Language of document :

Rikors ippreżentat fil-5 ta' Awwissu 2010 - Lunetta vs Il-Kummissjoni

(Kawża F-63/10)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Calogero Lunetta (Brussell, il-Belġju) (rappreżentanti: L. Levi u C. Christophe Bernard-Glanz, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Suġġett u deskrizzjoni tal-kawża

L-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni ta' għeluq tal-proċedura miftuħa taħt l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal wara l-inċident tar-rikorrent tat-13 ta' Awwissu 2001 li rrikonoxxiet fir-rigward tiegħu rata ta' invalidità permanenti parzjali ta' 6 % u l-kundanna tal-konvenuta sabiex tħallas lir-rikorrent ammont għad-danni.

Talbiet tar-rikorrent

Tiddikjara r-rikors preżenti ammissibbli;

jekk ikun il-każ, tistieden lill-konvenuta tippreżenta d-deċiżjoni adottata mill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea sabiex taħtar it-tielet tabib tal-kummissjoni medika;

jekk ikun il-każ, tistieden lill-konvenuta tippreżenta kopja tad-dokumenti tal-fajl miftuħ taħt in-numru 10006353;

tannulla d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tat-28 ta' Ottubru 2009 ta' għeluq tal-proċedura miftuħa fuq il-bażi tal-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal wara inċident tar-rikorrent tat-13 ta' Awwissu 2001 u li rrikonoxxiet fir-rigward tiegħu rata ta' invalidità permanenti parzjali ta' 6 % u, jekk ikun meħtieġ, id-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li tiċħad l-ilment;

konsegwentement, tordna li ssir valutazzjoni tar-rata ta' invalidità permanenti parzjali fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni u tat-tabella ta' valutazzjoni fis-seħħ fil-jum tal-inċident u sal-1 ta' Jannar 2006, li jerġa' jsir l-eżami tat-talba mressqa mir-rikorrent skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal minn kummissjoni medika komposta b'mod imparzjali u newtrali li tista' taħdem malajr, b'indipendenza totali u mingħajr preġudizzju;

tikkundanna lill-konvenuta tħallas id-danni, stabbiliti ex aequo et bono għal EUR 50 000 (ħamsin elf Euro) għad-danni morali subiti minħabba d-deċiżjonijiet ikkontestati;

tikkundanna lill-konvenuta tħallas id-danni, stabbiliti provviżorjament għal EUR 25 000 (ħamsa u għoxrin elf Euro) għad-danni materjali subiti minħabba d-deċiżjonijiet ikkontestati;

tikkundanna lill-konvenuta tħallas l-interessi moratorji fuq il-kapital dovut skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal bir-rata ta' 12 % fuq perijodu li beda l-iktar tard fit-13 ta' Awwissu 2002 sal-ħlas sħiħ tal-kapital;

f'kull każ, tikkundanna lill-konvenuta għal ħlas tad-danni, stabbiliti ex aequo et bono għal EUR 50 000 (ħamsin elf Euro) għad-dannu subit minħabba l-ksur tat-teminu raġonevoli;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

____________