltà għall-qorti kompetenti li twettaq stħarriġ reali fuq l-iżvolġiment tal-proċedura ta’ reklutaġġ imsemmija iktar ʼil fuq,

u li, f’sitwazzjoni fejn din il-proċedura tikkonċerna wkoll imħallfin pożizzjonijiet ta’ imħallfin tal-Qorti Suprema li għalihom kienet applikata età ġdida, iktar baxxa, tal-irtirar għall-imħallfin li kienu okkupawhom sa dakinhar, mingħajr ma tħalli d-deċiżjoni li jibbenefikaw minn din l-età tal-irtirar iktar baxxa fid-diskrezzjoni esklużiva tal-imħallfin ikkonċernati, fil-kuntest tal-prinċipju ta’ irremovabbiltà tal-imħallfin ikkonċernati – meta jiġi kkonstatat li dan il-prinċipju inkiser, b’dan il-mod – lanqas ma jaffettwa l-portata u r-riżultat tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-proċedura ta’ reklutaġġ imsemmija iktar ʼil fuq?

L-Artikolu 2, moqri flimkien mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 6(1) TUE, flimkien mal-Artikolu15(1), l-Artikolu 20, l-Artikolu 21(1) u l-Artikolu 52(1) tal-Karta, kif ukoll l-Artikolu 2(1) u (2)(a) u l-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2000/78/KE u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens:

li l-prinċipju tal-Istat ta’ dritt, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-prinċipju ta’ aċċess ugwali, skont regoli identiċi, għas-servizz pubbliku, jiġifieri l-kariga ta’ imħallef tal-Qorti Suprema, jinkisru meta hemm, fil-kuntest ta’ każijiet individwali li jikkonċernaw l-eżerċizzju tal-kariga ta’ mħallef fi ħdan l-imsemmija qorti, dritt għal azzjoni legali quddiem il-qorti kompetenti iżda li, minħabba r-regola dwar in-natura definittiva, deskritta fl-ewwel domanda, ħatra għal kariga vakanti ta’ mħallef tal-Qorti Suprema tista’ ssir mingħajr mal-qorti kompetenti teżerċita stħarriġ fuq l-iżvolġiment tal-proċedura ta’ reklutaġġ imsemmija iktar ʼil fuq (jekk jiġi preżunt li tali stħarriġ kien twettaq) u, fl-istess ħin, l-assenza ta’ tali stħarriġ, li tippreġudika d-dritt għal rimedju effettiv, jikser id-dritt għal aċċess ugwali għas-servizz pubbliku u, għal dik ir-raġuni, ma jissodisfax l-għanijiet ta’ interess ġenerali

u li sitwazzjoni fejn il-kompożizzjoni tal-korp tal-Istat Membru li għandu jissorvelja l-indipendenza tal-qrati u l-imħallfin (il-KRS), korp li quddiemu jiżvolġu l-proċeduri relatati mal-kariga ta’ imħallef tal-Qorti Suprema, hija mfassla b’tali mod li r-rappreżentanti tal-ġudikatura fi ħdan dan il-korp jiġu eletti mil-leġiżlatura, jippreġudika l-prinċipju tal-bilanċ istituzzjonali?

____________