Language of document : ECLI:EU:C:2018:411

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

7 ta’ Ġunju 2018 (*)(i)

“Appell – Rikors għad-danni – Insuffiċjenza ta’ motivazzjoni ta’ sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja wara appell – Żnaturament tas-suġġett ta’ kap ta’ talbiet għad-danni”

Fil-Kawża C‑463/17 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fil‑25 ta’ Lulju 2017,

Ori Martin SA, stabbilita fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu), irrappreżentata minn G. Belotti, avvocato,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Inghelram u A. M. Almendros Manzano, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, J. Malenovský (Relatur), M. Safjan, D. Šváby u M. Vilaras, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, Ori Martin SA titlob il-bidla tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑1 ta’ Ġunju 2017, Ori Martin vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (T‑797/16, mhux ippubblikat, iktar ’il quddiem id-“digriet ikkontestat”, EU:T:2017:396), li permezz tiegħu hija ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-kumpens għad-dannu mġarrab minħabba allegat ksur, mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

2        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑14 ta’ Settembru 2010, Ori Martin ippreżentat rikors kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010) 4387 final tat‑30 ta’ Ġunju 2010 dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/38344 – Azzar użat għall-prestressing), emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010) 6676 final tat-30 ta’ Settembru 2010, u bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2011) 2269 final tal‑4 ta’ April 2011, li permezz tagħha l-Kummissjoni b’mod partikolari kienet imponiet multa ta’ EUR 15.96 miljun fuq Siderurgica Latina Martin SpA (iktar ’il quddiem “SLM”), li EUR 14-il miljun minnhom kienu ġew imposti in solidum ma’ Ori Martin.

3        F’dak l-att, li ta lok għall-Kawża T‑419/10, ir-rikorrenti f’dik il-kawża talbet li l-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn din kienet tipprevedi li hija kienet responsabbli in solidum għall-fatti mwettqa minn SLM u li l-Qorti Ġenerali tannulla jew tnaqqas l-ammont tal-multa li kienet ġiet imposta fuqha mill-imsemmija deċiżjoni.

4        Permezz tas-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2015, SLM u Ori Martin vs Il‑Kummissjoni (T‑389/10 u T‑419/10, EU:T:2015:513), il-Qorti Ġenerali b’mod partikolari naqqset għal EUR 13.3 miljuni l-ammont tal-multa imposta in solidum fuq ir-rikorrenti f’dik il-kawża kif ukoll fuq SLM u ċaħdet il-kumplament tar-rikors.

5        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑18 ta’ Settembru 2015, l-appellanti appellat mill-imsemmija sentenza, liema appell ta lok għall-Kawża C‑490/15 P.

6        Dan l-appell ġie miċħud permezz tas-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2016, Ori Martin u SLM vs Il‑Kummissjoni (C‑490/15 P u C‑505/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:678).

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digriet ikkontestat

7        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑15 ta’ Novembru 2016, Ori Martin ippreżentat rikors għad-danni kontra l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, minħabba d-dannu li kienet ikkawżatilha s-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2016, Ori Martin u SLM vs Il‑Kummissjoni (C‑490/15 P u C‑505/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:678).

8        Permezz tad-digriet ikkontestat, il-Qorti Ġenerali, abbażi tal-Artikolu 126 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, ċaħdet dan ir-rikors bħala manifestament infondat fid-dritt.

9        Minn naħa, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punti 6 u 7 ta’ dak id-digriet, li t-talba mressqa mir-rikorrenti f’dik il-kawża kienet differenti minn dawk li setgħu jitressqu sabiex jinkiseb il-kumpens għad-dannu allegatament imġarrab minħabba tul eċċessiv tal-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni, li ma jinvolvux evalwazzjoni tal-fondatezza tal-evalwazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tal-Qorti Ġenerali fis-sentenzi jew digrieti tagħhom. Fil-fatt, skont il-Qorti Ġenerali, dik it-talba kienet intiża li tikkontesta l-evalwazzjoni dwar l-applikazzjoni, fil-konfront tar-rikorrenti, tal-preżunzjoni ta’ eżerċizzju ta’ influwenza determinanti fuq SLM, li tinsab fis-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2016, Ori Martin u SLM vs Il‑Kummissjoni (C‑490/15 P u C‑505/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:678).

10      Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 8 sa 10 tad-digriet ikkontestat, li huma biss it-talbiet u r-rikorsi msemmija fl-Artikoli 154, 155 u 157 sa 159 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jagħmel riferiment għalihom l-Artikolu 190(1) ta’ dawn l-istess regoli, li jistgħu jiġu ppreżentati kontra sentenza jew digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq appell. Hija speċifikat li dawn it-talbiet u dawn ir-rikorsi għandhom, barra minn hekk, jiġu ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja nfisha. Issa, skont il-Qorti Ġenerali, ir-rikors ippreżentat mir-rikorrenti la kien jidher li kien talba għal rettifika ta’ żball materjali, la kien jidher li kien talba għal rettifika għal nuqqas li tingħata deċiżjoni, la kien jidher li kien oppożizzjoni minn terz, u lanqas kien jidher li kien rikors għal reviżjoni, imsemmija fl-Artikoli 154, 155 u 157 sa 159 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

 It-talbiet tal-partijiet

11      Ori Martin titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tirriforma d-digriet ikkontestat;

–        tiddikjara u tikkonstata l-ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u, konsegwentement,

–        tikkundanna lill-Unjoni tikkumpensa d-dannu mġarrab, ikkwantifikat għal EUR 13.3 miljuni, jew kwalunkwe somma oħra li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis xierqa.

12      Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tiċħad l-appell u

–        tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

 Fuq l-appell

13      Ori Martin tinvoka żewġ aggravji bbażati fuq żnaturament tar-rikors tal-ewwel istanza u fuq żball ta’ liġi, rispettivament.

 L-argumenti tal-partijiet

14      Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti targumenta li l-Qorti Ġenerali żnaturat is-suġġett tat-talbiet għad-danni tagħha meta qieset, fil-punt 7 tad-digriet ikkontestat, li, permezz tar-rikors tagħha, hija kienet qiegħda tfittex li tikkontesta l-evalwazzjoni dwar l-applikazzjoni fil-konfront tagħha tal-preżunzjoni ta’ eżerċizzju ta’ influwenza determinanti fuq SLM, li tinsab fis-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2016, Ori Martin u SLM vs Il‑Kummissjoni (C‑490/15 P u C‑505/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:678). Fil-fatt, mir-rikors tal-ewwel istanza jirriżulta b’mod ċar li l-imsemmija talbiet kienu intiżi għall-kumpens għad-dannu kkawżat, mhux minn assenza ta’ fondatezza tal-imsemmija sentenza fuq dan il-punt, iżda minn nuqqas ta’ motivazzjoni peress li l-konvenuta ma speċifikatx il-motivi li jiġġustifikaw li, minkejja l-elementi invokati, l-imsemmija preżunzjoni ma hijiex ikkonfutata.

15      Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali llimitat b’mod żbaljat, fil-punti 8 sa 10 tad-digriet ikkontestat, is-sitwazzjonijiet ta’ irregolarità li jaffettwaw sentenza mogħtija mill-qorti tal-Unjoni, li jistgħu jagħtu lok għal dritt għal kumpens abbażi tal-Artikolu 47 tal-Karta, għall-każijiet biss ta’ tul eċċessiv tal-proċedura.

16      Bi tweġiba għall-ewwel aggravju invokat, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea targumenta li, sa fejn l-appellanti kienet qiegħda tfittex, permezz tar-rikors fl-ewwel istanza tagħha, li tikseb motivazzjoni li, skont din tal-aħħar, kienet nieqsa, il-Qorti Ġenerali qieset, ġustament, li r-rikors tagħha kien intiż li jikkontesta l-kontenut tal-imsemmija sentenza.

17      Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea titlob li ż-żewġ aggravji invokati u, għaldaqstant, l-appell kollu kemm hu, għandhom jiġu miċħuda.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

18      Fir-rigward tal-ewwel aggravju, għandu jitfakkar li, taħt piena li tonqos mid-dmirijiet tagħha, il-qorti tal-Unjoni għandha l-obbligu li teżamina d-diversi kapijiet ta’ talbiet u aggravji ppreżentati mill-appellanti, kif ifformulati fid-dokumenti tagħha, mingħajr ma tibdel la s-suġġett u lanqas is-sustanza tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 1994, Klinke vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, C‑298/93 P, EU:C:1994:273, punt 20).

19      F’dan il-każ, fil-punti 2, 6 u 7 tar-rikors tal-ewwel istanza, kien ippreċiżat li l-irregolarità allegata kienet ibbażata fuq il-fatt li r-rikorrenti ma kinitx tqiegħdet f’pożizzjoni li tifhem ir-raġunijiet li għalihom ġiet imposta sanzjoni fuqha, fatt li kien ċaħħadha mill-possibbiltà li tevita li tiġi ssanzjonata mill-ġdid.

20      Fil-punt 22 tal-imsemmi rikors, ġie miżjud li “billi ma indikatx fil-punti 53 sa 72 tas-sentenza tagħha tal‑14 ta’ Settembru 2016[, Ori Martin u SLM vs Il‑Kummissjoni (C‑490/15 P u C‑505/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:678),] il-motivi li jiġġustifikaw iċ-ċaħda tal-preċiżjonijiet ta’ fatt magħmula mir-rikorrenti preżenti […], il-[konvenuta kienet] kisret l-Artikolu 47 tal-Karta, sa fejn hija [ma kinitx ippermettitilha] li jkollha smigħ xieraq, li abbażi tiegħu l-persuna kkundannata jew issanzjonata għandha tkun taf għal liema raġunijiet reali hija kienet ġiet ikkundannata jew issanzjonata u dak li konkretament hija kkritikata għalih”.

21      Fil-punti 25 sa 28 tal-istess rikors, ġie argumentat, fir-rigward tar-regola li l-ksur tagħha, f’dak il-każ, kien jagħti dritt għal kumpens, minn naħa, li “jeżistu motivi raġonevoli sabiex jitqies li l-Artikolu 47 tal-Karta jiġi miksur kull darba li qorti tiegħu miżura li ma tippermettix lil persuna tifhem b’mod ċar u oġġettivament il-motivi li ġiet issanzjonata għalihom u dak li konkretament hija kkritikata għalih” u, min-naħa l-oħra, li “l-obbligu għall-istituzzjonijiet ġudizzjarji li jiżguraw id-dritt għal smigħ xieraq jeżiġi li, skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, is-sentenzi għandhom dejjem jesponu l-motivi konkreti li dawn ġew adottati abbażi tagħhom u, preliminarjament, il-fatti preċiżi kkritikati”.

22      Fil-punti 30 sa 43 tar-rikors tal-ewwel istanza, ġie rripetut li, f’dak il-każ, l-illegalità tal-aġir ikkritikat kienet tirriżulta mill-fatt li “[l-] ispjegazzjoni pprovduta mill-[konvenuta] fis-sentenza kkontestata [kienet tipprekludiha] […] milli tifhem konkretament għaliex hija [kienet] inżammet responsabbli għan-nuqqas imwettaq minn SLM u [kienet] tipprekludiha milli tifhem għaliex il-karatteristiċi tagħha – minkejja li ġew żvelati ‑ ma [kinux] tqisu bħala ta’ natura li jikkonfutaw il-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza determinanti fuq SLM”.

23      Madankollu, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 7 tad-digriet ikkontestat, li r-rikorrenti kienet qiegħda tfittex, permezz tar-rikors tagħha, li tikkontesta l-evalwazzjoni dwar l-applikazzjoni fil-konfront tagħha tal-preżunzjoni ta’ eżerċizzju ta’ influwenza determinanti fuq SLM, li tinsab fis-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2016, Ori Martin u SLM vs Il‑Kummissjoni (C‑490/15 P u C‑505/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:678), filwaqt li, hekk kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-irregolarità invokata mir-rikorrenti kienet ibbażata fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u għaldaqstant fuq ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali, b’mod illi l-Qorti Ġenerali żnaturat is-suġġett tal-uniku kap ta’ talbiet għad-danni invokat mir-rikorrenti fl-ewwel istanza u għaldaqstant ma tatx deċiżjoni valida fuqu.

24      Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, jekk il-motivi ta’ sentenza tal-Qorti Ġenerali juru ksur tad-dritt tal-Unjoni, filwaqt li d-dispożittiv tagħha jidher fondat minħabba motivi ta’ dritt oħrajn, l-appell għandu jiġi miċħud (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2013, Rintisch vs UASI, C‑121/12 P, EU:C:2013:639, punt 35).

25      Issa, l-allegata irregolarità invokata fl-ewwel istanza ma hijiex stabbilita.

26      Fil-fatt, hemm lok jiġi rrilevat li, minn naħa, l-obbligu ta’ motivazzjoni ma jimponix fuq il-qorti tal-Unjoni l-obbligu li tipprovdi spjegazzjoni li ssegwi, b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed, ir-raġunamenti kollha magħmula mill-partijiet fil-kawża u li l-motivazzjoni tista’ għaldaqstant tkun impliċita, bil-kundizzjoni li tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu r-raġunijiet għalfejn hija ma laqgħetx l-argumenti tagħhom (sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2012, Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej vs Il‑Kummissjoni, C‑422/11 P u C‑423/11 P, EU:C:2012:553, punt 48). Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 256(1) TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 59 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, appell huwa limitat għall-kwistjonijiet ta’ liġi.

27      Barra minn hekk, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2016, Ori Martin u SLM vs Il‑Kummissjoni (C‑490/15 P u C‑505/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:678), sabiex ir-rikorrenti tkun tista’ tkun taf ir-raġunijiet li għalihom il-konvenuta qieset li l-Qorti Ġenerali ma kinitx wettqet żball ta’ liġi meta rrifjutat, minkejja l-elementi invokati mir-rikorrenti, li tikkonfuta l-preżunzjoni ta’ eżerċizzju ta’ influwenza determinanti fuq SLM u, għaldaqstant, sabiex tissodisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, kien biżżejjed li l-konvenuta tfakkar il-prinċipju ġuridiku li abbażi tiegħu hija qieset li l-Qorti Ġenerali setgħet validament tqis li l-elementi invokati ma kinux ta’ natura li jikkonfutaw l-imsemmija preżunzjoni.

28      Issa, il-konvenuta ssodisfat dan l-obbligu sew. Fil-fatt, fil-punt 60 tas-sentenza tagħha tal‑14 ta’ Settembru 2016, Ori Martin u SLM vs Il‑Kummissjoni (C‑490/15 P u C‑505/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:678), il-Qorti tal-Ġustizzja indikat, minn naħa, li hija ġurisprudenza stabbilita li, sabiex jiġi vverifikat jekk sussidjarja tiddeterminax b’mod awtonomu l-aġir tagħha fis-suq, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha relatati mar-rabtiet ekonomiċi, organizzazzjonali u ġuridiċi li jgħaqqdu din is-sussidjarja mal-kumpannija omm, li jistgħu jvarjaw skont il-każ u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni tista’ timponi multi fuq kumpannija omm meta din u s-sussidjarja tagħha jagħmlu parti minn impriża waħda, fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE, mingħajr ma jkunu meħtieġa relazzjoni ta’ instigazzjoni relatata mal-ksur bejn il-kumpannija omm u s-sussidjarja u lanqas, a fortiori, involviment tal-ewwel waħda f’dan il-ksur.

29      Minn dan isegwi li l-allegata irregolarità invokata mir-rikorrenti fl-ewwel istanza, kif esposta fir-rikors tagħha fl-ewwel istanza, ma kinitx stabbilita u li, konsegwentement, id-dispożittiv tad-digriet ikkontestat, kif imsemmi fil-punt 8 ta’ din is-sentenza, għandu jitqies bħala ġġustifikat.

30      Konsegwentement, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.

31      F’dak li jirrigwarda t-tieni aggravju, għandu jitfakkar li dan huwa bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-uniċi irregolaritajiet li jaffettwaw sentenza mogħtija mill-qorti tal-Unjoni u li jistgħu jagħtu lok għal dritt għal kumpens huma dawk relatati mat-tul eċċessiv tal-proċedura.

32      F’dan ir-rigward, hemm lok, madankollu, li jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-aggravji mqajma fil-kuntest ta’ appell, li huma diretti kontra motivi li ma jikkostitwixxux il-bażi essenzjali tad-dispożittiv tas-sentenza jew tad-digriet ikkontestati huma ineffettivi u għaldaqstant għandhom jiġu miċħuda (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑12 ta’ Frar 2003, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, C‑399/02 P(R), EU:C:2003:90, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Issa, għandu jiġi kkonstatat li, sa fejn l-allegata irregolarità li hija vvizzjata biha s-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2016, Ori Martin u SLM vs Il‑Kummissjoni (C‑490/15 P u C‑505/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:678), ma hijiex stabbilita, bl-ebda mod ma kien neċessarju, għall-Qorti Ġenerali, li tiddeċiedi fuq il-konsegwenzi eventwali tal-irregolaritajiet li jivvizzjaw sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq ir-responsabbiltà tal-Unjoni.

34      Peress li l-kunsiderazzjonijiet invokati fil-punt 31 ta’ din is-sentenza għaldaqstant ma jikkostitwixxux il-bażi essenzjali tad-dispożittiv tad-digriet ikkontestat, it-tieni aggravju għandu jiġi ddikjarat ineffettiv u, konsegwentement, miċħud.

35      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

36      Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

37      Peress li l-appellata talbet li l-appellanti tiġi kkundannata għall-ispejjeż u peress li l-appellanti tilfet, hemm lok li l-appellanti tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk tal-appellata.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Ori Martin SA għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess u dawk sostnuti mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.


i Fin-numerazzjoni tal-paragrafu 2 ta’ dan it-test saret modifika, wara li kien tqiegħed online għall-ewwel darba.