Language of document : ECLI:EU:C:2018:1028

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fid-19 ta’ Diċembru 2018 (1)

Kawża C-431/17

Monachos Eirinaios, kata kosmon Antonios Giakoumakis tou Emmanouil

vs

Dikigorikos Syllogos Athinon

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat, il-Greċja))

“Direttiva 98/5/KE — Artikolu 3 — Artikolu 6 — Reġistrazzjoni ta’ patri bħala avukat fi Stat Membru differenti minn dak fejn huwa kiseb il-kwalifika professjonali tiegħu — Regoli nazzjonali li jipprekludu r-reġistrazzjoni”






1.        Jista’ bniedem iservi żewġ sidien? Meta wieħed minn dawn is-sidien huwa Alla, Nisrani jista’ jsib gwida fl-Evanġelju: “Ħadd ma jista’ jkun ilsir ta’ żewġ sidien; għax jew jobgħod lil wieħed u jħobb lill-ieħor, jew jintrabat ma’ wieħed u jistmerr lill-ieħor. Ma tistgħux tkunu lsiera t’Alla u tal-flus” (2). (Madankollu, id-djalogu legali impekkabbli bejn Ġesu ta’ Nazzaret u avukat ippreżervat fil-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb juri b’mod ċar li huwa perfettament possibbli li sservi lil Alla u tkun membru tal-professjonali legali) (3). Meta patri jixtieq jirreġistra bħala avukat ma’ kamra tal-avukati ta’ Stat Membru differenti minn dak fejn huwa kiseb it-titolu professjonali tiegħu u għalhekk iservi kemm il-ġustizzja kif ukoll lil Alla, huwa neċessarju wkoll li tingħata ħarsa lid-Direttiva 98/5/KE (4).

2.        Permezz ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari s-Symvoulio tis Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat, il-Greċja: iktar ’il quddiem il-“qorti tar-rinviju”) tistaqsi jekk huwiex kompatibbli mad-Direttiva 98/5 li l-awtoritajiet kompetenti rrifjutaw li jirreġistraw lil Monachos Eirinaios (5), patri f’monasteru fil-Greċja, bħala avukat li jipprattika taħt it-titolu professjonali tal-oriġini tiegħu għar-raġuni li taħt il-liġi nazzjonali, il-patrijiet sempliċement ma jistgħux jiddaħħlu fir-reġistri tal-kamra tal-avukati. Dan iqajjem il-kwistjoni dwar kif għandhom jiġu rrikonċiljati d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 98/5 li jirrigwardaw ir-reġistrazzjoni ta’ avukati li jipprattikaw taħt it-titolu professjonali tal-oriġini tagħhom, li jintroduċu obbligi mandatorji, ma’ dawk li jirrigwardaw ir-regoli tal-kondotta professjonali applikabbli għal dawn l-avukati, li jħallu diskrezzjoni wiesgħa lill-Istat Membru. L-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiżgura li d-Direttiva tinftiehem b’mod konsistenti u koerżiv.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 98/5

3.        Il-premessa 1 tad-Direttiva 98/5 tenfasizza l-importanza tal-possibbiltà, għal ċittadini tal-Istati Membri, li jeżerċitaw professjoni, sew jekk jaħdmu għal rashom jew bħala impjegati, fi Stat Membru differenti minn dak fejn huma kisbu l-kwalifiki professjonali tagħhom. Il-premessi 2 u 3 jispjegaw li d-Direttiva toffri mezz alternattiv għad-Direttiva 89/48 sabiex avukat jiġi integrat fil-professjoni fl-Istat Membru ospitanti (6).

4.        Skont il-premessa 5, azzjoni “hija ġġustifikata fil-livell tal-Komunità mhux biss għaliex, ikkomparat mas-sistema ġenerali għall-għarfien ta’ diplomi, tipprovdi lill-avukati b’mezzi aktar faċli biex ikunu jistgħu jintegraw fil-professjoni fl-Istat Membru ospitanti, imma anke għaliex, permezz ta’ l-possibbiltà li l-avukati jipprattikaw taħt it-titolu professjonali ta’ pajjiżhom fuq bażi permanenti fi Stat Membru ospitanti, tilħaq il-ħtiġijiet ta’ konsumaturi ta’ servizzi legali li, minħabba ż-żjieda ta’ kummerċ iċċirkulat li jirriżulta, partikolarment, mis-suq intern, ifittxu parir meta jwettqu transazzjonijiet transkonfini fejn il-liġi internazzjonali, l-liġi tal-Komunità u l-liġijiet domestiċi ħafna drabi jissovrapponu”.

5.        Il-premessa 6 tispjega li azzjoni hija ġġustifikata wkoll “għaliex ftit Stati Membri biss diġà jippermettu l-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ avukati fit-territorju tagħhom, inkella imbagħad permezz ta’ provvista ta’ servizzi, minn avukati minn Stati Membri oħra li jipprattikaw taħt it-titolu professjonali ta’ pajjiżhom; […] madanakollu, fl-Istati Membri fejn teżisti l-possibbiltà, d-dettalji prattiċi li jikkonċernaw, ngħidu aħna, l-qasam ta’ attività’ u l-obbligazzjoni sabiex issir ir-reġistrazzjoni ma’ l-awtoritajiet kompetenti tvarja konsiderevolment; […] diversità bħal din ta’ sitwazzjonijiet twassal għal inugwaljanzi u tgħawweġ il-kompetizzjoni bejn avukati mill-Istati Membri u tikkostitwixxi tfixkil għall-moviment liberu; […] Direttiva biss li tistipula l-kundizzjonijiet li jirregolaw il-prattika tal-professjoni, barra minn permezz ta’ provvista ta’ servizzi, minn avukati li jipprattikaw taħt it-titolu tal-professjoni ta’ pajjiżhom tista’ tirrisolvi dawn id-diffikultajiet u li tipprovdi l-istess opportunitajiet lill-avukati u konsumaturi ta’ servizzi legali fl-Istati Membri kollha”.

6.        Il-premessa 7 tindika li d-Direttiva ma tistipula ebda regoli li jirrigwardaw sitwazzjonijiet purament domestiċi, u fejn taffettwa regoli nazzjonali li jirregolaw il-professjoni legali, ma tagħmilx hekk iktar milli hu meħtieġ sabiex tilħaq effettivament l-għan tagħha. Id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju partikolarment għall-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola l-aċċess għal u l-prattika tal-professjoni ta’ avukat taħt it-titolu professjonali użat fl-Istat Membru ospitanti.

7.        Il-premessa 8 tispjega li “avukati koperti mid-Direttiva għandhom jintalbu jirreġistraw ma’ l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru ospitanti sabiex l-awtorità tkun tista’ tassigura li huma konformi mar-regoli tal-kondotta professjonali fis-seħħ f’dak l-Istat; […] l-effett ta’ din ir-reġistrazzjoni fir-rigward tal-ġurisdizzjonijiet li fihom, u l-livelli u t-tipi ta’ qorti li quddiemha, avukati jistgħu jipprattikaw hija stabbilita mil-liġi applikabbli għall-avukati fl-Istat Membru ospitanti”.

8.        Il-premessa 9 tindika li “avukati li mhumiex integrati fil-professjoni fl-Istat Membru ospitanti għandhom jipprattikaw f’dak l-Istat taħt it-titolu professjonali ta’ pajjiżhom sabiex jassiguraw li l-konsumaturi jkunu mgħarrfa sewwa u sabiex jiddistingwixxu bejn dawn l-avukati u avukati mill-Istat Membru ospitanti li qegħdin jipprattikaw taħt it-titolu professjonali użat hemmhekk”.

9.        L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva jistabbilixxi li l-għan tagħha huwa li tiffaċilita l-prattika tal-professjoni ta’ avukat fuq bażi permanenti fi Stat Membru differenti minn dak li fih inkisbet il-kwalifika professjonali. L-Artikolu 1(2) jiddefinixxi “avukat” bħala “kull persuna ta’ nazzjonalità ta’ Stat Membru u li hu awtorizzat li jsegwi l-attivitajiet professjonali tiegħu taħt wieħed mit-titoli professjonali li ġejjin: […] Il-Greċja: Δικηγόρος [Dikigoros] […] Ċipru: Δικηγόρος [Dikigoros]”.

10.      L-Artikolu 2 jistabbilixxi d-dritt ta’ kull avukat li jsegwi fuq bażi permanenti, fi Stat Membru ieħor taħt it-titolu professjonali tal-oriġini tiegħu, l-attivitajiet professjonali elenkati fid-dettall fl-Artikolu 5.

11.      Skont l-Artikolu 3:

“1.      Avukat li jixtieq jipprattika fi Stat Membru minbarra dak li fih kiseb il-kwalifika professjonali għandu jirreġistra ma’ l-awtorità kompetenti f’dak l-Istat.

2.      L-awtorità kompetenti fl-Istat Membru ospitanti għandha tirreġistra lill-avukat mal-preżentazzjoni ta’ ċertifikat li jixhed ir-reġistrazzjoni tiegħu ma’ l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru li hu pajjiżu. Tista’ teħtieġ li, meta jkun ippreżentat mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru li hu pajjiżu, iċ-ċertifikat ma jkunx eqdem minn tliet xhur. Għandha tinforma bir-reġistrazzjoni lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru li hu l-pajjiż ta’ l-avukat”.

12.      L-Artikolu 4 jipprovdi li avukat li jeżerċita fi Stat Membru ospitanti taħt it-titolu professjonali tal-oriġini tiegħu “għandu jagħmel hekk taħt dak it-Titolu, li għandu jkun espress fil-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali ta’ l-Istat Membru li hu pajjiżu, b’mod intelliġibbli u b’tali mod li tkun evitata konfużjoni mat-titolu professjonali ta’ l-Istat Membru ospitanti”.

13.      L-Artikolu 5(1) jistabbilixxi l-qasam ta’ attività ta’ avukat li jeżerċita l-professjoni taħt it-titolu professjonali tal-oriġini tiegħu bħala “l-istess attivitajiet professjonali bħala avukat li jipprattika taħt it-titolu professjonali relevanti użat fl-Istat Membru ospitanti”. Fost oħrajn, huwa jista’ “jagħti parir fuq il-liġi ta’ l-Istat Membru li hu pajjiżu, fuq il-liġi tal-Komunità, fuq il-liġi internazzjonali u fuq il-liġi ta’ l-Istat Membru ospitanti. Għandu f’kull każ ikun konformi mar-regoli ta’ proċedura applikabbli fil-qrati nazzjonali”.

14.      L-Artikolu 6(1) jipprovdi li “[i]rrispettivament tar-regoli ta’ kondotta professjonali li għalihom huwa suġġett fl-Istat Membru li hu pajjiżu, avukat li jipprattika taħt it-titolu professjonali ta’ pajjiżu għandu jkun suġġett għall-istess regoli ta’ kondotta professjonali bħal avukati li jipprattikaw taħt it-titolu professjonali relevanti ta’ l-Istat Membru ospitanti fir-rigward ta’ l-attivitajiet kollha li jeżerċita fit-territorju tiegħu”. Skont l-Artikolu 6(3), l-Istat Membru ospitanti “jista’ jeħtieġ li avukat li jipprattika taħt it-titolu professjonali ta’ pajjiżu jew biex jieħu assigurazzjoni għal indennizz professjonali jew biex isir membru ta’ fond ta’ assigurazzjoni professjonali skond ir-regoli li dak l-Istat jistipula għal attivitajiet professjonali eżerċitati fit-teritorju tiegħu”.

15.      L-Artikolu 7 tad-Direttiva jirrigwarda proċeduri dixxiplinari fil-każ li avukat li jipprattika taħt it-titolu professjonali tal-oriġini tiegħu jonqos milli jwettaq l-obbligi imposti fl-Istat Membru ospitanti. Skont l-Artikolu 7(1), “ir-regoli tal-proċedura, il-pieni u r-rimedji kif provduti fl-Istat Membru ospitanti għandhom japplikaw”. L-Artikolu 7(2) sa (5) jipprovdi li:

“2.      Qabel ma jinbdew il-proċeduri dixxiplinari kontra avukat li jipprattika taħt it-titolu professjonali ta’ pajjiżu, l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru ospitanti għandha tinforma l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru li hu pajjiżu kemm jista’ jkun malajr, filwaqt li tforniha bid-dettalji kollha relevanti.

[Dan għandu japplika] mutatis mutandis fejn proċeduri dixxiplinari jibdew mill-awtorità kompetenti ta’ l-istat Membru li hu pajjiżu […]

3.      Mingħajr preġudizzju għall-poteri ta’ deċiżjonijiet meħuda ta’ l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru ospitanti, dik l-awtorità għandha tikkoopera permezz tal-proċeduri dixxiplinari ma’ l-awtorità kompetenti fl-istat Membru li hu pajjiżu. […]

4.      L-awtorità kompetenti fl-Istat Membru pajjiż [ospitanti] għandha tiddeċiedi x’azzjoni tieħu, taħt ir-regoli ta’ proċedura u sostantivi tagħha, fid-dawl ta’ deċiżjoni ta’ l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru li hu pajjiżu li jikkonċerna avukat prattikanti taħt it-titolu professjonali ta’ pajjiżu.

5.      Għalkemm mhux prerekwiżita għad-deċiżjoni ta’ l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru ospitanti, l-irtirar temporanju jew permanenti mill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru li hu pajjiżu ta’ l-awtorizzazzjoni sabiex tkun prattikata l-professjoni għandha awtomatikament twassal lill-avukat konċernat li jkun fuq bażi temporanja jew permanenti pprojbit milli jipprattika taħt it-titolu professjonali ta’ pajjiżu fl-Istat Membru ospitanti”.

16.      L-Artikolu 9 jipprovdi li “[i]d-deċiżjonijiet sabiex ma ssirx ir-reġistrazzjoni msemmija fl-Artikolu 3 jew sabiex tiġi kkanċellata r-reġistrazzjoni u d-deċiżjonijiet li jimponu miżuri dixxiplinari għandhom jistqarru r-raġunijiet li fuqhom huma bbażati”. Għandu jkun disponibbli rimedju kontra dawn id-deċiżjonijiet quddiem qorti jew tribunal.

 Id-dritt nazzjonali

 Id-Digriet Presidenzjali 152/2000

17.      Id-Direttiva 98/5 kienet trasposta fil-liġi Griega permezz tad-Digriet Presidenzjali 152/2000 “sabiex tiġi ffaċilitata l-prattika tal-professjoni ta’ avukat fuq bażi permanenti fil-Greċja minn avukati li kisbu l-kwalifika professjonali fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea” (Proedriko Diatagma 152/2000, Diefkolynsi tis monimis askisis tou dikigorikoy epaggelmatos stin Ellada apo dikigorous pou apektisan ton epaggelmatiko tous titlo se allo kratos-melos tis EE, iktar ’il quddiem id-“Digriet Presidenzjali”).

18.      L-Artikolu 5(1) jipprovdi li sabiex teżerċita bħala avukat fil-Greċja, il-persuna kkonċernata għandha tkun irreġistrata mal-kamra tal-avukati fejn hija ser issegwi l-attivitajiet professjonali tagħha u għandu jkollha uffiċċju f’din iż-żona ġeografika. L-Artikolu 5(2) jipprovdi li l-Bord ta’ Amministrazzjoni tal-imsemmija kamra tal-avukati jiddeċiedi dwar applikazzjoni għar-reġistrazzjoni wara li jiġu ppreżentati ċ-ċertifikati li ġejjin: (i) dokument uffiċjali li juri nazzjonalità ta’ Stat Membru; (ii) ċertifikat li jindika jekk l-applikant għandux kondotta kriminali; u (iii) ċertifikat ta’ reġistrazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-Istat tal-oriġini li tat il-kwalifika professjonali jew awtorità kompetenti oħra tal-Istat tal-oriġini.

19.      Barra minn hekk, l-Artikolu 8(1) jipprovdi li “irrispettivament mir-regoli ta’ kondotta professjonali li huwa suġġett għalihom fl-Istat tal-oriġini tiegħu, l-avukat għandu jkun suġġett għall-istess regoli ta’ kondotta professjonali bħall-avukati l-oħra li huma membri tal-kamra tal-avukati rilevanti, fir-rigward tal-attivitajiet kollha li huwa jsegwi fil-Greċja. B’mod partikolari, huwa għandu jkun suġġett għal […] dawk ir-regoli li jirregolaw it-twettiq tal-funzjonijiet ta’ avukat fil-Greċja, b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw l-inkompatibbiltà u t-twettiq ta’ attivitajiet li ma għandhomx x’jaqsmu ma’ dawn il-funzjonijiet, il-kunfidenzjalità professjonali, l-etika professjonali, ir-reklamar, id-dinjità professjonali u t-twettiq xieraq ta’ dawn il-funzjonijiet”.

 Il-Kodiċi tal-Avukati

20.      L-Artikolu 1 tal-Liġi 4194/2013 (Kodikas dikigoron, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Avukati”) jipprovdi li avukat huwa uffiċjal pubbliku li l-funzjonijiet tiegħu jikkostitwixxu l-bażi tal-istat tad-dritt. Fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu, avukat għandu jittratta l-każijiet skont il-ġudizzju professjonali tiegħu u ma għandux ikun is-suġġett ta’ rakkomandazzjonijiet jew struzzjonijiet li jmorru kontra l-liġi jew li huma inkompatibbli mal-interessi tal-klijent tiegħu (7).

21.      L-Artikolu 6 huwa intitolat “Kundizzjonijiet sabiex issir avukat — impedimenti”. Dan jistabbilixxi żewġ kundizzjonijiet pożittivi sabiex tkun avukat, jiġifieri (i) li jkollok nazzjonalità Griega jew nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor jew ta’ Stat ŻEE u (ii) li jkollok diploma fil-liġi, flimkien ma’ erba’ impedimenti, li jinkludu li ma tkunx qassis jew patri.

22.      L-Artikolu 7(1) huwa intitolat “Telfien ipso jure tal-istatus ta’ avukat”. Dan jipprovdi, fost oħrajn, li persuna li hija qassis jew patri jew li hija maħtura jew għandha pożizzjoni bi ħlas taħt kuntratt li jinvolvi relazzjoni bħala persuna impjegata jew uffiċjal pubbliku fis-servizz ta’ persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku għandha titlef ipso jure l-istatus ta’ avukat u titneħħa mir-reġistru tal-kamra tal-avukati li hija membru tagħha (8). Avukat li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7(1) għandu l-obbligu li jagħmel dikjarazzjoni lill-kamra tal-avukati li huwa rreġistrat magħha u li jirriżenja (9).

23.      L-Artikolu 23 jipprovdi li avukat għandu jkollu sede u uffiċċju fiż-żona ġeografika tal-qorti tal-ewwel istanza fejn huwa maħtur bħala avukat. L-Artikolu 82 jipprovdi li, ħlief f’każ ta’ numru żgħir ta’ eċċezzjonijiet, avukat ma jistax jipprovdi s-servizzi tiegħu mingħajr ħlas.

 Iċ-Charter tal-Knisja tal-Greċja

24.      L-Artikolu 39 tal-Liġi 590/1977 dwar iċ-Charter tal-Knisja tal-Greċja (Katastatikos Chartis tis Ekklisias tis Ellados) jipprovdi li l-monasteri huma stabbilimenti reliġjużi li fihom irġiel u nisa tal-klawsura jistgħu jgħixu ħajja ta’ astinenza, taħt voti monastiċi u skont ir-regoli sagri u t-tradizzjonijiet tal-Knisja Ortodossa li jirrigwardaw il-ħajja monastika. Il-monasteri joperaw taħt is-superviżjoni spiritwali tal-isqof tal-lokalità.

25.      L-Artikolu 56(3) jipprekludi lil persuna taħt dixxiplina monastika milli tivvjaġġa ’l barra mill-fruntieri taż-żona ekklesjastika tagħha mingħajr il-permess tas-superjur reliġjuż tagħha. Hija għandha tikseb ukoll permess tal-Isqof djoċesan sabiex tibqa’ f’żona oħra għal iktar minn xahrejn fl-istess sena kalendarja, kemm jekk kontinwi jew b’intervalli.

 Il-Liġi dwar Fondi Ekklesjastiċi u l-Amministrazzjoni ta’ Monasteri

26.      Fl-Artikolu 18 tagħha, il-Liġi 3414/1909 (Peri Genikou Ekklisastikou Tameiou kai dioikiseos Monastirion, il-“Liġi dwar Fondi Ekklesjastiċi u l-Amministrazzjoni ta’ Monasteri”) tipprovdi li meta xi ħadd isir persuna taħt dixxiplina monastika, il-proprjetà tiegħu kollha tgħaddi lill-monasteru, bl-eċċezzjoni tas-sehem riżervat lill-eredi tiegħu skont il-liġi tas-suċċessjoni.

 Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

27.      Monachos Eirinaios huwa patri f’monasteru fil-Greċja (10). Huwa wkoll avukat ikkwalifikat u ilu membru tal-Pagkyprios Dikigorikos Syllogos (il-Kamra tal-Avukati ta’ Ċipru, iktar ’il quddiem “il-PDS”) mill-11 ta’ Diċembru 2014.

28.      Fit-12 ta’ Ġunju 2015, huwa talab li jiġi rreġistrat mad-Dikigorikos Syllogos Athinon (il-Kamra tal-Avukati ta’ Ateni, iktar ’il quddiem, “id-DSA”) bħala avukat li kiseb it-titolu professjonali tiegħu fi Stat Membru ieħor. Fit-18 ta’ Ġunju 2015 il-Bord ta’ Amministrazzjoni tad-DSA ċaħad it-talba tiegħu. Din id-deċiżjoni kienet ibbażata fuq l-Artikolu 8(1) tad-Digriet Presidenzjali, li jipprovdi li r-regoli nazzjonali dwar l-inkompatibbiltà (b’mod partikolari, il-kwalità ta’ qassis jew patri) japplikaw ukoll għal avukati li jridu jipprattikaw fil-Greċja taħt it-titolu professjonali tal-Istat tal-oriġini tagħhom.

29.      Fid-29 ta’ Settembru 2015 Monachos Eirinaios appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

30.      Dik il-qorti tosserva li r-regoli tal-kondotta professjonali li japplikaw għall-avukati Griegi ma jippermettux li patrijiet jipprattikaw bħala avukati għal raġunijiet bħal dawk invokati mid-DSA, fosthom l-assenza ta’ garanziji li jirrigwardaw l-indipendenza tagħhom, dubji dwar il-kapaċità tagħhom li jiddedikaw ruħhom kompletament għall-funzjonijiet tagħhom u jekk humiex kapaċi jittrattaw każijiet kontenzjużi, ir-rekwiżit ta’ stabbiliment attwali (mhux fittizju) fiż-żona ġeografika tal-qorti tal-ewwel istanza rilevanti u l-obbligu li ma jipprovdux servizzi mingħajr ħlas. Jekk il-kamra tal-avukati rilevanti tkun marbuta tirreġistra patri skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 98/5 bil-għan li dan jeżerċita taħt it-titolu professjonali tal-oriġini tiegħu, hija imbagħad tkun marbuta li tiddeċiedi immedjatament li huwa kiser ir-regoli tal-kondotta professjonali stabbiliti mil-liġi nazzjonali, skont l-Artikolu 6 tagħha, għaliex dawn ir-regoli jipprekludu patrijiet milli jipprattikaw bħala avukati.

31.      Il-qorti tar-rinviju tirreferi wkoll għall-ġurisprudenza tagħha stess, li fiha ġie deċiż li d-dispożizzjoni tal-Kodiċi tal-Avukati fis-seħħ preċedentement li tipprekludi lill-membri tal-kleru milli jsiru avukati ma kinitx tmur kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza u l-libertà li tiġi eżerċitata professjoni jew okkupazzjoni. L-ewwel nett, l-interess pubbliku jeħtieġ li avukat ikun okkupat esklużivament fuq id-dmirijiet tiegħu u t-tieni nett, prattika bħala avukat tinvolvi trattament ta’ tilwim, li huwa inkompatibbli mal-istatus ta’ ministru reliġjuż (11). Il-qorti tar-rinviju ddeċidiet preċedentement ukoll li din id-dispożizzjoni ma tmurx kontra l-Artikolu 13 tal-Kostituzzjoni Griega, l-Artikolu 52 tat-Trattat KE (illum l-Artikolu 49 TFUE) (peress li l-fatti ta’ dak il-każ preċedenti kienu jirrigwardaw sitwazzjoni purament interna) u l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (12).

32.      F’dan l-isfond, il-qorti tar-rinviju titlob deċiżjoni preliminari dwar id-domanda li ġejja:

“L-Artikolu 3 tad-Direttiva 98/5/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li r-reġistrazzjoni ta’ patri tal-Knisja ta’ Greċja bħala avukat, mal-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru differenti minn dak fejn huwa kiseb il-kwalifika professjonali tiegħu, sabiex ikun jista’ jeżerċita hemmhekk il-professjoni ta’ avukat taħt it-titlu professjonali tal-oriġini tiegħu, tista’ tkun ipprojbita mil-leġiżlatur nazzjonali minħabba li patrijiet tal-Knisja tal-Greċja ma jistgħux, taħt il-liġi nazzjonali, jiddaħħlu fir-reġistri ta’ ordnijiet tal-avukati għaliex, minħabba dak l-istatus, ma jipprovdux ċerti garanziji neċessarji għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat?”

33.      Monachos Eirinaios, il-Gvern Grieg, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Waqt is-seduta tat-18 ta’ Settembru 2018, Monachos Eirinaios, id-DSA, il-Gvern Grieg u l-Kummissjoni għamlu t-trattazzjoni tagħhom.

 Evalwazzjoni

 Il-liġi applikabbli

34.      Diversi direttivi japplikaw għal aspetti differenti tas-sitwazzjoni ta’ avukat li jixtieq jipprattika fi Stat Membru ieħor. Għalhekk, id-Direttiva 2005/36 tirrigwarda r-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali, filwaqt li d-Direttiva tal-Kunsill 77/249/KEE tirrigwarda l-libertà li jiġu pprovduti servizzi (13). Id-Direttiva 2006/123/KE tirrigwarda firxa wiesgħa ta’ attivitajiet fis-suq intern, inkluż il-provvista ta’ pariri legali fil-kuntest kemm ta’ stabbiliment kif ukoll ta’ provvista ta’ servizzi (14). Id-Direttiva 98/5 tapplika għal avukati li jixtiequ jipprattikaw fuq bażi permanenti fl-Istat Membru ospitanti.

35.      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi rrileva li peress li d-Direttiva 98/5 ma tipprovdi ebda regoli dwar il-kondotta professjonali tal-avukati, jistgħu jittieħdu bħala gwida d-direttivi l-oħra li jistgħu japplikaw.

36.      Ma naqbilx ma din il-fehma.

37.      Id-Direttiva 77/249 tirrigwarda l-provvista ta’ servizzi minn avukati u mhux il-libertà ta’ stabbiliment (15). Madankollu, il-proċeduri quddiem il-qorti tar-rinviju jirrigwardaw ir-rifjut tal-kamra tal-avukati li tirreġistra avukat li kiseb il-kwalifiki professjonali tiegħu fi Stat Membru ieħor. Għalhekk, is-suġġett tad-domanda magħmula huwa l-istabbiliment ta’ avukat, li huwa rregolat mid-Direttiva 98/5, mhux il-libertà li jiġu pprovduti servizzi (16).

38.      Id-Direttiva 2005/36 tapplika għal avukati li jixtiequ jistabbilixxu ruħhom immedjatament taħt it-titolu professjonali tal-Istat Membru ospitanti. Hija ma tolqotx l-operat tad-Direttiva 98/5 (17) u ma hijiex rilevanti f’dan il-każ. Monachos Eirinaios qed jitlob reġistrazzjoni sabiex jeżerċita taħt it-titolu Ċiprijott tiegħu.

39.      Id-Direttiva 2006/123 tapplika għas-servizzi legali u tkopri mhux biss il-provvista ta’ servizzi iżda wkoll l-istabbiliment (18). Madankollu, l-Artikolu 25 ta’ din id-Direttiva, invokat mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, japplika biss f’dak li jirrigwarda l-eżerċizzju ta’ attivitajiet multidixxiplinari ekonomiċi. Peress li huwa persuna taħt dixxiplina monastika – l-“attività parallela” għal dik ta’ avukat ta’ Monachos Eirinaios – ma tidħolx f’dan il-kuntest.

40.      Is-sitwazzjoni ta’ Monachos Eirinaios taqa’ b’mod ċar fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 98/5. Huwa avukat li għandu titolu professjonali validu f’wieħed mill-Istati Membri (li għalhekk jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni personali tad-Direttiva 98/5 kif stabbilit fl-Artikolu 1(1) u (2) tagħha) li jixtieq jipprattika fuq bażi permanenti fi Stat Membru ieħor taħt it-titolu professjonali tal-Istat ta’ oriġini tiegħu (u għalhekk jissodisfa l-elementi transkonfinali u l-kamp ta’ applikazzjoni materjali tad-Direttiva 98/5, kif stabbilit fl-Artikolu 1(1) tagħha). Għaldaqstant, il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tar-regoli nazzjonali li jipprekludu r-reġistrazzjoni ta’ patrijiet bħala avukati taħt it-titolu professjonali tal-Istat ta’ oriġini tagħhom, għar-raġuni li ma jipprovdux ċerti garanziji neċessarji għal avukati, għandha tiġi evalwata abbażi ta’ din id-Direttiva.

 Rimarki preliminari dwar id-Direttiva 98/5

41.      L-għan tad-Direttiva 98/5 huwa li ttejjeb il-moviment liberu għall-avukati billi tiffaċilita l-eżerċizzju ta’ din il-professjoni fuq bażi permanenti fi Stat Membru differenti minn dak li fih inkisbet il-kwalifika professjonali (19). (Għall-finijiet ta’ konvenjenza, iktar ’il quddiem ser nirreferi għal dawn l-avukati bħala “avukati migranti”).

42.      Bil-għan li tippromwovi s-suq intern, id-Direttiva trid tagħti l-istess opportunitajiet lill-avukati u konsumaturi tas-servizzi legali fl-Istati Membri kollha. B’mod partikolari, hija trid tilħaq il-ħtiġijiet tal-konsumaturi tas-servizzi legali li, minħabba ż-żieda fil-kummerċ li tirriżulta mis-suq intern, ifittxu parir meta jwettqu tranżazzjonijiet transkonfinali fejn il-liġi internazzjonali, il-liġi tal-Unjoni u l-liġijiet domestiċi ħafna drabi jissovrapponu (20).

43.      Għalhekk, id-Direttiva għandha l-għan, inter alia, li ġġib fit-tmiem id-differenzi bejn ir-regoli nazzjonali dwar il-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti, li jwasslu għal inugwaljanzi u ostakli għall-moviment liberu (21). Ir-rikonoxximent reċiproku tat-titoli professjonali ta’ avukati migranti li jixtiequ jipprattikaw taħt it-titolu tal-Istat ta’ oriġini tagħhom huwa l-bażi sabiex jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva (22).

44.      Madankollu, filwaqt li d-Direttiva tirrigwarda d-dritt ta’ stabbiliment, hija la tirregola l-aċċess għall-professjoni ta’ avukat u lanqas l-eżerċizzju ta’ din il-professjoni taħt it-titolu professjonali tal-Istat Membru ospitanti (23).

45.      Filwaqt li ssegwi l-għanijiet tagħha, id-Direttiva trid iżżomm bilanċ bejn interessi differenti.

46.      L-ewwel nett, din tibbilanċja d-dritt “awtomatiku” tal-avukati migranti li jirreġistraw mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti mingħajr ebda kontroll minn qabel mill-Istat Membru ospitanti tal-kwalifiki professjonali tagħhom (Artikolu 3(2)) mal-bżonn li l-konsumaturi tas-servizzi legali jiġu informati bl-ispeċjalizzazzjoni ta’ dawn l-avukati – għalhekk, avukati migranti jistgħu jeżerċitaw biss taħt it-titolu professjonali tal-Istat ta’ oriġini tagħhom espress fil-lingwa tal-Istat Membru tal-oriġini (Artikolu 4(1)) (24).

47.      It-tieni nett, avukati migranti għandhom id-dritt li jagħtu parir dwar kwistjonijiet legali u li jirrappreżentaw u jiddefendu lill-klijenti tagħhom, jekk neċessarju flimkien ma’ avukat li jeżerċita quddiem l-awtorità ġudizzjarja rilevanti (Artikolu 5). Min-naħa l-oħra, dawn għandhom jirreġistraw mal-awtorità kompetenti fl-Istat Membru ospitanti u huma suġġetti għall-obbligi u regoli tal-kondotta professjonali ta’ dak l-Istat (Artikoli 3 u 6) (25).

48.      Barra minn hekk, minkejja li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 98/5 jarmonizza r-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfatti minn avukati li jixtiequ jsegwu l-attivitajiet professjonali tagħhom taħt it-titolu professjonali tal-Istat ta’ oriġini tagħhom, id-Direttiva (i) ma tistabbilixxi ebda regoli dwar sitwazzjonijiet purament domestiċi (premessa 7); (ii) hija mingħajr preġudizzju għall-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola l-aċċess għal u l-prattika tal-professjoni ta’ avukat taħt it-titolu professjonali tal-Istat Membru ospitanti (premessa 7); u (iii) tipprovdi li avukati għandhom jikkonformaw mar-regoli tal-kondotta professjonali fis-seħħ f’dak l-Istat (premessa 8 u Artikolu 6) (26).

49.      Fil-qasir, id-Direttiva 98/5 hija direttiva ibrida, li tindirizza l-libertà ta’ stabbiliment ta’ avukati migranti li jixtiequ jipprattikaw taħt it-titolu tal-Istat ta’ oriġini tagħhom billi tarmonizza ċerti aspetti filwaqt li tħalli lill-Istati Membri grad sostanzjali ta’ awtonomija f’aspetti oħra. Il-promozzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment hija bbilanċjata bil-bżonn li jiġi żgurat li l-konsumaturi jiġu protetti u li l-avukati migranti jwettqu d-dmirijiet professjonali tagħhom fl-Istat Membru ospitanti b’osservanza tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja. Għalhekk, jeżisti potenzjal intrinsiku ta’ tensjoni bejn aċċess għal prattika (Artikolu 3) u r-regoli li jirregolaw il-prattika (Artikolu 6).

 Id-domanda preliminari

50.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3 tad-Direttiva 98/5 għandux jiġi interpretat bħala li jippermetti regoli nazzjonali li jipprekludu lil patrijiet milli jiġu rreġistrati bħala avukati taħt it-titolu professjonali tal-Istat ta’ oriġini tagħhom, għar-raġuni li dawn ma jipprovdux ċerti garanziji neċessarji sabiex jeżerċitaw bħala avukati.

51.      Monachos Eirinaios u l-Kummissjoni jirrilevaw li skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 98/5 wettaq armonizzazzjoni kompluta tar-regoli rilevanti. Il-preżentazzjoni ta’ ċertifikat li jipprova r-reġistrazzjoni mal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-oriġini hija l-unika kundizzjoni li għaliha tista’ tkun suġġetta l-persuna kkonċernata fl-Istat Membru ospitanti (27). Il-fatt jekk din il-persuna tipprovdix id-diversi garanziji neċessarji sabiex tipprattika bħala avukat huwa kkontrollat mill-kamra tal-avukati rilevanti fi stadju ulterjuri tal-proċess.

52.      Il-Kummissjoni żżid li l-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 98/5 (li jirrigwarda l-proċeduri dixxiplinari f’każ li avukat li jipprattika taħt it-titolu professjonali tal-oriġini tiegħu jonqos milli jwettaq l-obbligi fis-seħħ fl-Istat Membru ospitanti) huwiex applikabbli għal Monachos Eirinaios tmur lil hinn mill-iskop ta’ dawn il-proċeduri, li jirrigwardaw biss id-dritt tiegħu li jiġi rreġistrat mad-DSA.

53.      Waqt is-seduta, id-DSA rrilevat li interpretazzjoni sistematika tal-Artikoli 3(2) u 6(1) tad-Direttiva 98/5 fid-dawl tal-premessi tagħha għandha twassal għall-konklużjoni li kamra tal-avukati tista’ tirrifjuta li tirreġistra avukat li jixtieq jipprattika taħt it-titolu professjonali tal-Istat ta’ oriġini tiegħu meta mid-dokumenti ppreżentati jkun evidenti li hemm impediment għal tali reġistrazzjoni taħt il-liġi nazzjonali.

54.      Il-Gvern Grieg jargumenta li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 98/5 għandu jinqara flimkien mal-Artikolu 6 tagħha. Meta patri jiġi rreġistrat mad-DSA taħt it-titolu professjonali tal-Istat ta’ oriġini tiegħu, huwa jkollu jiġi immedjatament imneħħi skont ir-regoli Griegi tal-kondotta professjonali. Dan ikun riżultat assurd. Il-Gvern Grieg jikkunsidra li patri ma għandux l-indipendenza neċessarja sabiex jipprattika bħala avukat.

55.      Il-Gvern Olandiż jirrileva li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 98/5 għandu jiġi interpretat bħala li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi patri milli jirreġistra u jipprattika bħala avukat taħt it-titolu professjonali tal-Istat ta’ oriġini tiegħu. L-Artikolu 6 tad-Direttiva ma jkoprix b’mod eżawrjenti r-regoli ta’ kondotta professjonali, li għalhekk għandhom jiġu eżaminati fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-liġi sekondarja, bħall-Artikolu 25(1)(a) tad-Direttiva 2006/123.

 Reġistrazzjoni taħt l-Artikolu 3 tad-Direttiva 98/5

56.      L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 98/5 jirrigwarda biss ir-reġistrazzjoni ta’ avukati migranti mal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti. Dan jipprovdi li dik l-awtorità “għandha tirreġistra lill-avukat” mal-preżentazzjoni taċ-ċertifikat rilevanti.

57.      Din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex ittemm id-differenzi fir-regoli nazzjonali dwar il-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti u għalhekk tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ rikonoxximent reċiproku tat-titoli professjonali ta’ avukati migranti (ara l-punt 43 iktar ’il fuq). Hija twettaq armonizzazzjoni kompluta tal-kundizzjonijiet preliminari meħtieġa għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ stabbiliment mogħti minn din id-Direttiva. Avukat li jixtieq jipprattika fuq bażi permanenti fi Stat Membru differenti minn dak li fih kiseb il-kwalifika professjonali tiegħu għandu l-obbligu li jirreġistra mal-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru. Din l-awtorità għandha twettaq din ir-reġistrazzjoni “mal-preżentazzjoni ta’ ċertifikat li jixhed ir-reġistrazzjoni tiegħu ma’ l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru li hu pajjiżu” (28).

58.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-unika kundizzjoni li għaliha tista’ tkun suġġetta r-reġistrazzjoni hija li l-persuna kkonċernata għandha tippreżenta dan iċ-ċertifikat lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti. Sussegwentement, ir-reġistrazzjoni mill-Istat Membru ospitanti tkun obbligatorja, biex b’hekk il-persuna kkonċernata tkun tista’ tipprattika fih taħt it-titolu professjonali tal-Istat ta’ oriġini tagħha (29). Din l-analiżi hija kkonfermata mill-Proposta tal-Kummissjoni li, fil-kummenti tagħha dwar l-Artikolu 3, tiddikjara li “r-reġistrazzjoni hija dritt awtomatiku meta l-applikant jipprovdi prova tar-reġistrazzjoni tiegħu mal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-oriġini tiegħu” (enfasi miżjud). Ir-reġistrazzjoni tqiegħed lill-avukat migranti fil-limitu tal-prattika fl-Istat Membru ospitanti.

59.      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat li ċittadini Taljani, li wara li kisbu diploma universitarja fid-dritt fl-Italja, kisbu diploma universitarja oħra fid-dritt fi Spanja u kienu rreġistrati bħala avukati f’dak l-Istat Membru, għandhom jitqiesu li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha meħtieġa għar-reġistrazzjoni tagħhom mal-kamra tal-avukati Taljana mal-preżentazzjoni ta’ ċertifikat tar-reġistrazzjoni tagħhom fi Spanja (30).

60.      Fuq l-istess linja, fil-kawża Wilson il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ħtieġa li avukati li jipprattikaw taħt it-titolu professjonali tal-oriġini tagħhom għandhom jipparteċipaw fis-smigħ sabiex il-Kamra tal-Avukati tkun tista’ tivverifika jekk għandhomx għarfien tajjeb tal-lingwi amministrattivi u ġudizzjarji tal-Istat Membru ospitanti, tmur kontra d-Direttiva 98/5 (31).

61.      Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-Istati Membri ma għandhom ebda diskrezzjoni sabiex jintroduċu rekwiżiti addizzjonali għar-reġistrazzjoni ta’ avukati migranti taħt it-titolu professjonali tal-Istat ta’ oriġini tagħhom.

62.      Għalhekk, minn naħa, ir-risposta għad-domanda tal-qorti tar-rinviju hija ċara. L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 98/5 jipprekludi l-introduzzjoni ta’ kundizzjoni addizzjonali – bħal pereżempju li tipprojbixxi lil patri – għar-reġistrazzjoni taħt it-titolu professjonali tal-Istat ta’ oriġini ta’ avukat.

63.      Din il-konklużjoni tiddgħajjef bl-interazzjoni bejn l-Artikolu 3 u l-Artikolu 6 tad-Direttiva 98/5 u bl-eżistenza ta’ regoli nazzjonali li jipprovdu li avukati li huma (jew li jsiru) patrijiet għandhom jitneħħew immedjatament mir-reġistru tal-avukati jew li jimponu ċertu obbligi bħar-rekwiżit li jkollhom sede jew uffiċċju fiż-żona ġeografika tal-qorti tal-ewwel istanza fejn il-persuna kkonċernata tiġi appuntata bħala avukat jew tirċievi ħlas għas-servizzi tagħha?

64.      Mill-informazzjoni ppreżentata lill-Qorti tal-Ġustizzja jidher li d-dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali li tipprojbixxi lill-patrijiet milli jsiru avukati hija introdotta mill-ġdid bħala projbizzjoni li tkun patri u tipprattika bħala avukat (32). Jekk dan huwiex verament il-każ, bħala qari korrett tal-liġi nazzjonali, huwa kwistjoni li għandha tiġi vverifikata mill-qorti nazzjonali. Regoli nazzjonali oħra invokati mid-DSA u mill-Gvern Grieg jinkludu l-obbligi li jkun indipendenti, li wieħed jiddedika ruħu esklużivament għad-dmirijiet professjonali tiegħu u li jkollu sede u uffiċċju fiż-żona ġeografika tal-qorti tal-ewwel istanza fejn wieħed jiġi appuntat bħala avukat, u l-projbizzjoni li jipprovdi servizzi mingħajr ħlas. L-argument magħmul huwa essenzjalment li peress li xi ħadd li huwa patri “ser” jikser ir-regoli ta’ kondotta professjonali, isegwi li dan ma għandux jiġi rreġistrat bħala avukat fl-ewwel lok.

65.      Huwa importanti li din il-parti tal-analiżi tibda billi jitfakkar x’inhi (u iktar importanti, x’ma hijiex) il-kwistjoni f’dan il-każ. Dawn il-proċeduri jirrigwardaw avukat migranti li jixtieq jistabbilixxi ruħu u jipprattika taħt it-titolu professjonali tal-Istat ta’ oriġini tiegħu. Huma ma jirrigwardawx id-dritt tal-Greċja, jew kull Stat Membru ieħor, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom persuna tista’ tikkwalifika bħala avukat taħt ir-regoli tiegħu stess u tipprattika taħt it-titolu professjonali tiegħu stess.

66.      L-Artikolu 6 tad-Direttiva 98/5 jippermetti li Stat Membru jipprekludi persuna li tikkwalifika għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 3 ta’ din id-Direttiva milli tipprattika fih bħala avukat taħt it-titolu tal-Istat ta’ oriġini tagħha għar-raġuni li, bħala persuna taħt dixxiplina reliġjuża, hija ma tistax fil-prinċipju taġixxi bil-mod meħtieġ sabiex tipprovdi l-garanziji neċessarji għal prattika bħala avukat?

67.      Issa, inqis li għandha ssir distinzjoni analitika minn naħa bejn ir-regola speċifika li tipprovdi li qassis jew patri ma jistax ikun avukat, u min-naħa l-oħra d-diversi regoli individwali ta’ kondotta professjonali invokati mid-DSA (pereżempju, li jirrigwardaw li wieħed jiddedika ruħu esklużivament għad-dmirijiet tiegħu bħala avukat, jew li jkollu sede u uffiċċju fiż-żona ġeografika partikolari).

68.      Ma naċċettax li din l-ewwel regola tista’ tiġi kklassifikata bħala regola ta’ kondotta professjonali li taqa’ fil-kompetenza tal-Istat Membru ospitanti skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 98/5. Jidhirli li analiżi mill-qrib ta’ tali regola turi li din hija regola li tiddikjara li persuni b’karatteristiċi partikolari ma għandhomx jitħallew jipprattikaw. Il-preżunzjoni impliċita hija li peress li persuna A għandha dawn il-karatteristiċi, ladarba tibda tipprattika hija ser taġixxi neċessarjament b’mod speċifiku li huwa inaċċettabbli skont il-kodiċi deontoloġiku. Iżda din hija preżunzjoni; u regoli ta’ kondotta professjonali huma intiżi sabiex jirregolaw kondotta effettiva, mhux aġir preżunt futur. Jekk wieħed jissostitwixxi “persuni b’xagħarhom aħmar” minflok “patri” fl-eżempju li għadni kif tajt, joħroġ mill-ewwel b’mod ċar għalfejn din ir-regola ma hijiex, fil-veru sens, regola ta’ kondotta professjonali.

69.      Inżid li sa fejn nista’ nara, fir-realtà regola bħal din tista’, barra minn hekk, iċċaħħad lill-persuna ppreġudikata mill-garanziji proċedurali mogħtija mill-Artikoli 7 u 9 tad-Direttiva 98/5. Jekk jiġi preżunt li persuna bix-xagħar aħmar (pereżempju) ser tikser awtomatikament il-kunfidenzjalità tal-klijent u għalhekk tiġi ddixxiplinata minn qabel billi titneħħa mir-reġistru tal-avukati qabel ma tibda tipprattika, kif jistgħu l-proċedura bilaterali skont l-Artikolu 7 bejn l-Istat Membru ospitanti u l-Istat Membru tal-oriġini jew id-dritt għal rimedju ġudizzjarju skont l-Artikolu 9 jagħtu protezzjoni effettiva?

70.      Peress li l-Artikolu 6 tad-Direttiva 98/5 ikopri biss regoli ta’ kondotta professjonali, isegwi li regola nazzjonali li timponi projbizzjoni assoluta fuq patri li jipprattika bħala avukat ma tistax tapplika għal avukat migranti li jikkwalifika għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 3 u li jixtieq jipprattika taħt it-titolu tal-oriġini tiegħu.

71.      Japplika l-istess għat-tieni kategorija ta’ regoli identifikati iktar ’il fuq?

72.      Mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 98/5 jirriżulta b’mod ċar li avukati li jipprattikaw taħt it-titolu professjonali tal-Istat ta’ oriġini tagħhom fi Stat Membru ospitanti huma suġġetti għall-istess regoli ta’ kondotta professjonali bħall-avukati li jipprattikaw taħt it-titolu professjonali ta’ dan l-Istat (33). Għalhekk, mill-Artikoli 6 u 7 ta’ din id-Direttiva jirriżulta li dawn l-avukati għandhom jikkonformaw ma’ żewġ settijiet ta’ regoli ta’ kondotta professjonali: ir-regoli tal-Istat Membru tal-oriġini tagħhom u dawk tal-Istat Membru ospitanti. Jekk jonqsu milli jagħmlu dan, huma jiġu imposti sanzjonijiet dixxiplinari u jistgħu jkunu responsabbli professjonalment (34).

73.      Għalhekk, jidhirli li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti ma jistgħux jippreżumu minn qabel li peress li l-persuna kkonċernata tinsab taħt dixxiplina reliġjuża (jew, jista’ jkun il-każ, atea jew membru ta’ grupp politiku jew filosofiku partikolari), hija (jew huwa) ser taġixxi awtomatikament u inevitabbilment b’mod li jikser ir-regoli dixxiplinari tal-avukati f’dak l-Istat Membru. Għall-kuntrarju, dawn għandhom jistennew u jaraw kif il-persuna kkonċernata taġixxi effettivament fil-prattika. Wara kollox, dan huwa dak li r-regoli ta’ kondotta professjonali huma intiżi li jirregolaw.

74.      Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Jakubowska, kuntrarjament għar-regoli li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet preliminari meħtieġa għar-reġistrazzjoni, ir-regoli ta’ kondotta professjonali ma humiex armonizzati u jistgħu għalhekk ikunu kunsiderevolment diverġenti minn dawk fis-seħħ fl-Istat Membru tal-oriġini. In-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn ir-regoli jista’ jwassal għat-tneħħija ta’ avukat mir-reġistru tal-Istat Membru ospitanti (35). Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll li n-nuqqas ta’ kunflitt ta’ interess huwa indispensabbli għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ avukat u jimplika, b’mod partikolari, li avukat ikun f’sitwazzjoni ta’ indipendenza fil-konfront tal-awtoritajiet pubbliċi u tal-operaturi l-oħra, li ma għandu qatt ikun influwenzat minnhom. Għalhekk, il-fatt li regoli speċifiċi ta’ kondotta professjonali huma stretti ma jistax ikun ikkritikat fih innifsu. Madankollu, minbarra li jiġu applikati mingħajr distinzjoni lill-avukati kollha rreġistrati f’dan l-Istat Membru, dawn ir-regoli ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jilħqu l-għan tagħhom (36).

75.      Fit-twettiq tal-evalwazzjoni neċessarja, għandhom qabel kollox jiġu identifikati l-għanijiet li trid tilħaq il-leġiżlazzjoni nazzjonali (37). Il-qorti tar-rinviju ssuġġerixxiet li r-raġuni għall-projbizzjoni ta’ patrijiet milli jaġixxu bħala avukati hija li l-interess pubbliku jeħtieġ li avukat jiddedika ruħu esklużivament għad-dmirijiet tiegħu, flimkien mal-fatt li l-prattika ta’ avukat tinvolvi t-trattament ta’ tilwim, li huwa inkompatibbli mal-istatus ta’ ministru reliġjuż. Bl-istess mod, il-qorti tar-rinviju ssemmi r-rekwiżit ta’ indipendenza professjonali u l-libertà li jiġu trattati każijiet. Ġew invokati regoli ta’ kondotta professjonali anċillari speċifiċi li allegatament patri ma jistax josserva, li jinkludu l-obbligu li jkollu sede u uffiċċju fiż-żona ġeografika tal-qorti tal-ewwel istanza fejn il-persuna kkonċernata tiġi appuntata bħala avukat u l-projbizzjoni li jiġu pprovduti servizzi mingħajr ħlas.

76.      Ir-raġunament magħmul donnu jgħaqqad dawk li verament jistgħu jissejħu “għanijiet” (u saħansitra għanijiet ta’ min ifaħħarhom) – li jipproteġu l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u jiżguraw li l-klijent ikollu aċċess għal parir imparzjali u rappreżentazzjoni professjonali xierqa – mal-preżunzjoni li persuna taħt dixxiplina reliġjuża “ovvjament” ma hijiex ser tkun tista’ taġixxi b’mod kompatibbli ma’ dawn l-għanijiet. Fir-rigward ta’ fatti speċifiċi tal-kondotta professjonali ta’ avukat partikolari, din il-preżunzjoni tista’ tkun korretta. Madankollu, hija tista’ wkoll tkun żbaljata. Dan jista’ jintwera l-aħjar b’żewġ eżempji (immaġinarji).

77.      Patri X jeżerċita l-prattika professjonali ta’ avukat bħala attività minuri, anċillari intellettwali sabiex tikkomplementa l-ħajja reliġjuża tiegħu. Huwa jirrifjuta sikwit li jittratta każijiet għal nies “ħżiena”; il-parir legali tiegħu dejjem jagħtih b’mod li josserva dak li huwa jikkunsidra moralment li l-klijent tiegħu għandu jagħmel sabiex josserva t-tagħlim reliġjuż tal-Knisja; u ma huwiex disponibbli fuq bażi regolari fiż-żona ġeografika li fiha huwa appuntat bħala avukat. Il-kondotta tiegħu fil-prattika tmur b’mod ċar kontra r-regoli dettaljati ta’ kondotta professjonali fl-Istat Membru ospitanti u tippreġudika l-għanijiet ta’ interess pubbliku ta’ dawn ir-regoli. Huwa ċar li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti jistgħu (u għandhom) jibdew proċeduri dixxiplinari kontra Patri X. Abbażi tal-fatti li semmejt, ir-riżultat ta’ dawn il-proċeduri ser ikun li jitneħħa mir-reġistru tal-Istat Membru ospitanti. (Inżid li huwa jista’ wkoll ikollu problema skont ir-regoli dixxiplinari tal-Istat Membru tal-oriġini tiegħu). Madankollu, dan kollu għandu jseħħ b’osservanza tas-smigħ xieraq, u Patri X għandu jkollu rimedju ġudizzjarju sabiex jikkontesta d-deċiżjoni ta’ tneħħija tiegħu mir-reġistru.

78.      Patri Y jiddiskuti mar-reliġjużi superjuri tiegħu r-rekwiżiti professjonali li għalihom huwa ser ikun suġġett jekk jibda jipprattika ta’ avukat. Flimkien, huma jeżaminaw ir-regoli applikabbli waħda waħda. Huwa jirċievi d-dispensa neċessarja biex ikollu sede u uffiċċju xieraq fiż-żona ġeografika li fiha huwa jiġi appuntat. Ikun hemm ftehim li huwa ser jżomm tariffi normali għas-servizzi tiegħu u jgħaddihom lill-karità magħżula. Huwa jiġi eżentat mill-attendenza formali għat-talb fil-komunità matul il-ġurnata tax-xogħol sabiex ikun jista’ jiddedika ruħu esklużivament għad-dmirijiet tiegħu ta’ avukat. Is-superjuri reliġjużi tiegħu jaqblu li jirrispettaw l-indipendenza professjonali tiegħu. Abbażi ta’ dan, Patri Y jibda jipprattika bħala avukat, u l-kondotta tiegħu bħala avukat hija inkontestabbli. Abbażi tal-fatti li semmejt, ikun oġġettivament mhux iġġustifikat li jinbdew proċeduri dixxiplinari kontra tiegħu, u iktar u iktar li jitneħħa mir-reġistru. Minkejja li huwa patri, huwa qed josserva r-regoli rilevanti ta’ kondotta professjonali.

79.      Għażilt li nagħti dawn l-eżempji immaġinarji apposta. Ma huwiex parti mill-funzjoni ta’ din il-Qorti tal-Ġustizzja li taqta’ x’ser jiġri kif jew meta Monachos Eirinaios jibda l-prattika. L-unika konklużjoni li nasal għaliha hawnhekk – u nissuġġerixxi b’rispett, li l-uniku aspett tal-istorja li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tindirizza fir-risposta għad-domanda tar-rinviju – hija li l-Artikolu 6 tad-Direttiva 98/5 ma jippermettix li Stat Membru jipprekludi awtomatikament lil persuna li tikkwalifika għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 3 milli tipprattika fih bħala avukat taħt it-titolu tal-oriġini tagħha għar-raġuni li, bħala persuna taħt dixxiplina reliġjuża, hija ma tistax fil-prinċipju taġixxi bil-mod meħtieġ sabiex tipprovdi l-garanziji neċessarji għall-prattika ta’ avukat.

 Konklużjoni

80.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari magħmula mis-Symvoulio Epikrateias (il-Kunsill tal-Istat, il-Greċja):

–        L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 98/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 1998 sabiex tkun iffaċilitata l-prattika tal-professjoni ta’ avukat fuq bażi permanenti fl-Istati Membri minbarra dak fejn kienet miksuba l-kwalifikazzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni ta’ regola nazzjonali li tipprojbixxi lil persuna milli tiġi rreġistrata bħala avukat taħt it-titolu professjonali tal-Istat ta’ oriġini tagħha għar-raġuni li huwa patri. L-Artikolu 6 tagħha ma jippermettix li Stat Membru jipprekludi awtomatikament lil persuna li tikkwalifika għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 3 milli tipprattika fih bħala avukat taħt it-titolu tal-Istat ta’ oriġini tagħha, għar-raġuni li, bħala persuna taħt dixxiplina reliġjuża, hija ma tistax fil-prinċipju taġixxi bil-mod meħtieġ sabiex tipprovdi l-garanziji neċessarji għall-prattika bħala avukat.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      “Οὐδεὶς δύναται δυσὶ κυρίοις δουλεύειν· ἢ γὰρ τòν ἕνα μισήσει καὶ τòν ἕτερον ἀγαπήσει, ἢ ἑνòς ἀνθέξεται καὶ τοῦ ἑτέρου καταφρονήσει. Οὐ δύνασθε Θεῷ δουλεύειν καὶ μαμωνᾷ”, Mattew, 6:24.


3      Luqa, 10:25-37.


4      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 sabiex tkun iffaċilitata l-prattika tal-professjoni ta’ avukat fuq bażi permanenti fl-Istati Membri minbarra dak fejn kienet miksuba l-kwalifikazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 83), emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kunsill 2013/25/UE tat-13 ta’ Mejju 2013 li tadatta ċerti direttivi fil-qasam tad-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, minħabba l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja (ĠU 2013 L 158, p. 368).


5      It-traduzzjoni normali ta’ “Monachos Eirinaios” bl-Ingliż, li hija l-lingwa oriġinali ta’ dawn il-konklużjonijiet, hija “Brother Eirinaios”. Madankollu, ser tinżamm il-kelma “Monachos” (patri) sabiex jiġu evitati perċezzjonijiet u konnotazzjonijiet differenti li jistgħu jakkumpanjaw id-diversi verżjonijiet lingwistiċi.


6      Direttiva tal-Kunsill 89/48/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1998 dwar sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta’ diplomi ta’ edukazzjoni ogħla mogħtija mal-kompletar ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali ta’ mill-inqas tliet snin (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 5, Vol. 1, p. 337), imħassra bid-Direttiva 2005/36 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (ĠU 2005 L 255, p. 22).


7      Artikolu 5.


8      Artikolu 7(1)(a) u (c) rispettivament.


9      Artikolu 7(2).


10      Il-qorti tar-rinviju tiddeskrivi lil Monachos Eirinaios bħala patri fil-Monasteru Sagru ta’ Petra, li jinsab f’Karditsa. Madankollu, waqt is-seduta l-avukat ta’ Monachos Eirinaios indika li fil-preżent huwa jinsab ibbażat fuq il-gżira ta’ Zakynthos.


11      Qorti tar-rinviju (seduta plenarja), sentenza Nru 2368/1988.


12      Qorti tar-rinviju, sentenza Nru 1090/1989.


13      Id-Direttiva tal-Kunsill tat-22 ta’ Marzu 1977 biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju effettiv tal-libertà biex jiġu pprovduti servizzi minn avukati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 52), kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kunsill 2013/25/UE tat-13 ta’ Mejju 2013 li tadatta ċerti direttivi fil-qasam tad-dritt ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, minħabba l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja (ĠU 2013 L 158, p. 368).


14      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006 L 376, p. 36), premessa 33 u l-Artikolu 1(1).


15      It-tieni premessa u l-Artikolu 1 tad-Direttiva 77/249.


16      Ara l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 98/5. Ara wkoll f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2010, Jakubowska, C‑225/09, EU:C:2010:729.


17      Il-premessa 42 tad-Direttiva 2005/36. Fis-sentenza tat-3 ta’ Frar 2011, Ebert, C‑359/09, EU:C:2011:44 (kawża li tirrigwarda d-Direttiva 89/48 li tħassret bid-Direttiva 2005/36, u d-Direttiva 98/5) il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dawn iż-żewġ direttivi jikkomplementaw lil xulxin billi jistabbilixxu, għal avukati mill-Istati Membri, żewġ mezzi ta’ aċċess għall-professjoni ta’ avukat fi Stat Membru ospitanti taħt it-titolu professjonali ta’ dak l-Istat: ara l-punti 27 sa 35.


18      Il-premessa 33 u l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2006/123.


19      Il-premessi 1 u 5 u l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 98/5. Ara wkoll il-Proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill sabiex tkun iffaċilitata l-prattika tal-professjoni ta’ avukat fuq bażi permanenti fl-Istati Membri minbarra dak fejn kienet miksuba l-kwalifikazzjoni COM(94) 572 finali (iktar ’il quddiem “il-Proposta tal-Kummissjoni”), punt 1.3.


20      Il-premessi 1, 5 u 6.


21      Il-premessa 6 tad-Direttiva 98/5 u s-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2014, Torresi, C‑58/13 u C‑59/13, EU:C:2014:2088, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata.


22      Ara f’dan ir-rigward, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2014, Torresi, C‑58/13 u C‑59/13, EU:C:2014:2088, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata.


23      Sentenza tas-17 ta’ Lulju 2014, Torresi, C‑58/13 u C‑59/13, EU:C:2014:2088, punt 56.


24      Il-premessa 9. Ara f’dan ir-rigward, is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2000, Il-Lussemburgu vs Il-Parlament u l-Kunsill, C‑168/98, EU:C:2000:598, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet “li bil-għan li jagħmilha iktar faċli għal klassi partikolari ta’ avukati migranti sabiex jeżerċitaw il-libertà fundamentali ta’ stabbiliment, il-leġiżlatur tal-Komunità għażel, minflok sistema ta’ ttestjar a priori tal-kwalifika fil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti, pjan ta’ azzjoni li jgħaqqad l-informazzjoni tal-konsumatur, restrizzjonijiet fuq sa fejn jew regoli dettaljati li taħthom ċerti attivitajiet tal-professjoni jistgħu jiġu eżerċitati, numru ta’ regoli tal-kondotta professjonali applikabbli, assigurazzjoni obbligatorja, kif ukoll sistema ta’ dixxiplina li tinvolvi kemm lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-oriġini u tal-Istat ospitanti. Il-leġiżlatur ma ħassarx ir-rekwiżit li l-avukat ikkonċernat għandu jkun jaf il-liġi nazzjonali applikabbli għall-każijiet li huwa jittratta, iżda sempliċement neħħiet l-obbligu tiegħu li l-għarfien tagħha minn qabel” (punt 43) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Inżid ngħid li peress li t-titolu professjonali ta’ avukat bi kwalifika Griega u ta’ avukat bi kwalifika Ċiprijotta huwa l-istess (‘Δικηγόρος’), fil-fehma tiegħi d-DSA tkun iġġustifikata li teżiġi lil Monachos Eirinaios jindika li ma għandux kwalifika Griega – possibbilment billi juża ‘(Κύπρος)’ wara t-titolu tiegħu. Ara l-punti 8 u 9 iktar ’il fuq.


25      Ara l-punt 2 tal-Proposta tal-Kummissjoni.


26      Ara wkoll il-punt 3.3 tal-Proposta tal-Kummissjoni, li jenfasizza li l-proposta hija limitata għall-istabbiliment ta’ rekwiżiti minimi li għandhom jissodisfaw avukati migranti. Mill-bqija, hija tirreferi b’mod partikolari għar-regoli tal-kondotta professjonali applikabbli fl-Istat Membru ospitanti għal avukati li jeżerċitaw taħt it-titolu professjonali ta’ dak l-Istat.


27      Sentenza tad-19 ta’ Settembru 2006, Wilson, C‑506/04, EU:C:2006:587, punti 66 u 67.


28      Sentenza tas-17 ta’ Lulju 2014, Torresi, C‑58/13 u C‑59/13, EU:C:2014:2088, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata.


29      Sentenza tas-17 ta’ Lulju 2014, Torresi, C‑58/13 u C‑59/13, EU:C:2014:2088, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata.


30      Sentenza tas-17 ta’ Lulju 2014, Torresi, C‑58/13 u C‑59/13, EU:C:2014:2088, punti 9 u 40.


31      Sentenza tad-19 ta’ Settembru 2006, C‑506/04, EU:C:2006:587, punt 77. Ara wkoll is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C‑193/05, EU:C:2006:588, punt 40.


32      L-Artikolu 7(1)(a) tal-Kodiċi tal-Avukati, ara l-punt 22 iktar ’il fuq.


33      Sentenza tat-3 ta’ Frar 2011, Ebert, C‑359/09, EU:C:2011:44, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata.


34      Sentenza tad-19 ta’ Settembru 2006, Wilson, C‑506/04, EU:C:2006:587, punt 74.


35      Sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2010, C‑225/09, EU:C:2010:729, punt 57.


36      Sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2010, Jakubowska, C‑225/09, EU:C:2010:729, punti 59 sa 62.


37      Ara f’dan ir-rigward, u b’analoġija biss, is-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 1999, Zenatti, C‑67/98, EU:C:1999:514, punti 26 u 30.