Language of document : ECLI:EU:C:2012:740

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

22 ta’ Novembru 2012 (*)

“Trasport — Trasport ferrovjarju — Obbligu tal-amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja li jipprovdi, lill-impriżi ferrovjarji, f’ħin reali, l-informazzjoni kollha dwar iċ-ċirkulazzjoni tal-ferroviji u, b’mod partikolari, dik dwar id-dewmien eventwali tal-ferroviji li tippermetti li jiġu żgurati s-servizzi ta’ kollegament”

Fil-Kawża C‑136/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Schienen-Control Kommission (l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Marzu 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Marzu 2011, fil-proċedura

Westbahn Management GmbH

vs

ÖBB-Infrastruktur AG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President ta’ Awla, M. Berger, A. Borg Barthet (Relatur), J-J. Kasel u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: M.-A.  Gaudissart, Kap ta’ Diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Marzu 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Westbahn Management GmbH, minn D. Böhmdorfer, u R. Schender, Rechtsanwälte,

–        għal ÖBB-Infrastruktur AG, minn G. Ganzger, A. Egger, u G. Lansky, Rechtsanwälte,

–        għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun u H. Støvlbæk, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta’ Ġunju 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 8(2) u tal-Parti II tal-Anness II tar- Regolament (KE) Nru 1371/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat- 23 ta’ Ottubru 2007, dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji (ĠU L 315, p. 14), kif ukoll tad-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 5 u tal-Anness II tad-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001, fuq l-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura tal-ferrovija u l-intaxxar tal-piżijiet għall-użu tal-infrastruttura tal-ferrovija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 404), kif emendata bid-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 227, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2001/14”)

2        Din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest ta’ kawża bejn Westbahn Management GmbH (iktar ’il quddiem “Westbahn Management”) u ÖBB-Infrastruktur AG (iktar ’il quddiem “ÖBB-Infrastruktur”, dwar ir-rifjut ta’ din tal-aħħar li tipprovdi lil Westbahn Management l-informazzjoni f’ħin reali relatata ma’ impriżi ferrovjarji oħra, li tawtorizzaha tinforma lill-passiġġieri tagħha dwar il-ħinijiet ta’ tluq effettivi tal-ferroviji li jippermettu li jiġu żgurati s-servizzi ta’ kollegament

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2001/14

3        Skont il-premessa 1 tad-Direttiva 2001/14:

“Integrazzjoni akbar tas-settur tal-ferroviji Komunitarju huwa element essenzjali għall-kompletazzjoni tas-suq intern u jimxi lejn li tintlaħaq mobilità sostenibbli”

4        L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/14, intitolat “Is-Servizzi” jipprovdi:

“ 1. Impriżi tal-ferroviji għandhom, fuq bażi mhux diskriminatorja, ikunu intitolati għall-pakkett miinimu ta’ aċċess u aċċess għall-binarji għal faċilitajiet tas-servizzi deskritti fl-Anness II. Il-provvista tas-servizzi msemmija fl-Anness II, il-punt 2, għandha tiġi pprovduta f’ mod mhux diskriminatorju u talbiet mill-impriżi tal-ferroviji jistgħu jiġu miċħuda biss jekk jeżistu alternattivi vijabbli fil-kunduzzjonijiet tas-suq. Jekk is-servizzi mhumiex offruti minn amministratur ta’ l-infrastruttura wieħed, il-fornitur ta’ l-infrastruttura ewlenija għandu juża l-isforzi kollha raġonevoli biex jiffaċilita l-fornitura ta’ dawn is-servizzi.

2. Meta l-amministratur ta’ l-infrastruttura joffri kwalunkwe mill-firxa tas-servizzi deskritti fl-Anness II, il-punt 3 bħala servizzi addizzjonali, għandu jipprovdihom fuq talba lil impriża tal-ferroviji.

3. Impriżi tal-ferroviji jistgħu jitolbu grad oltre ta’ servizzi anċillari, elenkati fl-Anness II, il-punt 4 mill-amministratur ta’ l-infrastruttura jew minn provvedituri oħrajn. L-amministratur ta’ l-infrastruttura mhuwiex obbligat li jforni dawn is-servizzi.”

5        L-Anness II ta’ din id-direttiva, intitolat “Servizzi li għandhom jingħataw lill-impriżi tal-ferroviji”, jipprovdi:

“ 1.Il-pakkett ta’ aċċess minimu għandu jkun jikkonsisti:

(a) fl-immaniġġar ta’ talbiet għall-kapaċità infrastrutturali;

(b) fid-dritt li tintuża l-kapaċità allokata;

(ċ) fl-użu ta’ running track points u ġonot;

(d) fil-kontroll tal-ferrovija inkluż is-senjalar, ir-regolament, id-dispaċċ, u l-komunikazzjoni u d-dispożizzjoni ta’ infrmazzjoni dwar il-moviment tal-ferrovija;

(e) l-informazzjoni oħra kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni jew l-operazzjoni tas-servizz li għalih ingħatat il-kapaċità.

2. Aċċess għall-binarju għal faċilitajiet tas-servizzi u l-fornitura tas-servizzi għandhom jinkludu:

(a) l-użu ta’ tagħmir għall-provvista elettrika għall-kurrent tat-traction, meta disponibbli;

(b) faċilitajiet għal refuelling;

(ċ) stazzjonijiet tal-passiġġiera, il-bini tagħħom u faċilitajiet oħrajn;

(d) terminali tal-merkanzija

(e) marshalling yards;

(f) faċilitajiet għall-formazzjoni tal-ferrovija

(g) sidings għall-ħażna;

(h) manutenzjoni u faċilitajiet tekniċi oħrajn.

3. Is-servizzi addizzjonali jistgħu jinkludu:

(a) traction current;

(b) tisħin minn qabel tal-ferroviji tal-passiġġieri;

(ċ) provvista ta’ karburant, shunting, u s-servizzi l-oħrajn kollha pprovduti fil-faċilitajiet tas-servizzi ta’ l-aċċess imsemmija fuq;

(d) kuntratti speċifiċi għal:

–        kontroll tat-trasport ta’ merkanzija perikoluża,

–        assistenza fil-ġestjoni ta’ ferroviji mhux normali

4. Is-servizzi anċillari jistgħu jinkludu:

(a) aċċess għan-network tat-telekomunikazzjoni;

(b) provvista ta’ informazzjoni supplementari;

(ċ) ispezzjoni teknika ta’ rolling stock.”

 Ir-Regolament Nru 1371/2007

6        Skont il-premessi 1 sa 5 u 7 sa 9 tar-Regolament Nru 1371/2007:

“(1) Fil-qafas tal-politika komuni tat-trasport, huwa importanti li d-drittijiet ta’ l-utent tal-passiġġieri ferrovjarji jkunu mħarsa u tittejjeb il-kwalità u l-effettività tas-servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri sabiex jiġi megħjun it-tkabbir tas-sehem tat-trasport ferrovjarju meta mqabbel ma’ mezzi oħra ta’ trasport.

(2) Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni "L-Istrateġija dwar il-Politika tal-Konsumatur għall-2002-2006" [4] tistabilixxi l-għan li jinkiseb livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur fil-qasam tat-trasport, kif jitlob l-Artikolu 153(2) [KE].

(3) Ġialadarba l-passiġġier tal-ferroviji huwa l-parti d-dgħajfa fil-kuntratt tat-trasport, għandhom jiġu mħarsa d-drittijiet tal-passiġġier f’dan ir-rigward.


(4) Id-drittijiet ta’ l-utenti għas-servizzi ferrovjarji jinkludu li jirċievu informazzjoni rigward is-servizz ta’ qabel u matul il-vjaġġ. Kull meta hu possibbli, impriżi ferrovjarji u bejjiegħa tal-biljetti għandhom jipprovdu din l-informazzjoni minn qabel u mill-iktar fis possibbli.

(5)       Ħtiġiet aktar dettaljati rigward l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ivvjaġġar se jitniżżlu fl-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà (TSI) msemmija fid-Direttiva 2001/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 19 ta’ Marzu 2001 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja konvenzjonali [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 26, p. 243), kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/32 KE, tal-1 ta’ Ġunju 2007 (ĠU L 141, p. 63)].

[…]

(7)       L-impriżi ferrovjarji għandhom jikkoperaw sabiex jiġi ffaċilitat it-trasferiment ta’ passiġġieri ferrovjarji minn operatur għal ieħor permezz tal-fornitura ta’ biljetti integrati, kull meta dan ikun possibbli.

(8)       It-twassil ta’ l-informazzjoni u l-biljetti lill-passiġġieri ferrovjarji għandu jkun faċilitat bl-adattazjoni ta’ sistemi kompjuterizzati għal speċifikazzjonijiet komuni.

(9)       L-implimentazzjoni ulterjuri tas-sistemi ta’ informazzjoni dwar l-ivjaġġar u riservazzjoni għandha tiġi esegwita skond it-TSIs.”

7        L-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1371/2007 jipprovdi:

“Matul il-vjaġġ l-impriżi ferrovjarji għandhom jipprovdu lill-passiġġier minn ta’ l-inqas l-informazzjoni mniżżla fl-Anness II, Parti II.”

8        L-Artikolu 9(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“L-impriżi ferrovjarji u l-bejjiegħa tal-biljetti għandhom joffru, fejn disponibbli, biljetti, biljetti globali u riservazzjonijiet”

9        L-Artikolu 18(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“F’każ ta’ dewmien fil-wasla jew fit-tluq, il-passiġġieri għandhom jinżammu infurmati dwar is-sitwazzjoni u l-ħin stmat tat-tluq u l-ħin stmat tal-wasla mill-impriża ferrovjarja jew mill-amministratur ta’ l-istazzjon hekk kif tali informazzjoni tkun disponibbli”

10      Il-Parti II tal-Anness II tal-istess regolament, relatata mal-“Informazzjoni waqt il-vjaġġ”, tipprovdi għall-provvista tal-informazzjoni segwenti:

“Servizzi abbord

L-istazzjon li jmiss

Dewmien

Servizzi prinċipali ta’ kollegament

Kwistjonijiet ta’ sigurtà u sikurezza”

 Il-leġiżlazzjoni Awstrijaka

11      L-Artikolu 54 tal-Liġi dwar il-linji tal-ferrovija (Eisenbahngesetz, BGBI. 60/1957, iktar ’il quddiem l-“EisbG”) jipprovdi:

“Id-dispożizzjonijiet tas-sitt parti ta’ din il-liġi huma intiżi li jiżguraw l-użu ekonomiku u effiċjenti tal-linji tal-ferrovija fl-Awstrija,

1. billi jistabbilixxu, fis-suq tat-trasport bil-ferrovija, kompetizzjoni ugwali u funzjonali bejn l-impriżi tat-trasport bil-ferrovija fuq il-linji tal-ferrovija prinċipali u fuq il-linji sekondarji ta’ kollegament ma’ linji prinċipali jew sekondarji oħra tal-ferrovija,

2. billi jinkoraġġixxu l-penetrazzjoni ta’ impriżi ġodda tat-trasport fis-suq tat-trasport bil-ferrovija,

3. billi jiżguraw l-aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja lil benefiċjarji,

4. billi jikkontrollaw il-kompetizzjoni biex jiġu protetti l-benefiċjarji tal-aċċess għan-netwerk ferrovjarju minn abbuż ta’ pożizzjoni dominanti.”

12      L-Artikolu 58 ta’ din il-liġi jipprovdi:

“(1). Għall-finijiet ta’ aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja, l-impriża ta’ infrastruttura ferrovjarja għandha tipprovdi, fuq bażi mhux diskriminatorja, lill-persuni li għandhom dritt għal aċċess, pakkett minimu ta’ aċċess li minbarra l-aċċess jinkludi s-servizzi li ġejjin:      

1.      l-użu ta’ running track points u ġonot;

2.      il-kontroll tal-ferroviji inkluż […] il-komunikazzjoni u l-provvista ta’ informazzjoni dwar il-movimenti ta’ ferroviji;

3.      is-servizzi ta’ sistema ta’ komunikazzjoni u ta’ informazzjoni meħtieġa, li mingħajrhom huwa legalment, ekonomikament u prattikament impossibbli għal persuni li għandhom dritt għal aċċess li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom f’dan ir-rigward

[...]

(4)      Għall-finijiet ta’ aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja, l-impriża ta’ infrastruttura ferrovjarja tista’ tipprovdi, mingħajr ma hija obbligata tagħmel dan, is-servizzi anċillari li ġejjin lil dawk li għandhom dritt għal aċċess:

1.       aċċess għan-netwerk tat-telekomunikazzjonijiet li huwa iktar wiesa’ mill-aċċess previst taħt il-paragrafu 1(3);

2.       provvista ta’ informazzjoni addizzjonali;

3.       spezzjoni teknika tar-rolling-stock .

[...]”

13      L-Artikolu 81 tal-EisbG jipprovdi:

“1.       Une Schienen-Control Kommission [Tribunal għall-istħarriġ ta’ kwistjonijiet ferrovjarji] huwa maħluq fi ħdan il-kumpannija Schienen-Control GmbH.

2.       Is-Schienen-Control Kommission jeżerċita s-setgħat li jagħtuh il-partijiet 3, 5 sa 6b u 9 ta’ din il-liġi […] u jiddeċiedi fuq l-appelli mid-deċiżjonijiet tas-Schienen-Control GmbH. [...]

3.       It-tmexxija tas-Schienen-Control Kommission taqa’ taħt is-Schienen-Control GmbH. Fil-kuntest tal-attività tiegħu eżerċitata għas-Schienen-Control Kommission, il-persunal ta’ Schienen-Control GmbH huwa obbligat josserva l-istruzzjonijiet tal-president jew tal-membru maħtur fir-regoli tal-proċedura interni”.

14      Skont l-Artikolu 82 tal-EisbG:

“1.       Is-Schienen-Control Kommission huwa kompost minn president u minn żewġ membri oħra. Għandu jinħatar membru sostitut għal kull membru. Il-membru sostitut jissostitwixxi lill-membru f’każ li dan tal-aħħar ma jkunx jista’ jwettaq l-obbligi tiegħu. Il-president u s-sostitut tiegħu għandhom jkunu membri tal-ġudikatura u huma maħtura mill-Bundesminister für Justiz [Ministru Federali tal-Ġustizzja]. Il-membri l-oħra u s-sostituti tagħhom għandhom ikunu speċjalisti fl-oqsma relatati mat-trasport u huma maħtura mill-Gvern Federali fuq proposta tal-Bundesminister für Verkehr, Innovation und Technologie [Ministru Federali tat-Trasport, tal-Innovazzjoni u tat-Teknoloġija].

2.       Il-persuni li ġejjin ma għandhomx id-dritt ikunu parti mis-Schienen-Control Kommission:

1.       il-membri tal-Gvern Federali jew ta’ Gvern Reġjonali kif ukoll is-segretarji tal-Istat;

2.       il-persuni li, ġuridikament jew de facto, għandhom konnessjoni mill-qrib ma’ dawk li jeżerċitaw attività fi ħdan is-Schienen-Control Kommission;

3.       il-persuni li ma humiex eliġibbli għan-Nationalrat [Kunsill Nazzjonali].

3.       Il-membri tas-Schienen-Control Kommission u s-sostituti tagħhom huma maħtura għal perijodu ta’ ħames snin. Fi tmiem il-mandat tagħhom, huma jibqgħu fis-servizz sakemm il-post tagħhom jimtela. Mandat jista’ jiġġedded. Jekk membru jew membru sostitut jtemm il-funzjonijiet tiegħu qabel it-tmiem tal-mandat tiegħu, membru ġdid jew membru sostitut għandu jinħatar għall-bqija tal-mandat, skont l-Artikolu 82(1).

4.       Membru (jew membru sostitut) jitlef il-kwalità tiegħu:

1.       f’każ ta’ mewt;

2.       fi tmiem il-mandat tiegħu;

3.       fuq riżenja;

4.       meta l-membri l-oħra kollha jikkonstataw in-nuqqas ta’ kapaċità tiegħu li jeżerċità korrettament il-funzjonijiet tiegħu b’riżultat ta’ diżabbiltà fiżika jew mentali serja;

5.       meta l-membri l-oħra kollha jikkonstataw li dan weġibx għal tliet stediniet konsekuttivi sabiex jattendi għal seduta mingħajr ma pprovda ġustifikazzjoni adatta għall-assenza tiegħu;

6.       fir-rigward tal-president u tas-sostitut tiegħu: meta huma ma jibqgħux membri tal-ġudikatura.

5.       Il-membri jew is-sostituti tagħhom huma marbuta bl-obbligu ta’ kunfidenzjalità, skont l-Artikolu 20(3) tal-Kostituzzjoni Federali Awstrijaka ((Bundes-Verfassungsgesetz)”.

15      L-Artikolu 83 tal-EisbG jipprovdi:

“Id-deċiżjonijiet tas-Schienen-Control Kommission għandhom jittieħdu b’maġġoranza ta’ voti; il-membri ma jistgħux jastjenu. F’każ ta’ numru ugwali ta’ voti, il-president għandu l-vot deċiżiv. Is-Schienen-Control Kommission għandu jkollu regoli tal-proċedura interni, li jistgħu jafdaw lil xi wħud mill-membri tagħha t-tmexxija ta’ kuljum tiegħu, inkluż l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ natura proċedurali. Fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, il-membri huma indipendenti u ma humiex marbuta b’ebda istruzzjoni.”

16      L-Artikolu 84 tal-EisbG jipprovdi:

“Bla ħsara għal dispożizzjonijiet kuntrarji previsti f’din il-liġi, is-Schienen-Control Kommission għandu japplika l-liġi ġenerali dwar il-proċedura amministrattiva [Allgemeines Verwaltungsverfahrensgesetz], b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi relatati mal-proċedura quddiem il-bordijiet amministrattivi indipendenti. Id-deċiżjonijiet tas-Schienen-Control Kommission ma jistgħux jiġu annullati jew emendati b’mod amministrattiv. Jista’ jiġi ppreżentat rikors quddiem il-Verwaltungsgerichtshof (Qorti Amministrattiva)”.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17      Westbahn Management tipprovdi, mill-iskeda 2011/2012 servizzi għall-passiġġieri fuq il-linja ferrovjarja Wien (l-Awstrija) sa Salzburg (l-Awstrija).

18      ÖBB-Infrastruktur hija responsabbli għall-amministrazzjoni tal-parti l-kbira tan-netwerk ferrovjarju Awstrijak, inkluża l-linja Wien-Salzburg. Hija għandha għad-dispożizzjoni tagħha informazzjoni f’ħin reali dwar il-ferroviji kollha li joperaw fuq in-netwerk ferrovjarju li għalih hija responsabbli. L-informazzjoni f’ħin reali tinkludi l-pożizzjoni attwali tal-ferrovija, u l-ħinijiet tal-wasla, tat-tranżitu, u tat-tluq għall-bqija tal-vjaġġ.

19      ÖBB-Infrastruktur tikkomunika lid-diversi impriżi ferrovjarji l-informazzjoni f’ħin reali relatata mal-ferroviji rispettivi tagħhom. Permezz ta’ programm protett b’password, kull impriża ferrovjarja tista’ tikkonsulta, fuq is-sit internet ta’ ÖBB-Infrastruktur, l-informazzjoni f’ħin reali relatata mal-ferroviji kollha li joperaw fuq in-netwerk ferrovjarju li din il-kumpannija hija responsabbli għall-amministrazzjoni tiegħu, madankollu d-diversi impriżi ferrovjarji ma humiex imsemmija f’din l-informazzjoni.

20       F’diversi stazzjonijiet importanti, ÖBB-Infrastruktur tindika, fuq skrinijiet, il-ħinijiet tat-tluq u tal-wasla attwali tal-ferroviji tal-passiġieri.

21      Westbahn Management talbet lil ÖBB-Infrastruktur tipprovdilha l-informazzjoni f’ħin reali relatata ma’ impriżi ferrovjarji oħra, sabiex hija tkun tista’ tinforma lill-passiġġieri tagħha dwar il-ħinijiet tat-tluq attwali tal-ferroviji li jippermetti li jiġu żgurati s-servizzi ta’ kollegament.

22      Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Ottubru 2010 ÖBB-Infrastruktur irrifjutat li tilqa’ din it-talba, minħabba li bħala regola ġenerali hija kienet tiżvela biss l-informazzjoni relatata mal-impriża ferrovjarja kkonċernata. Hija tat parir lil Westbahn Management biex tilħaq ftehim mal-impriżi ferrovjarji l-oħra li permezz tiegħu dawn tal-aħħar jagħtu l-kunsens tagħhom li jiżvelaw l-informazzjoni tagħhom.

23      Madankollu ebda ftehim ta’ dan it-tip ma ġie konkluż bejn Westbahn Management u xi impriża ferrovjarja oħra. ÖBB-Personenverkehr AG (iktar ’il quddiem “ ÖBB-PV”) b’mod partikolari rrifjutat li tikkonkludi ftehim ta’ din ix-xorta. Fil-qasam tat-trasport tal-passiġġieri, ÖBB-PV hija l-impriża prinċipali tas‑suq Awstrijak ikkonċernat. Hija miżmuma minn ÖBB-Holding AG, li hija wkoll l-azzjonista ta’ ÖBB-Infrastruktur.

24      Westbahn Management tqis li n-nuqqas ta’ żvelar ta’ din l-informazzjoni huwa kuntrarju għall-Parti II tal-Anness II tar-Regolament Nru 1371/2007 u teżiġi li tkun tista’ taċċedi għal din l-informazzjoni. Għaldaqstant hija ressqet talba f’dan is-sens quddiem is-Schienen-Control Kommission.

25      Peress li l-eżitu tal-kawża mressqa quddiemha jiddependi fuq l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni s-Schienen-Control Kommission iddeċieda li jissospendi l‑proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)       Id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 8(2) u tal-Parti II tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1371/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2007, dwar id-Drittijiet u l-Obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji 1 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-informazzjoni dwar il-konnessjonijiet prinċipali għandha tindika wkoll, minbarra l-ħinijiet tat-tluq normali, l-ittardjar jew il-kanċellazzjonijiet ta’ dawn il-konnessjonijiet?

2)      Fil-każ li għall-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv:

Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 8(2) u tal-Parti II tal-Anness II tar-Regolament Nru 1371/2007, id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 5 u tal-Anness II tad-Direttiva [2001/14] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-amministratur tal-infrastruttura tal-ferroviji huwa marbut li jipprovdi b’mod nondiskriminatorju lill-impriżi tal-ferroviji l-informazzjoni dak il-ħin stess [f’ħin reali] dwar il-ferroviji ta’ impriżi ta’ ferroviji oħra, meta dawn il-ferroviji jikkostitwixxu l-konnessjonijiet prinċipali fis-sens tal-Parti II tal-Anness II tar-Regolament Nru 1371/2007?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

26      Qabel ma tingħata risposta għad-domandi magħmula, għandu jiġi vverifikat jekk, hekk kif sostnut fid-deċiżjoni tar-rinviju, is-Schienen-Control Kommission jikkostitwixxix qorti fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE u, għaldaqstant, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula.

27      Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex jiġi evalwat jekk il-korp tar-rinviju għandux in-natura ta’ qorti skont l-Artikolu 267 TFUE, kwistjoni li taqa’ unikament taħt id-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni numru ta’ kriterji, bħal jekk il-korp huwiex stabbilit mil-liġi, jekk huwiex permanenti, jekk il-ġurisdizzjoni tiegħu hijiex ta’ natura obbligatorja, jekk il-proċeduri quddiemu humiex kontradittorji, jekk il-korp japplikax regoli tad-dritt, kif ukoll jekk huwiex indipendenti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2007, Häupl, C‑246/05, Ġabra p. I‑4673, punt 16; tat-18 ta’ Ottubru 2007, Österreichischer Rundfunk, C‑195/06, Ġabra p. I‑8817, punt 19, kif ukoll tal-10 ta’ Diċembru 2009, Umweltanwalt von Kärnten, C‑205/08, Ġabra p. I‑11525, punt 35).

28      F’dan ir‑rigward, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 28 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandu jiġi enfasizzat li s-Schienen-Control Kommission kien ġie stabbilit bħala korp permanenti permezz tal-Artikolu 81(1) tal-EisbG. L-Artikoli 81 sa 84 ta’ din il-liġi jindikaw li s-Schienen-Control Kommission jissodisfa l-kriterji relatati mal-fatt li huwa stabbilit mil-liġi, man-natura obbligatorja u permanenti tal-korp, mal-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt u mal-indipendenza ta’ tali korp.

29      Barra minn hekk, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li, skont id-deċiżjoni tar-rinviju, il-liġi ġenerali dwar il-proċedura amministrattiva hija applikabbli għall-proċeduri quddiem is-Schienen-Control Kommission u b’hekk tiggarantixxi n-natura kontradittorja tal-proċeduri quddiemu, peress li l-partijiet għandhom il-possibblità li jinvokaw id-drittijiet tagħhom kif ukoll l-interessi ġuridiċi tagħhom u peress li l-diskussjoni kontradittorja tista’ tagħti lok għal seduta li fiha jistgħu jipparteċipaw xhieda u periti.

30      Min-naħa l-oħra, hemm ukoll lok li jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 84 tal-EisbG, is-Schienen-Control Kommission huwa rregolat mid-dritt proċedurali amministrattiv ġenerali, li d-deċiżjonijiet tiegħu ma jistgħux jiġu annullati permezz ta’ deċiżjonijiet amministrattivi, iżda li dawn jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors quddiem il-Verwaltungsgerichtshof (Qorti Amministrattiva)

31      Minn dan li jippreċedi jirriżulta li s-Schienen-Control Kommission għandu jitqies bħala qorti fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE, b’mod li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula.

 Fuq l-ewwel domanda

32      Permezz tal-ewwel domanda tiegħu, is-Schienen-Control Kommission essenzjalment jistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 8(2) u tal-Parti II tal-Anness II tar-Regolament Nru 1371/2007 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-informazzjoni dwar is-servizzi prinċipali ta’ kollegament għandha tindika wkoll, minbarra l-ħinijiet tat-tluq normali, id-dewmien jew il-kanċellazzjonijiet ta’ dawn is-servizzi ta’ kollegament, u b’mod partikolari dik dwar impriżi ferrovjarji oħra.

33      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, hemm lok, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni bħal dawk inkwistjoni, li ma jittiħdux biss inkunsiderazzjoni il-kliem tagħhom, iżda wkoll il-kuntest tagħhom u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li minnha huma jiffurmaw parti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-26 ta’ Ġunju 1990, Velker International Oil Company, C‑185/89, Ġabra p. I‑2561, punt 17, u tad-19 ta’ Lulju 2012, A, C‑33/11, punt 27).

34      L-għanijiet li r-Regolament Nru 1371/2007 jrid jilħaq huma msemmija fil-premessi tiegħu. Għaldaqstant, il-premessa 1 tar-Regolament Nru 1371/2007 tenfasizza li, fil-kuntest tal-politika komuni tat-trasport, huwa importanti li jiġu mħarsa d-drittijiet tal-passiġġieri ferrovjarji u li tittejjeb il-kwalità u l-effikaċja tas-servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri. Mill-premessi 2 u 3 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li għandu jintlaħaq livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u li l-passiġġier, bħala l-parti l-iktar dgħajfa fil-kuntratt ta’ trasport, għandu jkun protett. Il-premessa 4 ta’ dan ir-regolament tirreferi għad-dritt li tinkiseb informazzjoni dwar il-vjaġġ qabel u matul il-vjaġġ, u dan mill-iktar fis possibbli. Barra minn hekk, il-premessi 5, 8 u 9 ta’ dan ir-regolament jirreferu wkoll għall-għan li jikkonsisti f’li jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-informazzjoni kkonċernata fuq livell transkonfinali.

35      Huwa fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet li l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1371/2007għandu jiġi interpretat.

36      L-Artikolu 8(2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li l-impriżi ferrovjarji għandhom jipprovdu lill-passiġġier, waqt il-vjaġġ, għall-inqas l-informazzjoni msemmija fil-Parti II tal-Anness II ta’ dan ir-regolament. Din l-informazzjoni tikkonċerna s-servizzi abbord, l-istazzjoni tal-ferrovija li jmiss, id-dewmien, is-servizzi prinċipali ta’ kollegament kif ukoll il-kwistjonijiet relatati mas-sigurtà u sikurezza

37      Sabiex jiġu rrispettati l-interessi tal-vjaġġaturi kif ukoll l-għanijiet ġenerali li r-Regolament Nru 1371/2007 jrid jilħaq, imfakkra fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, l-informazzjoni mogħtija lill-passiġġier għandha tkun utli għal dan tal-aħħar.

38      F’dan ir-rigward, l-informazzjoni dwar id-dewmien jew il-kanċellazzjonijiet ta’ servizzi ta’ kollegament li l-passiġġier seta’ jsir jaf dwarhom billi jikkonsulta t-tabelli ta’ informazzjoni qabel it-tluq tiegħu, fuq il-premessa li dawn kienu magħrufa f’dan il-mument, tikkostitwixxi elementi li għandhom ukoll jiġu kkomunikati lill-passiġier meta dan id-dewmien jew dawn il-kanċellazzjonijiet ta’ ferroviji jseħħu wara t-tluq tiegħu. Fil-każ kuntrarju, il-passiġġier ikun biss, bi ksur tal-għanijiet tar-Regolament Nru 1371/2007, informat dwar il-ħin previst tas-servizzi prinċipali ta’ kollegament iżda mhux dwar it-tibdil li sar wara t-tluq tiegħu, peress li l-informazzjoni li ġiet ikkomunikata lilu hija, għaldaqstant, invalida.

39      Għaldaqstant l-impriżi ferrovjarji għandhom l-obbligu, skont l-Artikolu 8(2) tal-Parti II tal-Anness II tar-Regolament Nru 1371/2007, li jipprovdu f’ħin reali informazzjoni dwar is-servizzi prinċipali ta’ kollegament.

40      Barra minn hekk, il-Parti II tal-Anness II tar-Regolament Nru 1371/2007 jssemmi s-“servizzi prinċipali ta’ kollegament”, espressjoni li ma tillimitax l-obbligu ta’ informazzjoni li l-impriża ferrovjarja għandha biss għas-servizzi prinċipali ta’ kollegament tagħha.

41      Għaldaqstant, dan l-obbligu għandu jinftiehem bħala li jkopri s-servizzi prinċipali ta’ kollegament kollha, inklużi dawk tal-impriża ferrovjarja kkonċernata kif ukoll dawk iggarantiti minn impriżi ferrovjarji oħra. Fin-nuqqas ta’ dan, l-għan ta’ informazzjoni lill-passiġġieri li r-Regolament Nru 1371/2007 jrid jilħaq ma jistax jintlaħaq.

42      Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1371/2007 li jipprovdi li l-impriżi ferrovjarji u l-bejjiegħa tal-biljetti għandhom joffru, sakemm ikunu disponibbli, biljetti, biljetti globali u riżervazzjonijiet. Il-premessa 7 ta’ dan ir-regolament tippreċiża li l-provvista ta’ biljetti globali tiffaċilita t-trasferiment tal-passiġġieri ferrovjarji minn operatur għall-ieħor. Interpretazzjoni restrittiva tal-informazzjoni li l-passiġġieri għandhom ikollhom aċċess għaliha tfixkel it-trasferiment ta’ dawn tal-aħħar u tippreġudika l-għan li jrid jintlaħaq billi tħeġġeġ lill-passiġġieri jippreferu l-impriżi ferrovjarji l-kbar li jkunu f’pożizzjoni li joffrulhom f’ħin reali informazzjoni dwar l-istadji kollha tal-vjaġġ tagħhom

43      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li d-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 8(2) u tal-Parti II tal-Anness II tar-Regolament Nru 1371/2007 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-informazzjoni dwar is-servizzi prinċipali ta’ kollegament għandha tindika wkoll, minbarra l-ħinijiet tat-tluq normali, id-dewmien jew il-kanċellazzjonijiet ta’ dawn is-servizzi ta’ kollegament, irrispettivament mill-impriża ferrovjarja li tiggarantixxihom.

  Fuq it-tieni domanda

44      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda relatata mal-obbligi tal-amministratur tal-infrastruttura, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/14 jipprovdi li l-impriżi ferrovjarji għandhom dritt, fuq bażi mhux diskriminatorja, għall-pakkett minimu ta’ aċċess kif ukoll għal aċċess permezz tal-binarji għall-faċilitajiet ta’ servizzi deskritti fl-Anness II ta’ din id-direttiva.

45      Il-punt 1(d) tal-Anness II tad-Direttiva 2001/14, li jipprovdi li dawn is-servizzi jinkludu b’mod partikolari il-komunikazzjoni u l-provvista ta’ informazzjoni dwar iċ-ċirkulazzjoni tal-ferroviji, għandu jinqara, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, flimkien mal-punt 1(e) tal-Anness II tad-Direttiva 2001/14, li jippermetti lill-impriżi ferrovjarji jiksbu kull informazzjoni oħra neċessarja għall-implementazzjoni jew għall-operazzjoni tas-servizz li għalih ingħatat il-kapaċità.

46      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, hekk kif ġie indikat fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, li l-informazzjoni f’ħin reali relatata mas-servizzi prinċipali ta’ kollegament u, b’mod partikolari, dik li tikkonċerna impriżi ferrovjarji oħra hija neċessarja għal kull impriżi ferrovjarja sabiex hija tkun tista’ twettaq l-obbligi tagħha taħt ir-Regolament Nru 1371/2007.

47      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, sabiex tiġi ggarantita kompetizzjoni ekwa fis-suq tat-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri, għandu jiġi żgurat li l-impriżi ferrovjarji kollha jkunu jistgħu jipprovdu lil dawn tal-aħħar kwalità ta’ servizz paragunabbli. Hekk kif ġie indikat fil-punti 40 sa 41 ta’ din is-sentenza, jekk impriża ferrovjarja setgħet tipprovdi biss informazzjoni dwar is-servizzi ta’ kollegament tagħha, impriża li għandha netwerk ikbar tkun tista’ tipprovdi lill-passiġġieri tagħha informazzjoni iktar kompleta minn dik li tista’ tiġi żgurata minn impriża li topera numru limitat ta’ linji, fatt li jmur kontra, minn naħa, l-għan intiż sabiex tiġi permessa integrazzjoni ikbar tas-settur ferrovjarju li jinsab fil-premessa 1 tad-Direttiva 2001/14 u, min-naħa l-oħra, l-obbligu ta’ informazzjoni tal-passiġġieri.

48      Sabiex jeżerċitaw id-dritt ta’ aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja l-impriżi ferrovjarji għandhom għaldaqstant jingħataw, mill-amministratur tal-infrastruttura, informazzjoni f’ħin reali dwar is-servizzi prinċipali ta’ kollegament iggarantiti minn impriżi ferrovjarji oħra, sabiex ikun jistgħu, skont id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 5 tal-Anness II u tal-punt 1(e) tad-Direttiva 2001/14, jimplementaw is-servizz li għalih ingħatat il-kapaċità.

49      Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni ÖBB-Infrastruktur AG, din l-informazzjoni, li hija disponibbli fuq it-tabelli ta’ informazzjoni tal-istazzjonijiet ferrovjarji differenti, ma tistax titqies bħala li hija ta’ natura kunfidenzjali jew sensittiva, fatt li jimpedixxi l-iżvelar tagħha lill-impriżi ferrovjarji differenti kkonċernati.

50      Għaldaqstant, hemm lok li r-risposta għat-tieni domanda tkun li d-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 8(2) u tal-Parti II tal-Anness II tar-Regolament Nru 1371/2007 kif ukoll id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 5 u tal-Anness II tad-Direttiva 2001/14 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-amministratur tal-infrastruttura huwa obbligat li jipprovdi lill-impriżi ferrovjarji, b’mod mhux diskriminatorju, l-informazzjoni f’ħin reali dwar il-ferroviji ta’ impriżi ferrovjarji oħra, meta dawn il-ferroviji jikkostitwixxu s-servizzi prinċipali ta’ kollegament fis-sens tal-Parti II tal-Anness II tar-Regolament Nru 1371/2007.

 Fuq l-ispejjeż

51      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 8(2) u tal-Parti II tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1371/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat- 23 ta’ Ottubru 2007, dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-informazzjoni dwar is-servizzi prinċipali ta’ kollegament għandha tindika wkoll, minbarra l-ħinijiet tat-tluq normali, id-dewmien jew il-kanċellazzjonijiet ta’ dawn is-servizzi ta’ kollegament, irrispettivament mill-impriża ferrovjarja li tiggarantixxihom

2)      Id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 8(2) u tal-Parti II tal-Anness II tar-Regolament Nru 1371/2007 kif ukoll id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 5 u tal-Anness II tad-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001, fuq l-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura tal-ferrovija u l-intaxxar tal-piżijiet għall-użu tal-infrastruttura tal-ferrovija, kif emendata bid-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-amministratur tal-infrastruttura huwa obbligat li jipprovdi lill-impriżi ferrovjarji, b’mod mhux diskriminatorju, l-informazzjoni f’ħin reali dwar il-ferroviji ta’ impriżi ferrovjarji oħra, meta dawn il-ferroviji jikkostitwixxu s-servizzi prinċipali ta’ kollegament fis-sens tal-Parti II tal-Anness II tar-Regolament Nru 1371/2007.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.