Language of document : ECLI:EU:C:2019:237

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

21 ta’ Marzu 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KE) Nru 1370/2007 – Servizzi pubbliċi ta’ trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq – Artikolu 5 – Għoti ta’ kuntratti għal servizzi pubbliċi – Artikolu 5(2) – Għoti dirett – Kunċett ta’ ‘operatur intern’ – Awtorità li teżerċita kontroll simili – Article 8(2) – Sistema tranżitorja – Terminu ta’ skadenza tal-għoti dirett”

Fil-kawżi magħquda C‑350/17 u C‑351/17,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), permezz ta’ deċiżjonijiet tas‑6 ta’ April 2017, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ Ġunju 2017, fil-proċeduri

Mobit Soc. cons. arl

vs

Regione Toscana,

fil-preżenza ta’:

Autolinee Toscane SpA,

Régie Autonome des Transports Parisiens (RATP) (C‑350/17),

u

Autolinee Toscane SpA

vs

Mobit Soc. cons. arl,

fil-preżenza ta’:

Regione Toscana,

Régie Autonome des Transports Parisiens (RATP) (C‑351/17),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tas-Seba’ Awla, li qed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, K. Jürimäe, C. Lycourgos, E. Juhász (Relatur) u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑21 ta’ Ġunju 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Mobit Soc. cons. arl, minn P. L. Santoro, A. Bianchi, M. Siragusa, P. Merlino u M. Malena, avvocati,

–        għal Autolinee Toscane SpA, minn M. Lombardo, G. Mazzei u G. Morbidelli, avvocati,

–        għar-Regione Toscana, minn L. Bora, L. Caso, S. Fidanzia u A. Gigliola, avvocati,

–        għar-Régie Autonome des Transports Parisiens (RATP), minn S. Macchi di Cellere, avvocato, kif ukoll minn P. Delelis u E. Morgan de Rivery, avocats,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn F. Sclafani, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas, P. Dodeller, E. de Moustier u C. David, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, M. Figueiredo u P. Leitão, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Gattinara u W. Mölls, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑25 ta’ Ottubru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70 (ĠU 2007, L 315, p. 1).

2        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tilwim bejn, minn naħa, Mobit Soc. cons. arl, konsorzju li jiġbor diversi impriżi li joperaw fis-settur tat-trasport, u r-Regione Toscana (ir-Reġjun ta’ Toscana, l-Italja) u, min-naħa l-oħra, Autolinee Toscane SpA u Mobit dwar l-għoti, permezz ta’ aġġudikazzjoni, lil Autolinee Toscane ta’ kuntratt ta’ konċessjoni għal servizzi tat-trasport pubbliku lokali.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessa 31 tar-Regolament Nru 1370/2007 tistipula:

“Ġaladarba l-awtoritajiet kompetenti u l-operaturi jeħtieġu ż-żmien biex jadattaw għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, jeħtieġ li jsir provvediment għal arranġamenti tranżitorji. Bil-ħsieb ta’ għoti gradwali ta’ kuntratti għal servizz pubbliku b’mod konformi ma’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b’rapport ta’ progress fi żmien sitt xhur wara l-ewwel nofs tal-perijodu ta’ transizzjoni. Il-Kummissjoni tista’ tipproponi miżuri xierqa abbażi ta’ dawn ir-rapporti.”

4        L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jiddisponi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

(a)      ‘trasport pubbliku għall-passiġġieri’ tfisser servizzi tat-trasport tal-passiġġieri ta’ interess ekonomiku ġenerali pprovduti lill-pubbliku fuq bażi non-diskriminatorja u kontinwa;

(b)      ‘awtorità kompetenti’ tfisser kwalunkwe awtorità pubblika jew grupp ta’ awtoritajiet pubbliċi ta’ Stat Membru jew Stati Membri li għandhom is-setgħa jintervjenu fit-trasport pubbliku għall-passiġġieri f’żona ġeografika partikolari, jew kwalunkwe korp li ngħata tali awtorità;

(c)      ‘awtorità lokali kompetenti’ tfisser kwalunkwe awtorità kompetenti li ż-żona ġeografika ta’ kompetenza tagħha mhix nazzjonali;

[…]

(f)      ‘dritt esklussiv’ tfisser dritt li jintitola operatur ta’ servizz pubbliku biex iħaddem ċerti servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri fuq rotta jew rettikolat partikolari jew f’żona partikolari, bl-esklużjoni ta’ tali operatur ieħor;

[…]

(h)      ‘għotja diretta’ tfisser l-għotja ta’ kuntratt għal servizz pubbliku lil operatur partikolari ta’ servizz pubbliku mingħajr proċedura ta’ sejħa kompetittiva għal offerti minn qabel;

(i)      ‘kuntratt għal servizz pubbliku’ tfisser att wieħed jew iktar li jorbtu legalment li jikkonfermaw il-ftehim bejn awtorità kompetenti u operatur ta’ servizz pubbliku biex jafdaw lil dak l-operatur ta’ servizz pubbliku bil-ġestjoni u l-operat ta’ servizzi tat-trasport pubbliku għall-passiġieri soġġetti għall-obbligi ta’ servizz pubbliku; skond il-liġijiet ta’ l-Istati Membri, il-kuntratt jista’ jikkonsisti wkoll f’deċiżjoni adottata mill-awtorità kompetenti:

–        li tieħu l-forma ta’ att leġislattiv jew regolatorju individwali, jew

–        li fiha kondizzjonijiet li taħthom l-awtorità kompetenti nnifisha tipprovdi s-servizzi jew tafda l-forniment ta’ tali servizzi lil operatur intern;

(j)      ‘operatur intern’, tfisser entità ġuridikament distinta li fuqha l-awtorità lokali kompetenti, jew fil-każ ta’ grupp ta’ awtoritajiet mill-inqas awtorità lokali kompetenti waħda, teżerċita kontroll simili għal dak eżerċitat fuq id-dipartimenti tagħha stess;

[…]”

5        L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, intitolat “Kuntratti għal servizz pubbliku u regoli ġenerali”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Meta awtorità kompetenti tiddeċiedi li tagħti lill-operatur magħżul minnha dritt esklussiv u/jew kumpens, ta’ kwalunkwe tip, bi tpattija għat-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, għandha tagħmel dan fi ħdan il-qafas ta’ kuntratt għal servizz pubbliku.”

6        L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1370/2007, dwar il-“Kontenut mandatorju tal-kuntratti għal servizz pubbliku u tar-regoli ġenerali”, jiddisponi, fil-paragrafi 3 u 4 tiegħu:

“3.      It-tul ta’ żmien tal-kuntratti għal servizz pubbliku għandu jkun limitat u m’għandux jeċċedi għaxar snin għas-servizzi tal-kowċ u tax-xarabank […].

4.      Jekk meħtieġ, b’kont meħud tal-kondizzjonijiet tad-deprezzament ta’ l-assi, it-tul ta’ żmien tal-kuntratt għal servizz pubbliku jista’ jiġi estiż b’massimu ta’ 50 % jekk l-operatur ta’ servizz pubbliku jipprovdi assi li jkunu kemm sinifikanti fir-rigward ta’ l-assi kollha meħtieġa għat-twettiq tas-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri koperti mill-kuntratt għal servizz pubbliku kif ukoll marbuta b’mod predominanti mas-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri koperti mill-kuntratt.

Jekk iġġustifikat mill-ispejjeż li jirriżultaw mis-sitwazzjoni ġeografika partikolari, it-tul tal-kuntratti għal servizz pubbliku speċifikati fil-paragrafu 3 fir-reġjuni l-iktar imbegħda jista’ jiġi estiż b’massimu ta’ 50 %.

Jekk iġġustifkat bl-ammortizzazzjoni tal-kapital fir-rigward ta’ investiment ta’ infrastruttura eċċezzjonali, rolling stock jew investiment f’vetturi u jekk il-kuntratt għal servizz pubbliku jingħata fi proċedura ġusta ta’ sejħa għal offerta kompetittiva, kuntratt għal servizz pubbliku jista’ jkollu tul ta’ żmien itwal. Biex tiġi żgurata t-trasparenza f’dan il-każ, l-awtorità kompetenti għandha tikkomunika lill-Kummissjoni fi żmien sena mill-konklużjoni tal-kuntratt, il-kuntratt għal servizz pubbliku u l-elementi li jiġġustifikaw it-tul ta’ żmien itwal tiegħu.”

7        Skont l-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, intitolat “L-għoti ta’ kuntratti għal servizz pubbliku”:

“1.      Kuntratti għal servizz pubbliku għandhom jingħataw skond ir-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament. […]

2.      Sakemm mhux projbit mil-liġi nazzjonali, kwalunkwe awtorità lokali kompetenti, kemm jekk hi awtorità individwali jew grupp ta’ awtoritajiet li jipprovdu servizzi integrati għat-trasport pbbliku għall-passiġġieri u kemm jekk le, tista’ tiddeċiedi li tipprovdi servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri hija nfisha jew tagħti kuntratti għal servizz pubbliku direttament lill-entità ġuridikament distinta li fuqha l-awtorità lokali kompetenti, jew fil-każ ta’ grupp ta’ awtorijajiet mill-anqas awtorità lokali kompetenti waħda, teżerċità kontroll simili għal dak eżerċitat fuq id-dipartimenti tagħha stess. Fejn awtorità lokali kompetenti tieħu tali deċiżjoni, għandu japplika dan li ġej:

(a)      sabiex jiġi determinat jekk l-awtorità lokali kompetenti teżerċitax tali kontroll, fatturi bħal ma huma l-grad ta’ rappreżentazjoni fuq korpi amministrattivi, ta’ ġestjoni jew superviżorji, l-ispeċifikazzjonijiet relatati ma’ dan fl-artikoli ta’ assoċjazzjoni, il-proprjetà, l-influwenza effettiva u l-kontroll fuq deċiżjonijiet strateġiċi u fuq deċiżjonijiet individwali ta’ ġestjoni. Skond il-liġi Komunitarja, proprjetà ta’ 100 % mill-awtorità pubblika kompetenti, b’mod partikolari fil-każ ta’ sħubiji pubbliċi-privati, m’hix ħtieġa mandatorja għall-istabbiliment ta’ kontroll fit-tifsira ta’ dan il-paragrafu, sakemm hemm influenza pubblika dominanti u jista’ jiġi stabbilit kontroll abbażi ta’ kriterji oħrajn;

(b)      il-kondizzjoni biex jiġi applikat dan il-paragrafu hija li l-operatur intern u kwalunkwe entità li fuqha dan l-operatur jeżerċita influwenza anke minima jwettqu l-attività pubblika kollha tiegħu tat-trasport ta’ passiġġieri fit-territorju ta’ l-awtorità lokali kompetenti, minkejja kwalunkwe linji ħerġin jew elementi anċillari oħra ta’ dik l-attività li jidħlu fit-territorju ta’ awtoritajiet lokali kompetenti ġirien, u ma jieħdux sehem f’sejħiet kompetittivi għal offerti rigward il-forniment ta’ servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri organizzati barra mit-territorju ta’ l-awtorità lokali kompetenti;

(ċ)      minkejja l-punt (b), operatur intern jista’ jieħu sehem f’sejħiet għall-offerti ġusti u kompetittivi minn sentejn qabel it-tmiem tal-kuntratt għal servizz pubbliku mogħti lilu direttament taħt il-kondizzjoni li deċiżjoni finali tkun ittieħdet li s-servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri koperti minn kuntratt ta’ operatur intern jiġu suġġetti għal sejħa għall-offerti ġusta u kompetittiva u li l-operatur intern ma jkun ikkonkluda l-ebda kuntratt għal servizz pubbliku ieħor mogħti direttament;

(d)      fin-nuqqas ta’ awtorità lokali kompetenti, il-punti 2(a), (b) u (ċ) għandhom japplikaw għal awtorità nazzjonali għall-benefiċċju ta’ żona geografika li mhijiex nazzjonali, dment li l-operatur intern ma jieħux sehem f’sejħiet kompetittivi għal offerti rigward il-forniment ta’ servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri organizzati barra miż-żona li għalihom ikun ingħata l-kuntratt għal servizz pubbliku;

[…]

3.      Kwalunkwe awtorità kompetenti li tirrikorri għal parti terza minbarra operatur intern, għandha tagħti kuntratti għal servizz pubbliku abbażi ta’ sejħa kompetittiva għal offerti, ħlief fil-każijiet speċifikati fil-paragrafi, 4, 5 u 6. Il-proċedura adottata għas-sejħa kompetittiva għal offerti għandha tkun miftuħa għall-operaturi kollha, għandha tkun ġusta u għandha tirrispetta l-prinċipji tat-trasparenza u tan-non-diskriminazzjoni. Wara s-sottomissjoni ta’ offerti u kwalunkwe preselezzjoni, il-proċedura tista’ tinvolvi negozjati skond dawn il-prinċipji sabiex jiġi determinat l-aħjar mod biex jintlaħqu ħtiġiet speċifiċi jew kumplessi.

[…]”

8        L-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament, intitolat “Tranżizzjoni”, jiddisponi:

“1.      Kuntratti għal servizz pubbliku għandhom jingħataw skond ir-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament. Madankollu, kuntratti ta’ servizzi jew kuntratti għal servizz pubbliku, kif definiti fid-Direttivi [2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta’ l-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 19)] jew [2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132)], għal servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri bix-xarabank jew bit-tram għandhom jingħataw skond il-proċeduri previsti f’dawk id-Direttivi fejn tali kuntratti ma jieħdux il-forma ta’ kuntratti ta’ konċessjonijiet ta’ servizz kif definit f’dawk id-Direttivi. Fejn kuntratti jridu jiġu mogħtija skond id-Direttivi 2004/17/KE jew 2004/18/KE, id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2 sa 4 ta’ dan l-Artikolu m’għandhomx japplikaw.

2.      Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, l-għoti ta’ kuntratti għal servizz pubbliku bil-ferrovija u bit-triq għandu jikkonforma ma’ l-Artikolu 5 mit‑3 ta’ Diċembru 2019. Matul dan il-perijodu ta’ transizzjoni l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jikkonformaw gradwalment ma’ l-Artikolu 5 sabiex jevitaw problemi strutturali serji b’mod partikolari relatati mal-kapaċità tat-trasport.

Fi żmien sitt xhur wara l-ewwel nofs tal-perijodu ta’ transizzjoni l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni rapport ta’ progress, li jenfasizza l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe għoti gradwali ta’ kuntratti għal servizz pubbliku skond l-Artikolu 5. Abbażi tar-rapporti ta’ progress ta’ l-Istati Membri, il-Kummissjoni tista’ tipproponi miżuri xierqa ndirizzati lill-Istati Membri.

3.      Fl-applikazzjoni tal-paragrafu 2, m’għandux jittieħed kont tal-kuntratti għal servizz pubbliku mogħtija skond id-dritt Komunitarju u nazzjonali:

(a)      qabel is‑26 ta’ Lulju 2000 abbażi ta’ proċedura ġusta u kompetittiva ta’ sejħiet għall-offerti;

(b)      qabel is‑26 ta’ Lulju 2000 abbażi ta’ proċedura li mhijiex proċedura ġusta u kompetittiva ta’ sejħiet għall-offerti;

(ċ)      mis‑26 ta’ Lulju 2000 u qabel it‑3 ta’ Diċembru 2009 abbażi ta’ proċedura ġusta u kompetittiva ta’ sejħiet għall-offerti;

(d)      mis‑26 ta’ Lulju 2000 u qabel it‑3 ta’ Diċembru 2009 abbażi ta’ proċedura li mhijiex proċedura ġusta u kompetittiva ta’ sejħiet għall-offerti.

Il-kuntratti msemmija f’(a) jistgħu jibqgħu fis-seħħ sakemm jiskadu. Il-kuntratti msemmija f’(b) u (ċ) jistgħu jibqgħu fis-seħħ sakemm jiskadu, iżda għal mhux għal aktar minn 30 sena. Il-kuntratti msemmija f’(d) jistgħu jibqgħu sakemm jiskadu, kemm-il darba jkollhom tul ta’ żmien limitat meta mqabbel mat-tul ta’ żmien speċifikat fl-Artikolu 4.

Kuntratti għal servizz pubbliku jistgħu jibqgħu fis-seħħ sakemm jiskadu jekk it-tmiem tagħhom ikun ifisser konsegwenzi legali jew ekonomiċi eċċessivi u dment li l-Kummissjoni tkun tat l-approvazzjoni tagħha.

4.      Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu, fit-tieni nofs tal-perijodu ta’ transizzjoni speċifikat fil-paragrafu 2, li jeskludu mill-parteċipazzjoni fl-għoti ta’ kuntratti permezz ta’ sejħiet għal offerti lil dawk l-operaturi ta’ servizz pubbliku li ma jistgħux jipprovdu evidenza li l-valur tas-servizzi pubbliċi tat-trasport li għalih qed jirċievu kumpens jew jibbenefikaw minn dritt esklussiv mogħti skond dan ir-Regolament jirrappreżenta mill-anqas nofs il-valur tas-servizzi pubbliċi tat-trasport kollha li għalihom qed jirċievu kumpens jew qed jibbenefikaw minn dritt esklussiv. Tali esklużjoni m’għandhiex tapplika għal operaturi ta’ servizz pubbliku li joffru s-servizzi li għalihom għandha ssir sejħa għall-offerti. Għall-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju, ma għandhomx jitqiesu l-kuntratti għal servizz pubbliku li jkunu ngħataw bħala miżura ta’ urġenza kif imsemmi fl-Artikolu 5(5).

Meta l-awtoritajiet kompetenti jagħmlu użu mill-għażla msemmija fl-ewwel subparagrafu, dawn għandhom jagħmlu dan mingħajr diskriminazzjoni, jeskludu l-operaturi ta’ servizz pubbliku kollha potenzjali li jissodisfaw dan il-kriterju u jinfurmaw lill-operaturi potenzjali bid-deċiżjoni tagħhom fil-bidu tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratti għal servizz pubbliku.

L-awtoritajiet kompetenti kkonċernati għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li japplikaw din id-dispożizzjoni mill-inqas xahrejn qabel il-pubblikazzjoni tas-sejħa għall-offerti.”

9        Skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1370/2007, dan jidħol fis-seħħ fit‑3 ta’ Diċembru 2009.

10      Ir-Regolament Nru 1370/2007 ġie emendat bl-Artikolu 1(9)(a) tar-Regolament (UE) 2016/2338 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Diċembru 2016 (ĠU 2016, L 354, p. 22) li daħal fis-seħħ fl‑24 ta’ Diċembru 2017, u li madankollu ma japplikax għall-kawża prinċipali. L-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1370/2007, kif emendat, jiddisponi:

“Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3,

i)      L-Artikolu 5 għandu japplika għall-għoti ta’ kuntratti pubbliku għal servizzi għat-trasport tal-passiġġieri bit-triq u b’mezzi oħra fuq binarji minbarra l-ferrovija, bħall-metro jew il-linji tat-tramm mit‑3 ta’ Diċembru 2019.

[…]

Sat‑2 ta’ Diċembru 2019, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex gradwalment jikkonformaw mal-Artikolu 5 sabiex jevitaw problemi strutturali serji f’mod partikolari rigward il-kapaċità tat-trasport.

[…]”

 Id-dritt Taljan

11      L-Artikolu 18(1) tad-decreto legislativo n. 422 – Conferimento alle regioni ed agli enti locali di funzioni e compiti in materia di trasporto pubblico locale, a norma dell’articolo 4, comma 4, della legge 15 marzo 1997, n. 59 (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 422, dwar l-għoti lir-reġjuni u lill-amministrazzjonijiet lokali ta’ funzjonijiet u missjonijiet fil-qasam tat-trasport pubbliku lokali skont l-Artikolu 4(4) tal-Liġi Nru 59, tal‑15 ta’ Marzu 1997), tad‑19 ta’ Novembru 1997 (GURI Nru 287, tal‑10 ta’ Diċembru 1997, p. 4), huwa intiż li jeskludi, kemm jista’ jkun, l-għotjiet diretti tas-servizzi tat-trasport reġjonali u lokali, minħabba li ġeneralment tali għotjiet jippreġudikaw it-trasparenza u l-effikaċja tas-suq u, għal dan l-għan, jimponi tul ta’ żmien ta’ mhux iktar minn disa’ snin fuq il-kuntratti għal servizzi, kif ukoll l-osservanza ta’ kriterji ta’ ekonomija u effikaċja.

12      L-Artikolu 18(2) ta’ dan id-Digriet Leġiżlattiv għandu l-istess għan, billi jillimita l-parteċipazzjoni fil-proċeduri ta’ sejħiet għal offerti tal-entitajiet li jkunu bbenefikaw minn għotjiet diretti preċedenti jew billi jippermettihom jipparteċipaw biss meta dawn l-entitajiet ikunu qed josservaw il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 5 u fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1370/2007.

13      Skont l-Artikolu 18(2)A(a) tal-imsemmi Digriet Leġiżlattiv, “[i]l-kumpanniji kif ukoll il-kumpanniji omm tagħhom, il-kumpanniji membri tal-istess grupp u s-sussidjarji li, fl-Italja jew barra mill-pajjiż, jibbenefikaw minn għoti ta’ kuntratti mhux konformi mad-dispożizzjonijiet konġunti tal-Artikoli 5 u 8(3) tar-[Regolament Nru 1370/2007] u li t-terminu tagħhom jestendi għal wara t‑3 ta’ Diċembru 2019 ma jistgħu jipparteċipaw f’ebda proċedura għall-għoti ta’ servizzi, anki jekk diġà mnedija. L-esklużjoni ma tapplikax għall-impriżi li ngħataw kuntratt ta’ servizzi li kien huwa stess is-suġġett tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti”.

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

14      Permezz ta’ avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil‑5 ta’ Ottubru 2013, ir-Regione Toscana bdiet proċedura intiża għall-għoti ta’ kuntratt ta’ konċessjoni għal servizzi pubbliċi ta’ trasport lokali fit-territorju tagħha. Skont dan l-avviż, it-tul ta’ din il-konċessjoni kellu jkun ta’ 108 xahar u l-għan tagħha kellu jikkorrispondi għal 90 000 000 km kull sena ta’ trasport lokali bil-karozzi tal-linja (b’possibbiltà ta’ varjazzjoni ta’ madwar 20 %).

15      Stediniet għal offerta ntbagħtu lill-uniċi żewġ entitajiet li kienu wrew l-interess tagħhom li jipparteċipaw fil-proċedura, jiġifieri Mobit u Autolinee Toscane.

16      Mobit huwa grupp Taljan ta’ kumpanniji, li jiġbor flimkien diversi impriżi li joperaw fis-settur tat-trasport.

17      Mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li Autolinee Toscane, kumpannija stabbilita fl-Italja, hija 100 % sussidjarja ta’ RATP Dev SA u ta’ RATP Dev Italia Srl, kumpanniji li huma stess huma kompletament ikkontrollati mir-Régie Autonome des Transports Parisiens (RATP). Ir-RATP hija stabbiliment pubbliku maħluq u kkontrollat mill-Istat Franċiż, li fdalu kuntratti għall-operat tan-netwerks u tal-linji ta’ trasport ta’ passiġġieri fir-reġjun tal-Île-de-France (Franza) sa mis-sena 1948. Id-data ta’ skadenza tal-kuntratt għas-servizzi pubbliċi ta’ trasport mogħtija lir-RATP fi Franza, li kien fis-seħħ fil-mument tal-fatti rilevanti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija l‑31 ta’ Diċembru 2039.

18      Fl‑24 ta’ Novembru 2015, ir-Regione Toscana provviżorjament tat il-kuntratt ta’ konċessjoni għal servizzi pubbliċi ta’ trasport inkwistjoni lil Autolinee Toscane. L-aġġudikazzjoni definittiva lil din tal-aħħar ġiet deċiża fit‑2 ta’ Marzu 2016.

19      Fil‑15 ta’ April 2016, Mobit ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni ta’ aġġudikazzjoni finali quddiem it-Tribunale amministrativo della Toscana (il-Qorti Amministrattiva ta’ Toscana, l-Italja). Insostenn tar-rikors tagħha, Mobit ikkontestat il-legalità tal-proċedura ta’ għoti billi bbażat ruħha fuq motivi li jirrigwardaw kemm, prinċipalment, l-illegalità tal-parteċipazzjoni għas-sejħa għal offerti ta’ Autolinee Toscane u n-nuqqasijiet li jaffettwaw l-offerta ppreżentata minn din il-kumpannija kif ukoll, sussidjarjament, l-illegalità tal-proċedura kollha.

20      Autolinee Toscana ippreżentat rikors inċidentali sabiex tiġi eskluża l-offerta ppreżentata minn Mobit. Ir-RATP intervjeniet fil-kawża insostenn ta’ Autolinee Toscane.

21      Permezz ta’ sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2016, it-Tribunale amministrativo regionale della Toscana (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Toscana) laqgħet kemm ir-rikors prinċipali ta’ Mobit kif ukoll ir-rikors inċidentali ta’ Autolinee Toscane, billi annullat id-deċiżjoni ta’ aġġudikazzjoni minħabba nuqqasijiet li jaffettwaw l-offerti ppreżentati minn dawn iż-żewġ entitajiet fir-rigward tal-kundizzjonijiet stabbiliti fir-regoli tas-sejħa għal offerti.

22      Kemm Mobit kif ukoll Autolinee Toscane appellaw minn din is-sentenza quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja).

23      Insostenn tal-appell tagħha, Mobit allegat b’mod partikolari li d-deċiżjoni ta’ għoti kienet tikser l-Artikolu 2(b) u (j), l-Artikolu 5(2) u l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1370/2007.

24      B’mod partikolari, Mobit qed tgħid li Autolinee Toscane kellha tiġi eskluża mill-proċedura ta’ għoti skont l-Artikolu 5(2)(b) u (d) tar-Regolament Nru 1370/2007, peress li din hija kkontrollata mir-RATP, li hija stess hija kkontrollata mill-Istat Franċiż u li ngħatat kuntratt mogħti direttament għall-provvista ta’ servizzi ta’ trasport fl-Île-de-France. Konsegwentement, Mobit issostni li r-RATP għandha, fir-rigward tal-kuntratt għal servizzi pubbliċi ta’ trasport li kien ġie mogħti lilha fi Franza, tiġi kkwalifikata bħala “operatur intern” fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. B’din il-kwalità, ir-RATP, bħall-entitajiet kollha li fuqhom hija teżerċita influwenza, fosthom Autolinee Toscane, ma tistax tipparteċipa f’sejħiet għal offerti kompetittivi fir-rigward tal-provvista ta’ servizzi pubbliċi ta’ trasport tal-passiġġieri ’l barra mit-territorju tar-reġjun tal-Île-de-France.

25      Peress li qieset li s-soluzzjoni tat-tilwim li tressqu quddiemha teħtieġ l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1370/2007, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 5(2) tar-[Regolament (KE) Nru 1370/2007] (b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-projbizzjoni – prevista fis-subparagrafi ‘b’ u ‘d’ [ta’ din id-dispożizzjoni] – li operatur intern jipparteċipa f’sejħiet għal offerti extra moenia), għandu jiġi applikat anki għall-kuntratti mogħtija fi żmien preċedenti għad-dħul fis-seħħ [ta’ dan ir-]regolament?

2)      Il-kwalifika ta’ ‘operatur intern’ – fis-sens tal-istess regolament u b’analoġija eventwali tar-ratio tagħha mal-ġurisprudenza stabbilita fir-rigward tal-fornituri ‘in house’ – tista’ b’mod astratt titqies li tkopri persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku li ngħatat direttament, mill-awtorità Statali, kuntratt għall-provvista tas-servizz ta’ trasport lokali, fil-każ fejn, mill-aspett organizzattiv u ta’ kontroll, din tal-ewwel hija direttament marbuta mat-tieni waħda u fejn il-kapital azzjonarju tagħha huwa miżmum mill-Istat innifsu (integralment jew pro quota, f’dak il-każ, ma’ korpi pubbliċi oħra)?

3)      Fil-kaz ta’ għoti dirett ta’ kuntratt għall-provvista ta’ servizzi li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007, il-fatt li, wara l-għoti, l-awtorità Statali inkwistjoni toħloq korp pubbliku amministrattiv li għandu setgħat organizzattivi fir-rigward tas-servizzi inkwistjoni (fejn barra minn hekk l-Istat iżomm id-dritt esklużiv li jagħti konċessjonijiet) – korp li ma jeżerċità l-ebda ‘kontroll simili’ fuq il-persuna li ngħatat direttament il-kuntratt għall-provvista tas-servizzi – huwa ċirkustanza li tista’ teskludi l-għoti tal-kuntratt inkwistjoni mill-applikazzjoni tal-Artikolu 5(2) [ta’ dan ir-regolament]?

4)      Il-fatt li d-data oriġinali ta’ skadenza ta’ għoti dirett ta’ kuntratt tmur lil hinn mit-terminu ta’ tletin sena li jgħalaq fit‑3 ta’ Diċembru 2039 (terminu li beda jiddekorri mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007) għandu jitqies li xorta waħda jimplika li l-għoti ma huwiex konformi mal-prinċipji previsti fid-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikoli 5 u 8(3) tal-istess regolament, jew inkella li din l-irregolarità għandha titqies li tiġi awtomatikament sanata, għall-finijiet kollha tal-liġi, billi l-imsemmija skadenza titnaqqas impliċitament ‘ex lege’ għal tali terminu ta’ tletin sena?”

 Fuq it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura

26      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Jannar 2019, Mobit talbet li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

27      Insostenn tat-talba tagħha, Mobit tinvoka li kellha tinbeda proċedura mill-Kummissjoni kontra r-Repubblika Franċiża għal nuqqas ta’ konformità eventwali, mal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1370/2007, ta’ liġi Franċiża dwar l-iskadenza tal-kuntratt konkluż mar-RATP fir-rigward tat-trasport pubbliku fl-Île-de-France. Barra minn hekk, minn tliet ittri mibgħuta mir-RATP lill-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ din il-proċedura li sussegwentement ġiet arkivjata, jirriżulta li l-Kummissjoni kienet konvinta li l-iskadenza ta’ 30 sena prevista fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1370/2007 kellha tiskadi f’data qabel dik li hija sostniet fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-proċedura preliminari. Mobit essenzjalment targumenta li din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1370/2007 għandha konsegwenzi importanti fuq din il-kawża, b’tali mod li dan l-element għandu jiġi eżaminat mill-Qorti tal-Ġustizzja.

28      Bis-saħħa tal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari jekk hija tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed, jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet jew mill-partijiet ikkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

29      Fil-każ ineżami, dan ma huwiex il-każ. Fil-fatt, minn naħa, il-partijiet ikkonċernati li pparteċipaw f’din il-proċedura setgħu jesponu, kemm fil-fażi bil-miktub kif ukoll fil-fażi orali, il-punti ta’ liġi li huma qiesu li huma rilevanti sabiex tingħata risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, b’mod partikolari fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1370/2007. Min-naħa l-oħra, l-allegat fatt li l-Kummissjoni kienet, fil-kuntest ta’ proċedura oħra, favur interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li hija differenti minn dik ippreżentata f’din il-kawża, ma jistax jitqies li jista’ jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tieħu f’dan il-każ.

30      Il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, tqis li għandha informazzjoni biżżejjed sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju u li l-argumenti kollha neċessarji sabiex tinqata’ l-kawża inkwistjoni ġew diskussi bejn il-partijiet.

31      Konsegwentement, it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali ta’ din il-proċedura għandha tiġi miċħuda.

 Fuq id-domandi preliminari

32      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-proċedura fil-kawża prinċipali tirrigwarda l-għoti ta’ kuntratt ta’ konċessjoni għal servizzi pubbliċi ta’ trasport lokali fit-territorju tar-Regione Toscana. Il-proċedura ta’ għoti kienet infetħet minn din tal-aħħar bl-avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil‑5 ta’ Ottubru 2013 u ngħalqet bid-deċiżjoni ta’ aġġudikazzjoni finali tat‑2 ta’ Marzu 2016 favur Autolinee Toscane. Din il-proċedura taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament Nru 1370/2007.

33      Insostenn tar-rikors ippreżentat kontra din id-deċiżjoni ta’ aġġudikazzjoni kemm quddiem il-qorti tal-ewwel istanza kif ukoll quddiem il-qorti tal-appell, Mobit sostniet li l-proċedura ta’ għoti inkwistjoni kienet illegali fid-dawl tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 minħabba l-parteċipazzjoni fiha ta’ Autolinee Toscane.

34      Mid-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li dawn huma bbażati fuq il-premessi li r-RATP setgħet tibbenefika minn għotja diretta u li Autolinee Toscane hija kkontrollata kompletament mir-RATP, fatti li, jekk jiġu pprovati, jistgħu, jekk ikun il-każ, jikkontestaw il-legalità tal-għoti inkwistjoni abbażi tal-Artikolu 5(2)(b) u (d) tar-Regolament Nru 1370/2007. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament għal proċedura ta’ għoti bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

35      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha. F’dan id-dawl, jekk ikun il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li għalihom il-qorti nazzjonali ma tkunx irreferiet fil-formulazzjoni tad-domanda tagħha (sentenza tal‑1 ta’ Frar 2017, Município de Palmela, C‑144/16, EU:C:2017:76, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Issa, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest ta’ din il-kawża, tqum kwistjoni preliminari fir-rigward tad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, jiġifieri dik tal-applikabbiltà ratione temporis tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1370/2007 għall-finijiet li jiġi kkonstatat jekk awtorità lokali kompetenti, bħar-Regione Toscana, li nediet, fil‑5 ta’ Ottubru 2013, proċedura għall-għoti ta’ kuntratt għal servizz pubbliku li taqa’, fir-rigward tas-suġġett tagħha, fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament Nru 1370/2007, u li temmet din il-proċedura fit‑2 ta’ Marzu 2016 permezz ta’ deċiżjoni ta’ aġġudikazzjoni finali, kinitx obbligata tikkonforma ruħha jew le ma’ dan l-artikolu. It-tweġiba għal din id-domanda teżiġi l-eżami tal-applikabbiltà tas-sistema tranżitorja prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1370/2007.

37      Bis-saħħa tal-Artikolu 12 tiegħu, ir-Regolament Nru 1370/2007 daħal fis-seħħ fit‑3 ta’ Diċembru 2009, jiġifieri f’data qabel kemm dik tal-ftuħ tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt ta’ konċessjoni għal servizzi pubbliċi ta’ trasport lokali kif ukoll qabel dik tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ aġġudikazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

38      Madankollu, l-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament, intitolat “Tranżizzjoni”, jipprevedi, fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 tiegħu, li l-għoti ta’ kuntratti għal servizzi pubbliċi ta’ trasport bit-triq għandu jkun konformi mal-Artikolu 5 mit‑3 ta’ Diċembru 2019.

39      Mill-formulazzjoni ċara tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 jirriżulta li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 37 tal-konklużjonijiet tiegħu, perijodu ta’ tranżizzjoni ta’ għaxar snin, b’effett mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament sat‑2 ta’ Diċembru 2019, li matulu l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, meta jagħtu kuntratt ta’ konċessjoni għal servizzi pubbliċi ta’ trasport bit-triq, ma humiex obbligati jikkonformaw ruħhom mal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, il-kliem “għoti ta’ kuntratti”, li jinsabu fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1370/2007, ikopru d-deċiżjoni tal-konklużjoni ta’ kuntratt għal servizz pubbliku ta’ trasport bil-ferrovija jew bit-triq ma’ kumpannija, minkejja l-fatt li l-iskadenza ta’ dan il-kuntratt tista’ sseħħ wara d-data ta’ skadenza tal-perijodu ta’ tranżizzjoni, suġġett għall-konformità mar-regoli dwar il-limitazzjoni tat-tul tal-kuntratti, previsti fl-Artikolu 4(3) u (4) tar-Regolament Nru 1370/2007.

40      B’hekk, deċiżjoni ta’ aġġudikazzjoni finali tista’ tiġi adottata minn awtorità kompetenti, matul dan il-perijodu ta’ tranżazzjoni, mingħajr ma jkollha tikkonforma ruħha mar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1370/2007.

41      Il-premessa 31 ta’ dan ir-regolament, li minnha jirriżulta mingħajr dubju li l-leġiżlatur tal-Unjoni qies li huwa meħtieġ li jiġu previsti sistemi tranżitorji, peress li l-awtoritajiet kompetenti u l-operaturi ta’ servizzi pubbliċi jeħtieġu ż-żmien sabiex jadattaw ruħhom għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1370/2007 wara d-dħul fis-seħħ tiegħu, tikkonferma din l-interpretazzjoni.

42      Dan japplika wkoll għax-xogħol preparatorju tar-Regolament Nru 1370/2007. B’hekk, fil-proposta riveduta tagħha ta’ Regolament tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew dwar is-servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri fuq il-ferroviji u t-toroq tal‑20 ta’ Lulju 2005 (COM(2005) 319 finali), il-Kummissjoni ssuġġeriet li jiġi previst li nofs il-kuntratti tat-trasport, mill-aspett tal-valur, għandu jingħata minn kull awtorità kompetenti konformement ma’ dan ir-regolament fi żmien erba’ jew ħames snin mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu. Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 finalment adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni jirriżulta li, billi ddeċieda li jinjora, fil-verżjoni finali ta’ din id-dispożizzjoni, dan ir-riferiment kwantitattiv, huwa għażel li jagħti ċerta flessibbiltà lill-Istati Membri fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament matul il-perijodu tranżitorju.

43      L-interpretazzjoni magħmula fil-punt 40 ta’ din is-sentenza hija wkoll ikkorroborata bil-fatt, imfakkar mill-Avukat Ġenerali fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-Kummissjoni ppreżentat, fit‑30 ta’ Jannar 2013, Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1370/2007 fir-rigward tal-ftuħ tas-suq għas-servizzi tat-trasport ferrovjarju domestiku tal-passiġġieri (COM(2013) 28 finali), li kellha l-għan li tirrestrinġi l-portata tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1370/2007, billi jipprevedi li l-perijodu tranżitorju ta’ għaxar snin sat‑2 ta’ Diċembru 2019 jibqa’ japplika biss għall-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament, fir-rigward tal-obbligu tal-awtoritajiet kompetenti li jorganizzaw proċedura ta’ sejħa għal offerti u li d-dispożizzjonijiet l-oħra kollha tal-Artikolu 5 jkunu applikabbli immedjatament.

44      Madankollu, meta r-Regolament Nru 1370/2007 ġie emendat bir-Regolament Nru 2016/2338, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma adottax din il-proposta. Fil-fatt, skont l-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1370/2007, kif emendat bir-Regolament Nru 2016/2338, imsemmi fil-punt 10 ta’ din is-sentenza, “[l]-Artikolu 5 għandu japplika għall-għoti ta’ kuntratti pubbliku għal servizzi għat-trasport tal-passiġġieri bit-triq u b’mezzi oħra fuq binarji minbarra l-ferrovija, bħall-metro jew il-linji tat-tramm mit‑3 ta’ Diċembru 2019”.

45      Għalhekk, minn dawn l-elementi jirriżulta li l-portata u d-data ta’ skadenza tas-sistema tranżitorja prevista fl-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 baqgħu l-istess. Għaldaqstant, din is-sistema tranżitorja tikkonċerna d-dispożizzjonijiet kollha tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament.

46      Għandu jintqal ukoll li, ċertament, Stat Membru jista’ jimplimenta l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1370/2007 qabel iż-żmien, fil-kuntest tal-miżuri meħuda sabiex jikkonforma ruħu progressivament mal-imsemmi Artikolu 5, previsti fit-tieni sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(2) ta’ dan ir-regolament.

47      Madankollu, dan ma jidhirx li kien il-każ fil-kawża prinċipali fid-data tal-ftuħ tal-proċedura ta’ għoti, kif ikkonfermaw ir-Regione Toscana u l-Gvern Taljan matul is-seduta.

48      Barra minn hekk, is-sistema tranżitorja prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 ma tagħtix il-possibbiltà lill-awtoritajiet kompetenti li jiddeterminaw, b’mod illimitat, it-tul tal-kuntratti għal servizz pubbliku ta’ trasport tal-passiġġieri bit-triq.

49      Fil-fatt, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 sempliċement jipposponi l-applikabbiltà tal-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament għall-għotjiet ta’ kuntratti għal servizzi pubbliċi ta’ trasport bil-ferrovija jew bit-triq.

50      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(2), għaldaqstant, ma jeskludix l-applikabbiltà tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1370/2007 għal għotjiet ta’ kuntratti għal servizzi pubbliċi taħt din is-sistema tranżitorja.

51      Għalhekk, konformement mal-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-regolament, it-tul ta’ żmien ta’ kuntratt għal servizz pubbliku ta’ trasport bil-karozzi tal-linja, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jistax jaqbeż l-għaxar snin, ħlief fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 4(4) tal-imsemmi regolament, li għalihom jippermetti estensjoni taħt kundizzjonijiet speċifiċi.

52      F’dan il-każ, jidher li l-kuntratt ta’ konċessjoni għal servizzi pubbliċi ta’ trasport lokali ġie konkluż bejn ir-Regione Toscana u Autolinee Toscane għal terminu ta’ 108 xahar, jiġifieri disa’ snin, u b’hekk jirrispetta l-limitazzjoni tat-tul ta’ żmien tal-kuntratt prevista mir-Regolament Nru 1370/2007.

53      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula hija li l-Artikolu 5 u l-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament ma japplikax għal proċedura ta’ għoti mwettqa qabel it‑3 ta’ Diċembru 2019, b’tali mod li awtorità kompetenti li tagħti, permezz ta’ deċiżjoni ta’ aġġudikazzjoni li tagħlaq proċedura ta’ sejħa għal offerti, qabel din id-data, kuntratt ta’ konċessjoni għal servizz pubbliku ta’ trasport lokali tal-passiġġieri bit-triq ma hijiex meħtieġa li tikkonforma ruħha mal-imsemmi Artikolu 5.

 Fuq l-ispejjeż

54      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 5 u l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament ma japplikax għal proċedura ta’ għoti mwettqa qabel it3 ta’ Diċembru 2019, b’tali mod li awtorità kompetenti li tagħti, permezz ta’ deċiżjoni ta’ aġġudikazzjoni li tagħlaq proċedura ta’ sejħa għal offerti, qabel din id-data, kuntratt ta’ konċessjoni għal servizz pubbliku ta’ trasport lokali tal-passiġġieri bit-triq ma hijiex meħtieġa li tikkonforma ruħha mal-imsemmi Artikolu 5.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.