Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Arbritral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa - CAAD) (il-Portugall) fl-24 ta’ Jannar 2019 – Vodafone Portugal - Communicações Pessoais, SA vs Autoridade Tributária e Aduaneira

(Kawża C-43/19)

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Qorti tar-rinviju

Tribunal Arbritral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa – CAAD)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Vodafone Portugal – Communicações Pessoais, SA

Konvenuta: Autoridade Tributária e Aduaneira

Domandi preliminari

L-Artikoli 2(1)(c), 9, 24, 72 u 73 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 [dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud], għandhom jiġu interpretati fis-sens li jkun hemm provvista ta’ servizzi suġġetta għall-VAT fil-każijiet fejn operatur ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jiġbor mill-ex klijenti tiegħu (li lilhom kien ta vantaġġi promozzjonali bħall-offerta tal-ispejjeż ta’ installazzjoni, attivazzjoni tas-servizz, portabbiltà, tagħmir jew kundizzjonijiet tariffarji speċjali, bħala korrispettiv għall-impenn minn dawn tal-aħħar għal perijodu ta’ fedeltà, iżda li ma osservawx għal raġuni attribwibbli lilhom), ammont li, b’impożizzjoni legali, ma jistax jeċċedi l-ispejjeż li l-fornitur inkorra bl-installazzjoni tal-operazzjoni u li għandu jkun proporzjonali għall-vantaġġ li ngħata lill-klijent u li ġie identifikat u kkwantifikat bħala tali fil-kuntratt iffirmat, fejn konsegwentement is-somma tal-valur tas-servizzi mħallsa ma setgħetx tiġi awtomatikament ikkorrisposta mad-data ta’ waqfien tas-servizz?

Fid-dawl tar-regoli indikati, il-fatt li l-klassifikazzjoni tal-imsemmija ammonti bħala korrispettiv ta’ provvista ta’ servizzi tirrikjedi li dawn jintalbu wara li l-kuntratti jiġu tterminati jipprekludi tali klassifikazzjoni, meta l-operatur ma jkunx ipprovdielhom servizz u ma jkunx jeżisti att ta’ konsum konkret wara li l-kuntratti jkunu ġew xolti?

Fid-dawl tar-regoli indikati, il-klassifikazzjoni tal-imsemmi ammont bħala korrispettiv ta’ provvista ta’ servizzi għandha tiġi eskluża minħabba l-fatt li l-operatur u l-ex klijenti tiegħu, minħabba dispożizzjoni legali espliċita, kellhom preċedentement jiddefinixxu fl-ambitu ta’ kuntratt ta’ sottoskrizzjoni, il-formola ta’ kalkolu tal-ammont li suppost huwa dovut mill-ex klijenti, fil-każ li dawn ma kellhomx jaderixxu għall-perijodu ta’ fedeltà stipulat fil-kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi?

Fid-dawl tar-regoli indikati, il-klassifikazzjoni tal-imsemmi ammont bħala korrispettiv ta’ provvista ta’ servizzi fil-każijiet fejn l-ammont inkwistjoni ma jikkorrispondix mal-ammont li l-operatur suppost irċieva fil-kumplament tal-imsemmi perijodu ta’ fedeltà għandha tiġi eskluża fil-każ fejn ma jkunx ġie vverifikat li l-imsemmi kuntratt ikun ġie xolt?

____________