Language of document : ECLI:EU:F:2007:128

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (Assemblea Plenarja)

11 ta’ Lulju 2007

Kawża F-105/05

Dieter Wils

vs

Il-Parlament Ewropew

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Pensjonijiet – Żieda tar-rata ta’ kontribuzzjoni għall-iskema ta’ pensjoni skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal fil-verżjoni fis-seħħ mill-1 ta’ Mejju 2004”

Suġġett:         Rikors ippreżentat skond l-Artikoli 236 KE u 152 EA, li permezz tiegħu D. Wils jitlob l-annullament tad-dikjarazzjoni tas-salarju tiegħu għax-xahar ta’ Jannar 2005, safejn, skond ir-Regolamenti tal-Persunal, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ mill-1 ta’ Mejju 2004, din id-dikjarazzjoni żiedet ir-rata ta’ kontribuzzjoni ta’ l-iskema tal-pensjoni għal 9,75 %, b’effett retroattiv mill-1 ta’ Lulju 2004.

Deċiżjoni:         Ir-rikors huwa miċħud. Il-Parlament Ewropew għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u nofs l-ispejjeż tar-rikorrent. Ir-rikorrent għandu jbati nofs l-ispejjeż tiegħu. Il-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, intervenjenti in sostenn tal-Parlament, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Rikors – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Interess ġuridiku

(Artikolu 241 KE ; Regolamenti tal-Persunal, Anness XII)

2.      Uffiċjali – Regolamenti tal-Persunal – Regolament li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal – Proċedura għall-adozzjoni

3.      Uffiċjali – Pensjonijiet – Finanzjament ta’ l-iskema tal-pensjonijiet – Regoli dwar iż-żamma ta’ bilanċ attwarjali ta’ l-iskema Komunitarja tal-pensjonijiet

(Regolamenti tal-Persunal, Anness XII)

4.      Uffiċjali – Pensjonijiet – Finanzjament ta’ l-iskema tal-pensjonijiet – Regoli dwar iż-żamma ta’ bilanċ attwarjali ta’ l-iskema Komunitarja tal-pensjonijiet

(Regolamenti tal-Persunal, Anness XII)

5.      Uffiċjali – Pensjonijiet – Finanzjament ta’ l-iskema tal-pensjonijiet – Regoli dwar iż-żamma ta’ bilanċ attwarjali ta’ l-iskema Komunitarja tal-pensjonijiet

(Regolamenti tal-Persunal, Anness XII)

6.      Uffiċjali – Prinċipji – Protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi – Kundizzjonijiet

1.      Skond l-Artikolu 241 KE, ir-rikorrent għandu l-possibbiltà li jsostni, permezz ta’ eċċezzjoni, l-illegalità ta’ l-atti Komunitarji ta’ portata ġenerali li ma jikkonċernawhx individwalment bħala uffiċjal, b’mod partikolari, ir-Regolamenti tal-Persunal. Ir-rekwiżit ta’ rabta diretta u individwali bejn ir-rikorrent u l-att ta’ portata ġenerali li huwa jikkontesta ma jistax jipprekludi l-introduzzjoni ta’ azzjoni indiretta abbażi ta’ l-Artikolu 241 KE. L-ammissibbiltà tal-kontestazzjoni, b’mod inċidentali, ta’ att Komunitarju ta’ portata ġenerali huwa biss suġġett għall-kundizzjoni doppja li l-att individwali kkontestat ikun ġie adottat b’applikazzjoni diretta ta’ l-att ta’ portata ġenerali u li r-rikorrent għandu interess li jikkontesta d-deċiżjoni individwali li hija s-suġġett ta’ l-azzjoni prinċipali. Peress li ż-żieda tar-rata ta’ kontribuzzjoni tal-pensjonijiet li tidher fid-dikjarazzjoni tas-salarju tar-rikorrent ġiet deċiża b’applikazzjoni diretta ta’ l-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprovdi għar-regoli taż-żamma tal-bilanċ attwarjali ta’ l-iskema tal-pensjonijiet, u peress li r-rikorrent għandu interess li jitlob l-annullament ta’ din iż-żieda, l-eċċezzjoni ta’ illegalità intiża kontra dan l-Anness hija ammissibbli.

F’dan ir-rigward, is-sitwazzjoni li l-ilmenti mressqa mir-rikorrent huma bbażati fuq kunsiderazzjonijiet istituzzjonali, politiċi u sindakali u li ma jikkonċernawx biss is-sitwazzjoni personali tiegħu mhijiex ta’ natura li tistabbilixxi li dawn l-ilmenti huma inammissibbli.

(ara l-punti 35 sa 38, 40 u 41)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 30 ta’ Ġunju 1983, Schloh vs Il-Kunsill, C-85/82, Ġabra p. 2105, punt 14 ; 5 ta’ Ottubru 2000, Il-Kunsill vs Chvatal et, C-432/98 P u C‑433/98 P, Ġabra p. I‑8535, punt 33 ; 25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, C-50/00 P, Ġabra p. I‑6677, punt 40

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 29 ta’ Novembru 2006, Agne-Dapper et vs Il‑Parlament, Il-Kunsill, Il-Kummissjoni, Il-Qorti ta’ l-Awdituri u l-KESC, T‑35/05, T-61/05, T-107/05, T-108/05 u T-139/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 42 u 43

2.      Il-proċedura ta’ konsultazzjoni tista’ tapplika biss għal proposti li jitressqu lill-Kunsill mill-Kummissjoni dwar l-emendi tar-Regolamenti tal-Persunal jew tal-kundizzjonijiet ta’ impjieg ta’ aġenti oħra tal-Komunitajiet Ewropej, jew dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijet ta’ l-imsemmija Regolamenti tal-Persunal jew dwar l-imsemmija skema dwar il-paga jew il-pensjoni. Madankollu, l-Kumitat tal-Konsultazzzjoni jista’ jestendi l-konsultazzjoni għal elementi oħra barra dawk li jinsabu fil-proposta tal-Kummissjoni u li jieħu in kunsiderazzjoni l-elementi rilevanti, imressqa mill-organizzazzjonijiet sindakali jew professjonali, l-Istati Membri jew l-istituzzjonijiet, sabiex jassigura l-missjoni tiegħu ta’ konsultazzjoni bejn tliet partijiet. B’konsegwenza, il-Kumitat tal-Konsultazzjoni jista’ wkoll jeżamina l-emendi li l-Kunsill ikollu l-intenzjoni li jitlob lill-Kummissjoni li twettaq għall-ewwel proposta tagħha.

Barra minn hekk, il-proċedura ta’ konsultazzjoni tapplika biss għall-proposti tal-Kummissjoni jekk membru tal-Kumitat tal-Konsultazzjoni jitlobha. Din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tevita li l-proċedura ta’ konsultazzjoni ma sseħħx meta din ma tidhirx li tippreżenta utilità għal dawk li għandhom ir-responsabbiltà tat-tmexxija tagħha. Dan jippermetti lill-Kumitat tal-Konsultazzjoni li ma jeżaminax il-proposti ta’ emendi mill-Kummissjoni, meta l-ewwel proposta diġà tkun suġġetta għal konsultazzjoni li titqies suffiċjenti.

Fl-aħħar nett, irregolarità ta’ proċedura mhijiex ta’ natura li tivvizzja att ħlief jekk jiġi stabbilit li, fin-nuqqas ta’ din l-irregolarità, l-imsemmi att seta’ kellu kontenut differenti. Għalhekk, meta mhuwiex stabbilit li, jekk il-proċedura ta’ konsultazzjoni kienet ġiet applikata fi proposta ta’ emenda tal-Kummissjoni, l-att ikkonċernat seta’ kellu kontenut differenti, fi kwalunkwe każ, tali irregolarità ma setgħetx tivvizzja l-imsemmi att.

(ara l-punti 51 sa 56)

Referenza:

Qorti tal-Prim’Istanza: 5 ta’ Marzu 2003, Staelen vs Il-Parlament, T-24/01, ĠabraSP p. I‑A‑79 u II‑423, punt 53

3.      Peress li l-bilanċ attwarjali ta’ l-iskema Komunitarja tal-pensjoni, li l-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal jiddefinixxi r-regoli tagħha, jimplika t-teħid in kunsiderazzjoni fit-tul ta’ l-iżviluppi ekonomiċi u l-varjazzjonijiet finanzjarji u jeħtieġ it-twettiq ta’ kalkoli statistiċi kumplessi, il-leġiżlatur Komunitarju għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jadotta r-regoli tal-bilanċ attwarjali ta’ l-imsemmija skema tal-pensjoni. Għalhekk, rigward id-dispożizzjonijet ta’ l-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal, il-qorti Komunitarja teżerċita biss kontroll ta’ żball manifest ta’ diskrezzjoni.

Barra minn hekk, skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-legalità ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja hija wkoll suġġetta għall-kundizzjoni li l-metodi li hija timplementa huma adegwati sabiex jintlaħaq l-għan li huwa leġittimament segwit mil-leġiżlazzjoni in kwistjoni u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq, fid-dawl tal-fatt li, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, bħala prinċipju għandu jkun hemm rikors għal dik l-inqas vinkolanti. Madankollu, fir-rigward ta’ qasam fejn il-leġiżlatur Komunitarju għandu, bħal fil-każ preżenti, setgħa diskrezzjonali wiesgħa li tikkorrispondi mar-responsabbiltajiet politiċi li t-Trattat jassenjalu, il-kontroll ta’ proporzjonalità huwa limitat biss għall-eżami tan-natura manifestament mhux xierqa tal-miżura in kwistjoni, meta mqabbla ma’ l-għan li l-istituzzjoni kompetenti għandha l-obbligu li ssegwi.

Il-kontroll ġudizzjarju, anke jekk għandu portata limitata, jirrikjedi li l-istituzzjonijiet Komunitarji jkunu f’pożizzjoni li jistabblixxu, quddiem il-qorti Komunitarja li l-att kien gie adottat permezz ta’ eżerċizzju effettiv tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom, li jippresupponi t-teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-elementi u ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tas-sitwazzjoni li dan l-att kien intiż sabiex jirregola. Minn dan isegwi li l-leġiżlatur Komunitarju għandu, mill-inqas, ikun jista’ jipproduċi u jesponi b’mod ċar u mhux ekwivoku, l-informazzjoni bażika li kellha tiġi kkunsidrata sabiex jittieħdu l-miżuri kkontestati u li fuqhom kien jiddependi l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu.

F’dan ir-rigward, peress li r-rikorrent ipprovda, in sostenn tal-motivi bbażati fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni u tal-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, elementi suffiċjentement preċiżi, oġġettivi u konverġenti, jiġġustifika l-fatt li l-qorti Komunitarja tintervjeni direttament fit-tfittxija ta’ l-elementi ta’ prova, sabiex jiġi vverifikat jekk l-istituzzjoni Komunitarja m’għamlitx użu manifestament żbaljat jew mhux xieraq tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tagħha.

(ara l-punti 70 sa 73 u 75 sa 77)

Referenza:

Qorti tal-Ġustizzja: 6 ta’ Marzu 2001, Connolly vs Il-Kummissjoni, C-274/99 P, Ġabra p. I‑1611, punt 113 ; 25 ta’ Ottubru 2001, L-Italja vs Il-Kunsill, C-120/99, Ġabra p. I‑7997, punti 44 u 45 ; 7 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Il-Kunsill, C-310/04, Ġabra p. I‑7285, punti 122 u 123

Qorti tal-Prim’Istanza: 5 ta’ Ġunju 1996, NMB Franza et vs Il-Kummissjoni, T-162/94, Ġabra p. II‑427, punt 69, u l-ġurisprudenza ċċitata, u punt 70 ; 29 ta’ Novembru 2006, Campoli vs Il-Kummissjoni, T-135/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 143

4.      Mid-dispożizzjonijiet magħquda ta’ l-Artikolu 83a(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u ta’ l-Artikolu 4(1) ta’ l-Anness XXII tagħhom, jirriżulta li l-għan tal-metodu ta’ kalkolu espost f’dan l-Anness huwa li jassigura l-bilanċ attwarjali ta’ l-iskema Komunitarja tal-pensjonijiet. Skond l-Artikolu 83(2) tar-Regolamenti tal-Persunal u skond l-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 5 ta’ l-Anness XII tar-Regolamenti, ir-rata ta’ kontribuzzjoni mill-uffiċjali għandha tkun stabbilita fuq livell suffiċjenti sabiex tiffinanzja terz mill-ispiża taħt l-iskema tal-pensjoni, ikkalkolata fuq bażi attwarjali.

Fil-fatt, l-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal juża’ l-metodu magħruf bħala “previżjonijiet ta’ l-unità ta’ kreditu”, li jipprovdi li s-somma tal-valuri attwarjali tad-drittijiet tal-pensjoni miksuba minn persuni attivi f’sena, magħrufa bħala “prezz tas-servizz”, hija mqabbla mat-total annwali tas-salarju bażiku tagħhom. Ir-rata ta’ kontribuzzjoni ta’ l-uffiċjali tammonta għal terz ta’ dan il-proporzjon, b’kunsiderazzjoni għall-kriterju ta’ tqassim tal-finanzjament ta’ l-iskema tal-pensjoni tal-Komunità kif jirriżulta mill-Artikolu 83(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. Il-kalkolu ta’ l-ispiża tas-servizz jirrikjedi suppożizzjonijiet attwarjali, jiġifieri l-istima tal-valur futur ta’ numru ta’ kriterji (rata ta’ imgħax, mortalità, progress tas-salarju, eċċ.). Fir-rigward tar-rata ta’ imgħax, l-Artikolu 10(2) ta’ l-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal jiddefenixxi r-rata ta’ imgħax li għandha tittieħed in kunsiderazzjoni għall-kalkolu attwarjali bħala l-medja tar-rati ta’ imgħax reali medji tat-tnax-il sena qabel is-sena fis-seħħ.

L-għażla ta’ perijodu ta’ referenza ta’ tnax-il sena, minflok ta’ għoxrin sena, ma taffettwax il-validità tal-metodu attwarjali. Minn naħa, il-valur prospettiv ta’ rata ta’ imgħax reali medju kkalkolata fuq perijodu fil-passat hija, f’kull każ, approssimattiva, ikun kemm ikun twil dan il-perijodu. Min-naħa l-oħra, il-perijodu ta’ referenza ma jistax jaffettwa l-bilanċ attwarjali, bil-kundizzjoni li l-kriterju mhuwiex emendat għal perijodu twil. Huwa biss jekk fil-futur dan il-perijodu jkun, b’kunsiderazzjoni ta’ l-evoluzzjoni tar-rata ta’ imgħax, imtawwal jew imnaqqas sabiex tinżamm fuq livell baxx ir-rata ta’ imgħax reali medju użat fil-kalkolu attwarjali u, b’konsegwenza, għal livell għoli ta’ rata ta’ kontribuzzjoni ta’ l-uffiċjali, li l-għan tal-metodu ta’ kalkolu jista’ jitqiegħed f’dubju u li l-għan li jiġi assigurat il-bilanċ attwarjali fuq fondamenti trasparenti u inkostestabbli jiġi affettwat. Konsegwentement, il-perijodu ta’ tnax-il sena, imsemmi fl-Artikolu 10(2) u l-Artikolu 4(6) ta’ l-Anness XII tar-Regolamenti tal-Persunal la huwa manifestament żbaljat u lanqas manifestament inadegwat.

(ara l-punti 84, 86, 88, 97 u 98)

5.      Fl-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-leġiżlatur sabiex jassigura l-bilanċ attwarjali ta’ l-iskema tal-pensjoni Komunitarja, it-teħid in kunsiderazzjoni ta’ kull kunsiderazzjoni finanzjarja mhijiex illeġittima. Dan it-teħid in kunsiderazzjoni huwa wkoll neċessarju, peress illi, fin-nuqqas ta’ fondi ta’ pensjonijiet tal-Komunità, il-ħlas tal-benefiċċji tal-pensjoni jikkostitwixxi ħlas mill-estimi tal-Komunitajiet, skond l-Artikolu 83(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, l-istess kif il-kontribuzzjoni mill-uffiċjali tirrappreżenta dħul.

(ara l-punt 126)

6.      L-uffiċjali ma jistgħux jibbażaw ruħhom fuq il-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi sabiex jikkontestaw il-legalità ta’ dispożizzjoni regolamentari ġdida, speċjalment f’qasam li l-għan tiegħu jinkludi adattament kostanti skond il-varjazzjonijiet tas-sitwazzjoni ekonomika.

Madankollu, jekk il-leġiżlatur huwa, f’kull ħin, liberu li jwettaq l-emendi lir-Regolamenti tal-Persunal li huwa jqis konformi ma’ l-interess ġenerali u li jadotta dispożizzjonijiet statutorji iktar sfavorevoli għall-uffiċjali kkonċernati, bil-kundizzjoni li jipprovdi, skond il-każ, perijodu tranżitorju suffiċjenti, dan huwa bil-kundizzjoni li d-deċiżjoni tapplika għall-futur, jiġifieri l-kundizzjoni li l-leġiżlazzjoni l-ġdida tapplika biss għal sitwazzjonijiet ġodda u għall-effetti futuri tas-sitwazzjonijiet li tqajmu taħt il-leġiżlazzjoni preċedenti.

Huwa għalhekk li ma jistax jiġi miċħud lil rikorrent id-dritt li jibbaża ruħu fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi, kontra emenda tar-Regolamenti tal-Persunal li għandha l-għan li tapplika mill-ġdid, għall-passat, il-kriterju tat-tqassim bejn l-istituzzjonijiet u l-uffiċjali, ta’ kontribuzzjonijiet għall-iskema Komunitarja tal-pensjonijiet.

(ara l-punti 149, 150 u 153)

Referenza:

Qorti tal-Ġustizzja: 16 ta’ Mejju 1979, Tomadini, C-84/78, Ġabra p. 1801, punt 21 ; 5 ta’ Mejju 1981, Dürbeck, 112/80, Ġabra p. 1095, punt 48 ; 11 ta’ Lulju 1991, Crispoltoni, C-368/89, Ġabra p. I‑3695, punt 21

Qorti tal-Prim’Istanza: 26 ta’ Ottubru 1993, Reinarz vs Il-Kummissjoni, T-6/92 u T-52/92, Ġabra p. II‑1047, punt 85 ; 22 ta’ Ġunju 1994, Di Marzio u Lebedef vs Il-Kummissjoni, T-98/92 u T-99/92, ĠabraSP p. I‑A‑167 u II‑541, point 68 ; 11 ta’ Diċembru 1996, Barraux et vs Il-Kummissjoni, T-177/95, ĠabraFP p. I‑A‑541 u II‑1451, punt 47 ; Campoli vs Il-Kummissjoni, iċċitata, punt 85