Language of document : ECLI:EU:F:2012:171

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

5 ta’ Diċembru 2012

Kawżi magħquda F‑88/09 u F‑48/10

Z

vs

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Assenjazzjoni mill-ġdid — Interess tas-servizz — Regola ta’ korrispondenza bejn il-grad u l-pożizzjoni — Drittijiet tad-difiża — Fastidju psikoloġiku — Artikolu 12 tar-Regolamenti tal-Persunal — Dmir ta’ premura — Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba — Proċeduri dixxiplinari — Sanzjoni dixxiplinari — Twissija bil-miktub — Drittijiet tad-difiża u prinċipju ta’ kontradittorju”

Suġġett: Rikors, ippreżentat, minn naħa, skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, u, min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106 a, li permezz tiegħu Z jitlob, prinċipalment, l-annullament, rispettivament, tad-deċiżjoni tat-18 ta’ Diċembru 2008, dwar l-assenjazzjoni mill-ġdid tiegħu u d-deċiżjoni tal-10 ta’ Lulju 2009 li timponi fuqu s-sanzjoni tat-twissija bil-miktub.

Deċiżjoni: Ir-rikorsi fil-Kawżi magħquda F-88/09 u F-48/10 huma miċħuda. Fil-Kawża F-88/09, Z għandu jbati tliet kwarti tal-ispejjeż tiegħu u fil-Kawża F-48/10, Z għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-Kawża F-88/09, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tħallas l-ispejjeż tagħha stess u hija kkundannata tbati kwart mill-ispejjeż ta’ Z.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Organizzazzjoni tad-dipartimenti — Assenjazzjoni tal-persunal — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Portata — Stħarriġ ġudizzjarju — Limiti — Dritt tal-uffiċjal li jeżerċita funzjonijiet speċifiċi — Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 7)

2.      Uffiċjali — Organizzazzjoni tad-dipartimenti — Assenjazzjoni tal-persunal — Assenjazzjoni mill-ġdid ta’ uffiċjal fl-interess tas-servizz minħabba diffikultajiet relazzjonali — Użu ħażin ta’ poter — Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 7(1))

3.      Uffiċjali — Organizzazzjoni tad-dipartimenti — Assenjazzjoni tal-persunal — Assenjazzjoni mill-ġdid — Osservanza tal-ekwivalenza tal-pożizzjonijiet — Portata — Teħid inkunsiderazzjoni tal-funzjonijiet imsemmija fil-kompetizzjoni li għaddiet minnha l-persuna kkonċernata — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 7; Anness I)

4.      Uffiċjali — Prinċipji — Drittijiet tad-difiża — Obbligu li tinstema’ l-persuna kkonċernata qabel l-adozzjoni ta’ att li jikkawżalha preġudizzju — Portata — Applikazzjoni għal miżuri ta’ assenzjazzjoni mill-ġdid

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2))

5.      Rikorsi tal-uffiċjali — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Konkordanza bejn l-ilment u r-rikors — Identiċità tas-suġġett u tal-kawża

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

6.      Uffiċjali — Drittijiet u obbligi — Libertà ta’ espressjoni — Żvelar tal-fatti li jippermettu li jiġi preżunt li hemm attività illegali jew nuqqas gravi — Protezzjoni kontra l-proċeduri dixxipplinari — Kundizzjonijiet

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 22a u 22b)

7.      Uffiċjali — Drittijiet u obbligi — Obbligu ta’ indipendenza u ta’ integrità — Riskju ta’ kunflitt ta’ interessi fil-każ ta’ eżistenza ta’ relazzjonijiet professjonali bejn uffiċjal li huwa mitlub jiddeċiedi fuq kawża u terz implikat fiha — Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 11a)

8.      Uffiċjali — Assenjazzjoni mill-ġdid — Dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni — Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba — Konċiljazzjoni mal-interess tas-servizz

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 24)

9.      Uffiċjali — Drittijiet u obbligi — Libertà ta’ espressjoni — Eżerċizzju — Limiti — Dinjità tal-kariga — Atti li jistgħu jippreġudikaw id-dinjità tal-funzjonijiet — Kunċett — Żvelar ta’ fatti allegatament illegali — Obbligi tal-uffiċjali

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 12)

10.    Uffiċjali — Drittijiet u obbligi — Rispett tad-dinjità tal-funzjonijiet — Portata — Żvelar tal-fatti ta’ allegat fastidju psikoloġiku — Tixrid pubbliku ta’ natura li jiskredita l-allegat awtur — Inammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 12 u 22a)

11.    Uffiċjali — Sistema dixxiplinari — Investigazzjoni qabel il-ftuħ tal-proċedura dixxiplinari — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 86; Anness IX, Artikoli 1, 2(1) u 3)

12.    Uffiċjali — Sistema dixxiplinari — Proċeduri dixxiplinari — Smigħ tal-persuna kkonċernata mill-Awtorità tal-Ħatra — Obbligu li jiġi redatt proċess verbal — Portata

1       Minħabba fis-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-istituzzjonijiet fl-organizzazzjoni tad-dipartimenti tagħhom abbażi tal-missjonijiet mogħtija lilhom u fl-assenjazzjoni, fid-dawl ta’ dawn, tal-persunal li jinsab għad-dispożizzjoni tagħhom, bil-kundizzjoni li din l-assenjazzjoni sseħħ fl-osservanza tal-interess tas-servizz u tar-regola tal-korrispondenza bejn il-grad u l-impjieg, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni fir-rigward tal-osservanza tal-kundizzjoni tal-interess tad-dipartiment, għandu jkun limitat għall-kwistjoni dwar jekk l-Awtorità tal-Ħatra baqgħetx f’limiti raġonevoli, mhux kritikabbli, u ma użatx is-setgħa diskrezzjonali tagħha b’mod manifestament żbaljat.

Konsegwentement, peress li miżura ta’ assenjazzjoni mill-ġdid hija fl-interess tas-servizz u tosserva r-regola tal-korrispondenza bejn il-grad u l-impjieg, ma hijiex il-qorti tal-Unjoni li għandha tiddetermina jekk miżuri oħra setgħux kienu iktar xierqa. Fil-fatt, filwaqt li huwa minnu li l-amministrazzjoni għandha kull interess li tassenja lill-uffiċjali skont il-kapaċitajiet speċifiċi u l-preferenzi personali tagħhom, madankollu l-uffiċjali ma jistgħux jingħataw id-dritt li jeżerċitaw funzjonijiet speċifiċi.

(ara l-punti 121, 122 u 202)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 21 ta’ Ġunju 1984, Lux vs Il-Qorti tal-Awdituri, 69/83, punt 17; 7 ta’ Marzu 1990, Hecq vs Il-Kummissjoni, C-116/88 u C-149/88, punt 11

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 18 ta’ Ġunju 1992, Turner vs Il-Kummissjoni, T-49/91, punt 34; 16 ta’ Diċembru 1993, Turner vs Il-Kummissjoni, T-80/92, punt 53; 28 ta’ Mejju 1998, W vs Il-Kummissjoni, T-78/96 u T-170/96, punt 105; 12 ta’ Diċembru 2000, Dejaiffe vs UASI, T-223/99, punt 53; 21 ta’ Settembru 2004, Soubies vs Il-Kummissjoni, T-325/02, punt 50

2       Diffikultajiet relazzjonali, meta jkunu jikkawżaw tensjonijiet li jippreġudikaw il-funzjonament tajjeb tas-servizz, jistgħu jiġġustifikaw, preċiżament fl-interess tas-servizz, it-trasferiment ta’ uffiċjal, u dan, mingħajr ma jkun meħtieġ li tiġi ddeterminata l-identità tal-persuna responsabbli għall-inċidenti inkwistjoni jew il-grad tal-eżattezza tal-kritiki fformulati minn naħa u minn oħra.

F’dan ir-rigward, il-fatt li uffiċjal għandu kwalitajiet importanti jew li dipartiment għandu livell għoli ta’ ċaqliq tal-persunal ma jfissirx li l-persuna kkonċernata ma tistax tkun is-suġġett ta’ miżura ta’ assenjazzjoni mill-ġdid, peress li, filwaqt li huwa minnu li l-amministrazzjoni għandha l-interess kollu li tassenja uffiċjal f’post li jikkorrispondi għall-kompetenzi tiegħu u għall-aspettattivi tiegħu, kunsiderazzjonijiet oħra, dwar b’mod partikolari l-ħtieġa li jiġi żgurat funzjonament tajjeb tad-dipartiment, jistgħu jwassluha, bla ħsara għall-osservanza tar-regoli tal-korrispondenza bejn il-grad u l-impjieg, sabiex tassenja uffiċjal f’post ieħor. Dan huwa iktar u iktar il-każ fejn il-persuna kkonċernata tkun wettqet tajjeb ir-responsabbiltajiet tagħha f’impjieg partikolari, billi l-amministrazzjoni tista’ tistenna li hija tagħmel l-istess f’impjieg ieħor li jista’ jiġi fdat lilha.

Barra minn hekk, meta ma kienx ġie deċiż li miżura ta’ assenjazzjoni mill-ġdid tmur kontra l-interess tad-dipartiment, ma tistax tkun kwistjoni ta’ użu ħażin ta’ poter. Fil-fatt, il-kunċett ta’ użu ħażin ta’ poter għandu portata verament speċifika li jirreferi għall-użu tal-poteri tiegħu mill-awtorità amministrattiva b’għan differenti minn dak li kien ġie mogħti lilu. Deċiżjoni tkun affettwata minn użu ħażin ta’ poter biss jekk din tkun tidher, fuq il‑bażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u uniformi, li tkun ittieħdet sabiex jintlaħqu għanijiet li ma jkunux dawk iddikjarati jew bil-għan li tiġi evitata proċedura prevista speċifikament mit-testi applikabbli biex tindirizza ċ-ċirkustanzi inkwistjoni.

(ara l-punti 123, 127, 155, 156, 201, 311 u 312)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 14 ta’ Lulju 1983, Nebe vs Il-Kummissjoni, 176/82, punt 25; 5 ta’ Ġunju 2003, O’Hannrachain vs Il-Parlament, C-121/01 P, punt 46

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 10 ta’ Lulju 1992, Eppe vs Il-Kummissjoni, T-59/91 u T-79/91, punt 57; 11 ta’ Ġunju 1996, Anacoreta Correia vs Il-Kummissjoni, T-118/95, punt 25; W vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 91; 17 ta’ Novembru 1998, Gómez de Enterría y Sanchez vs Il-Parlament, T-131/97, punt 62; 6 ta’ Lulju 1999, Séché vs Il-Kummissjoni, T-112/96 u T-115/96, punt 139; 6 ta’ Marzu 2001, Campoli vs Il-Kummissjoni, T-100/00, punti 62 u 63; 14 ta’ Ottubru 2004, Sandini vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T-389/02, punt 123; 7 ta’ Frar 2007, Clotuche vs Il-Kummissjoni, T-339/03, punt 71; 7 ta’ Frar 2007, Caló vs Il-Kummissjoni, T-118/04 u T-134/04, punti 99, 115 u 116

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 25 ta’ Jannar 2007, de Albuquerque vs Il-Kummissjoni, F-55/06, punti 60 u 61, u l-ġurisprudenza ċċitata

3      Ir-regola ta’ korrispondenza bejn il-grad u l-impjieg timplika biss, fil-każ ta’ tibdil fil-funzjonijiet attribwiti lil uffiċjal, paragun bejn il-funzjonijiet attwali tiegħu u l-grad tiegħu fil-ġerarkija. Konsegwentement, tnaqqis effettiv tal-funzjonijiet ta’ uffiċjal ma jiksirx ir-regola ta’ korrispondenza bejn il-grad u l-impjieg ħlief fil-każ li l-funzjonijiet il-ġodda tiegħu jkunu, fit-totalità tagħhom, ħafna inqas minn dawk li jikkorrispondu għall-grad u l-impjieg tiegħu, fid-dawl tan-natura, tal-importanza u tal-firxa tagħhom u dan, indipendentement minn kif il-funzjonijiet il-ġodda jiġu pperċepiti mill-persuna kkonċernata.

Din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt li l-funzjonijiet il-ġodda tar-rikorrent ma jkollhom l-ebda rabta mal-funzjonijiet preċedenti tiegħu, mill-avviż tal-kompetizzjoni li fiha jkun ipparteċipa jew mill-Anness I tar-Regolamenti tal-Persunal jew anki mill-fatt li l-uffiċjali li jeżerċitaw funzjonijiet simili għal tiegħu ikollhom gradi inferjuri. Fil-fatt, fil-każ ta’ tibdil fil-funzjonijiet attibwiti lil uffiċjal, ir-regola ta’ korrispondenza bejn il-grad u l-impjieg timplika biss paragun bejn il-funzjonijiet attwali tiegħu u l-grad fil-ġerarkija, u mhux bejn il-funzjonijiet attwali u preċedenti tal-persuna kkonċernata. F’dan ir-rigward, jista’ jiġi dedott mis-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li jgawdu minnha l-istituzzjonijiet sabiex jassenjaw lill-uffiċjali disponibbli għalihom li l-funzjonijiet imsemmija fl-avviż tal-kompetizzjoni huma neċessarjament imsemmija bħala informazzjoni, sakemm ir-regola ta’ korrispondenza bejn il-grad u l-impjieg tiġi osservata.

Bl-istess mod, il-funzjonijiet identiċi jew li jixxiebhu jistgħu jiġu eżerċitati minn persuni fi gradi differenti, hekk kif jirriżulta mill-Anness I tal-Istatut, li jipprevedi, għal biċċa l-kbira tal-funzjonijiet li huma mniżżla fih, li dawn jistgħu jiġu eżerċitati minn uffiċjali fi gradi differenti. Għalhekk, ir-regola ta’ korrispondenza bejn il-grad u l-impjieg tinkiser biss fil-każ li l-funzjonijiet eżerċitati jkunu, fit-totalità tagħhom, ħafna inqas minn dawk li jikkorrispondu għal grad u impjieg tal-uffiċjal ikkonċernat.

(ara l-punti 131, 135, 136 u 138)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: Eppe vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 49; 16 ta’ April 2002, Fronia vs Il-Kummissjoni, T-51/01, punt 53 Clotuche vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 91, u l-ġurisprudenza ċċitata

4.     Peress li miżura ta’ assenjazzjoni mill-ġdid, li fir-rigward tagħha ma jkunx ġie stabbilit li hija ma ġietx adottata fl-interess tas-servizz, ma taqax taħt proċedura mibdija kontra l-uffiċjal ikkonċernat, ma jistax jiġi dedott ipso jure mill-fatt li att jaffettwa l-pożizzjoni skont ir-Regolamenti tal-Persunal ta’ uffiċjal li hemm lok li jiġu applikati d-drittijiet tad-difiża, mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal-proċedura mibdija kontra l-persuna kkonċernata.

Madankollu, id-drittijiet tad-difiża jkopru ċertament, filwaqt li huma iktar estiżi, id-dritt proċedurali għall-persuni kollha li jinstemgħu qabel ma tiġi adottata fir-rigward tagħhom miżura individwali li taffettwahom b’mod sfavorevoli, kif stabbilit fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Madankollu, fil-każ fejn ikun hemm ksur tad-dritt tas-smigħ, kif ukoll barra minn hekk b’mod iktar wiesgħa tad-drittijiet tad-difiża, hemm bżonn li, sabiex l-azzjoni tkun tista’ twassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti. F’dan ir-rigward, meta l-uffiċjal ikkonċernat jirrikonoxxi huwa stess li jinsab f’sitwazzjoni ta’ kunflitt miftuħ mas-superjuri fil-ġerarkija, l-amministrazzjoni tista’ b’mod leġittimu tqis li ma hemmx lok li jinstema’ fir-rigward tal-eżistenza stess ta’ dan il-kunflitt qabel ma jittieħdu l-miżuri kollha ta’ assenjazzjoni mill-ġdid li hija għandha d-dritt li tieħu, fl-interess tas-servizz, minħabba fl-imsemmi kunflitt. L-ispjegazzjonijiet eventwali li l-imsemmi uffiċjal seta’ pprovda minn qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-assenjazzjoni mill-ġdid fir-rigward taċ-ċirkustanzi fil-każ ineżami ma kienx ikun seta’ jkollhom bħala effett li jbiddlu d-deċiżjoni tal-amministrazzjoni.

(ara l-punti 144, 146, 149 u 299)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 24 ta’ Ottubru 1996, Il-Kummissjoni vs Lisrestal u oħrajn, C-32/95 P, punt 21; 9 Novembru 2006, Il-Kummissjoni vs De Bry, C-344/05 P, punt 37

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 27 ta’ Novembru 1997, Kaysersberg vs Il-Kummissjoni, T-290/94, punt 108; 3 ta’ Lulju 2001, E vs Il-Kummissjoni, T-24/98 u T-241/99, punt 93; 16 ta’ Marzu 2004, Afari vs BĊE, T-11/03, punt 90; 17 ta’ Ottubru 2006, Bonnet vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T-406/04, punt 76

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 11 ta’ Settembru 2008, Bui Van vs Il‑Kummissjoni, F-51/07, punt 81; 30 ta’ Novembru 2009, Wenig vs Il‑Kummissjoni, F-80/08, punt 48;

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 12 ta’ Mejju 2010, Bui Van vs Il-Kummissjoni, T-491/08 P, punt 24

5        Ir-regola ta’ qbil tista’ tapplika biss fil-każ fejn it-talbiet magħmula fir-rikors kontenzjuż ma jkollhomx l-istess għan bħal dak tal-ilment jew il-kapijiet tat-talbiet tar-rikors kontenzjuż ma jkunux ibbażati fuq l-istess raġunijiet bħal dawk tal-ilment, b’mod partikolari meta lment ippreżentat fl-istadju kontenzjuż jibbaża ruħu fuq allegazzjonijiet u kunsiderazzjonijiet fattwali li ma jirriżultawx mill-fajl tal-kawża prekontenzjuża.

(ara l-punt 170)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 1ta’ Lulju 2010, Mandt vs Il-Parlament, F-45/07, punt 119

6       Għalkemm l-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal jipproteġi lill-uffiċjali jew membri tal-persunal ieħor li javżaw lill-istituzzjoni tagħhom dwar il-kondotta ta’ uffiċjal jew membru tal-persunal ieħor li tista’ tikkostitwixxi nuqqas serju tal-obbligi tagħhom, din il-protezzjoni tippreżumi li l-uffiċjali jew il-membri tal-persunal “li javżaw” ikunu huma stess osservaw il-proċedura prevista fl-Artikoli 22a u 22b tar-Regolamenti tal-Persunal, li tfittex li tippreżerva l-onorabbiltà professjonali tal-uffiċjal jew membru tal-persunal imsemmi fl-informazzjoni trażmessa lill-istituzzjoni sakemm l-awtorità dixxiplinari ma tkunx ħadet deċiżjoni. Fil-fatt, l-Artikoli 22a u 22b tar-Regolamenti tal-Persunal ma jipprovdux lill-uffiċjali li jirrikorru għal dawn id-dispożizzjonijiet protezzjoni kontra kull deċiżjoni li tista’ tikkawżalhom preġudizzju, iżda biss kontra l-aġir u d-deċiżjonijiet ta’ ħsara li jiġu adottati minħabba fl-iżvelar kopert mill-proċedura prevista minn dawn il-dispożizzjonijiet.

Għaldaqstant, uffiċjal li, minflok ma jirrikorri għall-proċedura tal-Artikolu 22b tar-Regolamenti tal-Persunal, jagħżel li jxerred dawn l-allegazzjonijiet fost il-persunal kollu tad-diviżjoni tiegħu ma jistax jibbenefika mill-protezzjoni prevista fl-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 184 u 253)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 24 ta’ Frar 2010, Menghi vs ENISA, F-2/09, punt 139; 13 ta’ Jannar 2011, Nijs vs Il-Qorti tal-Awdituri, F-77/09, punt 62

7.     Fl-assenza ta’ elementi li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ kunflitt ta’ interessi, l-eżistenza ta’ relazzjonijiet professjonali bejn ir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-konjuġi ta’ terzi, anki mat-terzi stess, ma hijiex biżżejjed sabiex timplika li l-indipendenza tiegħu ġiet kompromessa minħabba l-fatt biss li ġie msejjaħ jagħti l-fehma tiegħu fuq kwistjoni li tirrigwarda indirettament lill-imsemmija terzi. Bl-istess mod, il-fatt li l-imsemmi Reġistratur iddeċieda, fil-pożizzjoni tiegħu ta’ Awtorità tal-Ħatra, dwar l-għoti u dwar l-estensjoni tal-kuntratti ta’ impjieg tal-imsemmija terzi, kif ukoll dwar sanzjoni dixxiplinari kontra uffiċjal li kien bagħat messaġġ elettroniku lill-persunal tal-istituzzjoni dwar dan l-allegat kunflitt ta’ interessi, ma jippermettix li jiġi stabbilit li r-relazzjoni professjonali bejn it-terzi u huwa stess tkun marret lil hinn mill-kuntest ta’ normalità jew li kien adotta deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid tal-imsemmi uffiċjal bl-intenzjoni li jikkastigah talli kien żvela l-eżistenza ta’ trattament allegatament favorevoli favur terzi.

(ara l-punti 190 u 281)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 11 ta’ Settembru 2002, Willeme vs Il-Kummissjoni, T‑89/01, punt 58; 12 ta’ Marzu 2008, Giannini vs Il-Kummissjoni, T-100/04, punt 224

8.     Għalkemm id-dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni fir-rigward tal-membri tal-persunal tagħha jirrifletti l-ekwilibriju tad-drittijiet u tal-obbligi reċiproċi li r-Regolamenti tal-Persunal ħoloq fir-relazzjonijiet bejn l-awtorità pubblika u l-membri tal-persunal tas-servizz pubbliku, ir-rekwiżiti ta’ dan id-dmir ma jistgħux madankollu jfixklu lill-Awtorità tal-Ħatra milli tadotta l-miżuri ta’ assenjazzjoni mill-ġdid li hija tqis li huma neċessarji fl-interess tas-servizz. Għalhekk, uffiċjal ma jistax jikkritika lill-amministrazzjoni, abbażi tad-dmir ta’ amministrazzjoni tajba jew tad-dmir ta’ premura, talli ħadet deċiżjoni ta’ assenjazzjoni mill-ġdid sabiex tevita milli sitwazzjoni relazzjonali fi ħdan l-unità tal-persuna kkonċernata tkompli tmur lura.

(ara l-punt 200)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 25 ta’ Novembru 1976, Küster vs Il-Parlament, 123/75, punt 10

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 13 ta’ Diċembru 1990, Moritz vs Il-Kummissjoni, T‑20/89, punt 39; W vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 95; 26 ta’ Novembru 2002, Cwik vs Il-Kummissjoni, T-103/01, punt 52

9.     L-uffiċjal li jesprimi pubblikament insulti serji sa fejn dawn jippreġudikaw l-unur tal-persuni indirizzati, mhux biss minħabba fl-allegazzjonijiet li jistgħu jikkawżaw dannu għad-dinjità ta’ dawn il-persuni, iżda wkoll minħabba fl-allegazzjonijiet li jiskreditaw l-onorabbiltà professjonali tagħhom, jikser id-dmir li jastjeni minn kull azzjoni jew minn kull aġir li jista’ jippreġudika d-dinjità tal-funzjoni tiegħu, kif previst fl-Artikolu 12 tar-Regolamenti tal-Persunal,. Il-forma użata hija irrilevanti peress li huma koperti kemm l-attakki diretti kif ukoll l-allegazzjonijiet magħmula taħt forma dubitattiva, indiretta, moħbija, permezz ta’ insinwazzjoni jew indirizzati lil persuna mhux espressament imsemmija, iżda li minn dak li jkun intqal ikun possibbli li tiġi identifikata.

Fil-fatt, għalkemm il-libertà tal-espressjoni tikkostitwixxi dritt fundamentali li r-rispett tiegħu hija ggarantita mill-qorti tal-Unjoni u li jinkludi d-dritt li l-uffiċjali u l-membri tal-persunal tal-Unjoni Ewropea jesprimu, verbalment jew bil-miktub, kritika kostruttiva, l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt huwa llimitat, b’mod partikolari, mill-Aritkolu 12 tar-Regolamenti tal-Persunal.

Konsegwentement, sabiex jiġi stabbilit jekk l-akkużi fformulati mill-uffiċjal baqgħux fil-limiti tal-libertà ta’ espressjoni, huwa xieraq li jiġu kkunsidrati, minn naħa, il-provi li jistgħu jikkaratterizzaw ksur tad-dinjità, jiġifieri l-gravità tal-akkużi magħmula, il-forma li dawn ikunu ħadu, il-metodu ta’ żvelar użat u, min-naħa l-oħra, il-kuntest li fih l-akkużi jkunu saru, l-impossibbiltà eventwali li jintużaw metodi oħra ta’ espressjoni li jikkawżaw inqas preġudizzju għad-dinjità tal-persuna indirizzata u n-natura kostruttiva tal-kritika, li tippreżumi li din tista’ raġonevolment tidher li hija fondata, li tkun ifformulata fl-interess tad-dipartiment u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tinftiehem.

Fir-rigward tal-iżvelar minn uffiċjal ta’ attività li hija allegatament illegali, l-uffiċjal huwa marbut bir-riżerva u bil-moderazzjoni mitluba minnu mid-dmirijiet ta’ oġġettività u ta’ imparzjalità, kif ukoll tar-rispett tad-dinjità tal-funzjoni, tal-unur tal-persuni u tal-preżunzjoni ta’ innoċenza. Dan ma jkunx il-każ meta l-uffiċjal, iktar milli jirrikorri għar-rimedji legali li huwa għandu għad-dispożizzjoni, skont l-Artikoli 22a u 22b tar-Regolamenti tal-Persunal, jindirizza lill-persunal kollu tad-diviżjoni tiegħu messaġġi elettroniċi li jinkludu akkużi serji, li jippreġudikaw l-unur u l-onorabbiltà professjonali ta’ bosta uffiċjali.

(ara l-punti 242, 246, 247, 251 u 252)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 13 ta’ Diċembru 1989, Oyowe u Traore vs Il-Kummissjoni, C-100/88, punt 16; 6 ta’ Marzu 2001, Connolly vs Il-Kummissjoni, C-274/99 P, punti 43 sa 49

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 7 ta’ Marzu 1996, Williams vs Il-Qorti tal-Awdituri, T‑146/94, punti 66 u 67; 12 ta’ Settembru 2000, Teixeira Neves vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T-259/97, punti 29, 30 u 47; 28 ta’ Ottubru 2004, Meister vs UASI, T‑76/03, punti 157 u 159

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 8 ta’ Novembru 2007, Andreasen vs Il‑Kummissjoni, F-40/05, punt 234; Nijs vs Il-Qorti tal-Awdituri, iċċitata iktar ʼil fuq, punti 67, 70 u 73

10     Jista’ jiġri li uffiċjal jiġi mġiegħel, b’mod partikolari meta s-superjuri ġerarkiċi tiegħu ma jkunux ħadu passi fuq l-ilmenti tiegħu, jiżvela pubblikament fatti ta’ fastidju psikoloġiku li tagħhom huwa allegatament il-vittma, mingħajr ma tali kondotta tkun tista’ tiġi ssanzjonata taħt l-Artikolu 12 tar-Regolamenti tal-Persunal, u dan anki jekk l-iżvelar pubbliku ta’ tali fatti jkun ta’ natura li jiskredita lill-awtur tal-allegat fastidju, u anki lill-amministrazzjoni.

Madankollu dan ma jkunx il-każ meta, billi jistrieħ fuq din id-deskrizzjoni jew fuq din il-kritika, l-uffiċjal ikkonċernat, permezz tat-ton jew tal-kontenut tal-kummenti tiegħu, imur lil hinn mid-deskrizzjoni tal-kuntest li fih il-fatti dwar il-fastidju psikoloġiku allegatament seħħew, taċ-ċirku ta’ persuni implikati fih u tal-kuntest li għamel possibbli li dan iseħħ.

Dan jgħodd iktar u iktar għall-proċedura tal-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal li ma hijiex partikolarment rilevanti għal sitwazzjonijiet ta’ fastidju psikoloġiku msemmija, liema sitwazzjonijiet jirrikjedu t-teħid mill-amministrazzjoni ta’ miżuri speċifiċi.

(ara l-punti 257 u 258)

11.   Skont l-Artikolu 86 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-Awtorità tal-Ħatra għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tiddeċiedi jekk, fid-dawl tal-provi li ġiet informata bihom, hemmx lok li tinfetaħ investigazzjoni amministrattiva biex tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ nuqqas, minn naħa tal-uffiċjal, ta’ twettiq tal-obbligi tiegħu taħt ir-Regolamenti tal-Persunal. Għaldaqstant, ħlief sabiex tiġi kkonfutata din is-setgħa diskrezzjonali, uffiċjal ieħor li jkun għamel allegazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi taħt ir-Regolamenti tal-Persunal ma jistax jibbaża l-argument fuq l-unika fatt li l-imsemmija awtorità ma ddeċidietx li kien opportun li tiftaħ investigazzjoni amministrattiva abbażi ta’ dawn l-allegazzjonijiet sabiex juri li din tal-aħħar naqset mill-oġġettività meta adottat sanzjoni dixxiplinari fil-konfront tiegħu.

Min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva, għalkemm jirriżulta mill-Artikolu 3 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal li l-imsemmija awtorità għandha tibbaża ruħha sabiex tiftaħ il-proċedura dixxiplinari fuq ir-rapport ta’ investigazzjoni, fatt li jippreżumi li hija ser twettaq investigazzjoni imparzjali u kontradittorja sabiex tistabbilixxi r-realtà tal-fatti allegati u ċ-ċirkustanzi ta’ madwarhom, l-ebda dispożizzjoni applikabbli ma tipprevedi li din l-investigazzjoni għandha twassal li tinkrimina u tiskaġuna.

Ċertament, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba jobbliga lill-imsemmija awtorità teżamina b’reqqa u b’imparzjalità l-provi kollha rilevanti għall-każ ineżami li jkun tressaq quddiemha, iżda l-amministrazzjoni ma hijiex obbligata tqiegħed ruħha flok l-uffiċjal implikat sabiex tfittex minfloku l-provi kollha li jistgħu jeħilsuh jew inaqqsu s-sanzjoni li eventwalment ser tiġi adottata.

Madankollu, mill-Artikoli 1 u 2(1) flimkien tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li l-uffiċjal ikkonċernat għandu jitqiegħed fil-pożizzjoni li jkun jista’ jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar il-fatti li jirrigwardawh, wara l-investigazzjoni, iżda qabel ma jittieħdu deċiżjonijiet fil-konfront tiegħu mill-Awtorità tal-Ħatra.

(ara l-punti 266, 267, 270 u 285)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 11 ta’ Lulju 1968, Van Eick vs Il-Kummissjoni, 35/67; 14 ta’ Frar 1989, Star Fruit vs Il-Kummissjoni, 247/87, punt 11

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 18 ta’ Diċembru 1997, Daffix vs Il-Kummissjoni, T‑12/94, punt 104; 20 ta’ Marzu 2002, ABB Asea Brown Boveri vs Il‑Kummissjoni, T-31/99, punt 99

12.   Fl-ipoteżi fejn l-amministrazzjoni tkun marbuta tistabbilixxi proċess verbal ta’ seduta, jiġifieri meta regola tobbligaha, meta l-amministrazzjoni trid tibbaża ruħha fuq l-iskambji li jkunu seħħu matul l-imsemmija seduta jew anki meta l-persuna inkwistjoni tagħmel it-talba mhux iktar tard mill-bidu tas-seduta, l-amministrazzjoni hija biss obbligata li tittraskrivi mill-ġdid bil-miktub l-essenzjal u mhux il-kummenti kollha li jkunu saru matul is-seduta.

(ara l-punt 305)