Language of document : ECLI:EU:F:2009:162

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

30 ta’ Novembru 2009

Kawża F-3/09

Roberto Ridolfi

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Uffiċjali assenjati f’pajjiż terz – Allowance tal-edukazzjoni miżjuda – Assenjazzjoni mill-ġdid fis-sede tal-istituzzjoni – Taħriġ mill-ġdid – Perijodu ta’ assenjazzjoni normali – Artikoli 3 u 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal”

Suġġett: Rikors, ippreżentat taħt l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu R. Ridolfi jitlob l-annullament, b’mod partikolari, minn naħa, tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-5 ta’ Marzu 2008, li tirrifjuta li tirrikonoxxilu, b’effett mill-24 ta’ Ottubru 2007, id-data tal-assenjazzjoni mill-ġdid tiegħu fis-sede tal-istituzzjoni wara perijodu ta’ servizz f’pajjiż terz, il-benefiċċju tat-“taħriġ mill-ġdid” previst fl-Artikolu 3 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej, u, min-naħa l-oħra, tan-nota tal-Kummissjoni, tat-12 ta’ Diċembru 2008, intiża għall-irkupru taż-żieda tal-allowance tal-edukazzjoni mogħtija lir-rikorrent skont l-Artikolu 15 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, għall-perijodu bejn l-24 ta’ Ottubru 2007 u l-31 ta’ Diċembru 2007.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. R. Ridolfi huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Assenjazzjoni – Trasferiment

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 7(1)

2.      Uffiċjali – Ugwaljanza fit-trattament – Benefiċċji mogħtija fil-każ ta’ assenjazzjoni mill-ġdid fis-sede tal-Kummissjoni wara perijodu sħiħ ta’ assenjazzjoni normali f’pajjiż terz

(Regolamenti tal-Persunal, Anness X, Articoli 3 u 15)

1.      Trasferiment fl-interess tas-servizz ma jeskludix il-possibbiltà li l-awtoritajiet kompetenti jieħdu inkunsiderazzjoni xewqat personali tal-partijiet ikkonċernati, b’mod partikolari sabiex dawn ikunu jistgħu jegħlbu d-diffikultajiet personali tagħhom. Sa fejn il-prestazzjoni ta’ kull uffiċjal tiddependi mill-iżvilupp personali tiegħu u skont id-dmir ta’ premura tal-Komunitajiet Ewropej lejn l-uffiċjali tagħhom, l-interess tas-servizz jimplika neċessarjament it-teħid inkunsiderazzjoni tal-problemi personali invokati mill-uffiċjali. Il-fatt li uffiċjal, li jkun ibbenefika minn assenjazzjoni mill-ġdid fuq talba espressa tiegħu u għal raġunijiet ta’ natura personali, jitħalla jinjora dan il-fatt u jattribwixxi l-assenjazzjoni mill-ġdid tiegħu biss għall-ħtiġijiet tas-servizz, iwassal għad-dissoċjazzjoni żbaljata tal-interess tas-servizz u s-sitwazzjoni personali tal-uffiċjal, peress li dawn iż-żewġ elementi huma marbuta b’mod li ma jinfirdux minn xulxin.

(ara l-punt 47)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja 9 ta’ Novembru 1978, Verhaaf vs Il‑Kummissjoni, 140/77, Ġabra. p. 2117, punti 11 u 12

2.      Il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jipprekludi b’mod partikolari li sitwazzjonijiet komparabbli jiġu ttrattati b’mod differenti jew li sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati bl-istess mod, sakemm tali trattamenti, differenti jew ugwali, skont il-każ, ma jkunux oġġettivament iġġustifikati. L-istess jingħad fir-rigward tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, li huwa biss l-espressjoni speċifika tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament u jikkostitwixxi, flimkien ma’ dan tal-aħħar, wieħed mid-drittijiet fundamentali tad-dritt Komunitarju li tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura l-osservanza. Il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi, min-naħa tiegħu, li l-atti tal-istituzzjonijiet Komunitajri ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex.

Madankollu, ladarba huwa fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu li l-leġiżlatur Komunitarju ddeċieda li jistabbilixxi l-benefiċċju tat-“taħriġ mill-ġdid”, jiġifieri l-assenjazzjoni mill-ġdid temporanja, flimkien mal-impjieg tiegħu, ta’ uffiċjal assenjat f’pajjiż terz għas-sede tal-Kummissjoni jew għal xi post ieħor ta’ impjieg fil-Komunità, huwa għandu, għal raġuni ikbar, setgħa diskrezzjonali wiesgħa fid-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet u tal-modalitajiet ta’ tali benefiċċju. Konsegwentement, il-prinċipji hawn fuq imsemmija għandhom jiġu interpretati fid-dawl ta’ din is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa, filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni n-neċessità li l-għażliet tal-leġiżlatur fil-qasam tal-politika tal-persunal jiġu impelementati.

F’qasam bħal dan, il-Qorti Komunitarja għandha tillimita ruħha għall-verifika ta’ jekk, fir-rigward tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif ukoll ta’ dak ta’ nondiskriminazzjoni, l-istituzzjoni kkonċernata tkunx wettqet differenzazzjoni arbitrarja jew manifestament mhux xierqa fid-dawl tal-għan imfittex u, fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jekk il-miżura adottata għandhiex natura manifestament mhux xierqa fid-dawl tal-għan imfittex.

Issa, fid-dawl tal-inkonvenjenzi u r-restrizzjonijiet, ta’ natura personali jew familjari, li l-assenjazzjoni f’pajjiż terz jista’ jkollha għall-uffiċjali, ma jistax jiġi sostnut li s-sitwazzjoni tal-uffiċjali li jagħmlu perijodu sħiħ ta’ assenjazzjoni normali f’pajjiż terz hija komparabbli għal dik tal-uffiċjali li jitilqu mill-pajjiż terz qabel tmiem tali perijodu, b’mod partikolari jekk dawn jitilqu mill-pajjiż terz fuq talba tagħhom. L-istess jingħad jekk wieħed jeżamina u jevalwa s-sitwazzjoni tal-uffiċjali billi jieħu inkunsiderazzjoni l-ħtiġijiet tas-servizz pubbliku Komunitarju, b’mod partikolari l-ħtiġijiet tat-tul u tal-kontinwazzjoni tas-servizz, kif ukoll tar-rekwiżiti mandatorji finanzjarji; għandu jiġi aċċettat li tali ħtiġijiet jiġu sodisfatti aħjar meta l-uffiċjal jagħmel perijodu sħiħ ta’ assenjazzjoni normali f’pajjiż terz milli meta jitlaq qabel.

Għalhekk, peress li s-sitwazzjoni tal-uffiċjali li jagħmlu perijodu sħiħ ta’ assenjazzjoni normali f’pajjiż terz ma hijiex komparabbli għal dik tal-uffiċjali li ma jagħmlux tali perijodu, jirriżulta li, fin-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva għall-kuntrarju, id-differenzazzjoni bejn dawn iż-żewġ kategoriji ta’ uffiċjali ma hijiex biss iġġustifikata, iżda hija wkoll meħtieġa.

F’dan il-kuntest, il-leġiżlatur Komunitarju huwa liberu li jirriżerva ċerti benefiċċji għall-uffiċjali li jagħmlu perijodu sħiħ ta’ assenjazzjoni normali f’pajjiż terz u huwa liberu wkoll, bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jiddetermina dawn il-benefiċċji, kif għamel meta stabbilixxa l-istadji ta’ “taħriġ mill-ġdid” u l-kontinwazzjoni tal-ħlas tal-allowance tal-edukazzjoni miżjuda. Ladarba l-uffiċjal assenjat mill-ġdid fis-sede mingħajr il-benefiċċju tat-“taħriġ mill-ġdid” jitlef biss iż-żieda tal-allowance tal-edukazzjoni mogħtija lill-uffiċjali assenjati mill-ġdid bil-benefiċċju tat-“taħriġ mill-ġdid” u mhux id-dritt għall-allowance tal-edukazzjoni, din id-differenzazzjoni ma hija bl-ebda mod sproporzjonata fid-dawl tal-għan tagħha.

(ara l-punti 50, 51 u 53 sa 57)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 20 ta’ Frar 1979, Buitoni, 122/78, Ġabra p. 677, punti 16 u 20; 23 ta’ Frar 1983, Fromançais, 66/82, Ġabra p. 395, punt 8; 17 ta’ Mejju 1984, Denkavit Nederland, 15/83, Ġabra p. 2171, punt  25; 11 ta’ Marzu 1987, Rau Lebensmittelwerke et vs Il-Kummissjoni, 279/84, 280/84, 285/84 u 286/84, Ġabra p. 1069, punt 34; 11 ta’ Lulju 1989, Schräder HS Kraftfutter, 265/87, Ġabra p. 2237, punt  22; 26 ta’ Ġunju 1990, Zardi, C‑8/89, Ġabra p. I‑2515, punt 10; 5 ta’ Mejju 1998, National Farmers’ Union et, C‑157/96, Ġabra p. I‑2211, punt 60;

Il-Qorti tal-Prim’Istanza 30 ta’ Settembru 1998, Losch vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑13/97, ĠabraSP p. I‑A‑543 u II‑1633, punti 113, 121 u 122; 30 ta’ Settembru 1998, Busacca et vs Il-Qorti tal-Awdituri, T‑164/97, ĠabraSP p. I‑A‑565 u II‑1699, punti 49, 58 u 59; 6 ta’ Lulju 1999, Séché vs Il‑Kummissjoni, T‑112/96 u T‑115/96, ĠabraSP p. I‑A‑115 u II‑623, punti 127 u 132; 27 ta’ Settembru 2002, Tideland Signal vs Il‑Kummissjoni, T‑211/02, Ġabra p. II‑3781, punt 39; 8 ta’ Jannar 2003, Hirsch et vs BĊE, T‑94/01, T‑152/01 u T‑286/01, ĠabraSP p. I‑A‑1 u II‑27, punt 51; 13 ta’ April 2005, Verein für Konsumenteninformation vs Il-Kummissjoni, T‑2/03, Ġabra p. II‑1121, punt 99; 13 ta’ Settembru 2006, Sinaga vs Il-Kummissjoni, T‑217/99, T‑321/00 u T‑222/01, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 144;

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 23 ta’ Jannar 2007, Chassagne vs Il‑Kummissjoni, F‑43/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000, punt 55, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata, u punt 61; 28 ta’ April 2009, Balieu-Steinmetz u Noworyta vs Il-Parlament, F‑115/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000, punt 26, u l-ġurisprudenza ċċitata