Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Najvyšší súd Slovenskej republiky (is-Slovakkja) fis-16 ta’ Diċembru 2019 – Proċeduri kriminali kontra X.Y.

(Kawża C-919/19)

Lingwa tal-kawża: is-Slovakk

Qorti tar-rinviju

Najvyšší súd Slovenskej republiky

Partijiet fil-proċeduri kriminali nazzjonali

Generálna prokuratúra Slovenskej republiky, X.Y.

Domandi preliminari

L-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kriterji li huwa jistabbilixxi ma jkunux issodisfatti ħlief jekk il-persuna kkundannata jkollha, fl-Istat Membru li tiegħu tkun ċittadina, rabtiet familjari, soċjali, professjonali jew oħrajn li jippermettu li jiġi preżunt b’mod raġonevoli li l-infurzar tal-kundanna f’dan l-Istat Membru jista’ jiffaċilita r-riabilitazzjoni soċjali tagħha u li jipprekludi, għaldaqstant, leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 4(1)(a) tal-Liġi Nru 549/2011 (kif kienet fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2019) li f’tali każijiet tippermetti r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenza biss abbażi ta’ residenza abitwali formali, irreġistrata fl-Istat ta’ eżekuzzjoni, mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni l-kwistjoni dwar jekk il-persuna kkundannata għandhiex rabtiet konkreti f’dan l-Istat tal-aħħar li jippermettulha żżid il-possibbiltà tagħha ta’ riabilitazzjoni soċjali?

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, l-Artikolu 4(2) tad-deċiżjoni qafas għandu jiġi interpretat fis-sens li, anki fis-sitwazzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909, l-awtorità kompetenti tal-Istat emittenti għandha, qabel ma tibgħat is-sentenza u ċ-ċertifikat, tkun ċerta li l-infurzar tal-kundanna mill-Istat ta’ eżekuzzjoni jkun ser jikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-għan li tiġi ffaċilitata r-riabilitazzjoni soċjali tal-persuna kkundannata u li hija għandha tindika wkoll, fil-punt 4 tat-taqsima (d) taċ-ċertifikat, l-informazzjoni miġbura f’dan ir-rigward, b’mod partikolari meta l-persuna kkundannata tallega, fl-osservazzjonijiet tagħha previsti fl-Artikolu 6(3) tad-Deċiżjoni Qafas, li għandha rabtiet familjari, soċjali jew professjonali konkreti f’dan l-Istat Membru?

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, l-Artikolu 9(1)(b) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909/ĠAI għandu jiġi interpretat fis-sens li jkun hemm raġuni għal nuqqas ta’ rikonoxximent u nuqqas ta’ infurzar ta’ sentenza anki meta, fis-sitwazzjoni prevista fl-Artikolu 4(1)(a) tad-Deċiżjoni Qafas, l-eżistenza ta’ rabtiet familjari, soċjali, professjonali jew oħrajn, li jippermettu li jiġi preżunt b’mod raġonevoli li l-infurzar tal-kundanna fl-Istat tal-eżekuzzjoni jista’ jiffaċilita r-riabilitazzjoni soċjali tal-persuna kkundannata, ma tiġix ipprovata minkejja l-konsultazzjoni mwettqa b’applikazzjoni tal-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu u t-trażmissjoni potenzjali ta’ informazzjoni oħra neċessarja?

____________

1     ĠU 2008, L 327, p. 27, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24).