Language of document : ECLI:EU:F:2011:138

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

15 ta’ Settembru 2011

Kawża F-102/09

Kelly-Marie Bennett et

vs

Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Servizz pubbliku — Membri tal-persunal temporanju — Kuntratt għal żmien indeterminat bi klawżola ta’ rexissjoni — Kompetizzjonijiet ġenerali — Ammissibbiltà — Att li jikkawża preġudizzju — Artikoli 8 u 47 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg — Obbligu ta’ motivazzjoni — Dmir ta’ premura — Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba — Aspettattivi leġittimi — Prinċipju ta’ eżekuzzjoni ta’ kuntratti in bona fide — Użu ħażin ta’ poter”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu K.‑M. Bennett u tlettax-il membru ieħor tal-persunal temporanju jew ex membru tal-persunal temporanju tal-UASI jitolbu, b’mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-UASI, tat-12 ta’ Marzu 2009, dwar ir-rexissjoni tal-kuntratt tagħhom, kif ukoll it-tqassim tad-dannu morali allegatament subit.

Deċiżjoni:      Infante Seco Herrera hija mħassra mil-lista tar-rikorrenti. Id-deċiżjoni tat-12 ta’ Marzu 2009 tal-UASI li jirrexxindi l-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju ta’ K.‑M. Bennet, Galle, Nuti, Scardocchia u Schmidt, kif ukoll Chertier González, Guarinos Viňals u Ramirez Battistig rikorrenti hija annulata. L-UASI huwa kkundannat iħallas lil K.‑M. Bennet, Galle, Nuti, Scardocchia u Schmidt, kif ukoll lil Chertier González, Guarinos Viňals u Ramirez Battistig id-differenza bejn l-ammont tar-remunerazzjoni li għalih kien ikollhom dritt kieku baqgħu fis-servizz tiegħu u r-remunerazzjoni, l-allowances tal-qgħad jew kwalunkwe allowance alternattiva li setgħu effettivament irċevew barra minn hekk sa mill-15 ta’ Ottubru 2009. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. L-UASI għandu jbati tliet kwarti mill-ispejjeż tiegħu u l-ispejjeż ta’ K.‑M. Bennett, Galle, Nuti, Scardocchia u Schmidt, kif ukoll ta’ Chertier González, Guarinos Viňals u Ramirez Battistig. Dickmanns u Forzy, kif ukoll Bianchi, Ruiz Molina u Zaragoza Gomez għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom u l-kwart tal-ispejjeż tal-UASI. Infante Seco Herrera għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rikorsi — Att li jikkawża preġudizzju — Kunċett — Ittra indirizzata lil membru tal-persunal temporanju li tfakkru fid-data tal-iskadenza tal-kuntratt tiegħu — Esklużjoni — Bidla ta’ kuntratt — Deċiżjoni li kuntratt ma jiġġeddidx — Inklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(2))

2.      Uffiċjali — Rikorsi — Att li jikkawża preġudizzju — Kunċett — Klawżola ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju li tissuġġetta ż-żamma fis-seħħ tar-relazzjoni ta’ xogħol għall-inklużjoni tal-membru tal-persunal fil-lista ta’ riżerva ta’ kompetizzjoni ġenerali — Deċiżjoni tal-amministrazzjoni li tikkonstata n-nuqqas ta’ inklużjoni tal-membru tal-persunal fuq l-imsemmija lista u li timplementa l-klawżola ta’ rexissjoni — Inklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(2))

3.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Reklutaġġ — Bidla ta’ kuntratt għal żmien determinat f’kuntratt għal żmien indeterminat u injklużjoni ta’ klawżola ta’ rexissjoni f’każ ta’ nuqqas ta’ inklużjoni tal-membru tal-persunal fil-lista ta’ riżerva ta’ kompetizzjoni ġenerali — Bidla li tista’ titqies fit-tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 2(a)(b) u (d), u l-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 8; Direttiva tal-Kunsill 1999/70, Anness, klawżoli 1(b), 3(1), u 5(1)(b) u (ċ))

4.      Proċedura —– Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 35(1)(e))

5.      Uffiċjali — Rikorsi — Ġurisdizzjoni sħiħa — Tilwim ta’ natura pekunjarja fis-sens tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal — Kunċett

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(1))

1.      Att li ma jkun fih ebda element ġdid meta mqabbel ma’ att preċedenti jikkostitwixxi att purament konfermattiv ta’ dan tal-aħħar u għalhekk ma jistax ikollu l-effett li jiftaħ terminu ġdid għall-preżentata ta’ rikors. B’mod partikolari, ittra li sempliċement tfakkar lil membru tal-persunal l-istipulazzjonijiet tal-kuntratt tiegħu dwar id-data tal-iskadenza ta’ dan il-kuntratt u li għalhekk ma jkun fiha ebda element ġdid meta mqabbla mal-imsemmija stipulazzjonijiet ma tikkostitwixxix att li jikkawża preġudizzju.

Għall-kuntrarju, tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju kull bidla ta’ kuntratt, għalkemm dan biss fir-rigward tal-istipulazzjonijiet li jkunu ġew mibdula, sakemm dawn il-bidliet ma jimplikawx bidla radikali fl-istruttura ġenerali tal-kuntratt. Bl-istess mod, fil-każ li l-kuntratt jista’ jkun is-suġġett ta’ tiġdid, id-deċiżjoni meħuda mill-amministrazzjoni li ma ġġeddux tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju, li huwa distint mill-kuntratt inkwistjoni u li jista’ jkun is-suġġett ta’ lment u ta’ rikors fit-termini stabbiliti mir-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, tali deċiżjoni, li tingħata wara eżami mill-ġdid tal-interess tas-servizz u tas-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata, tinkludi element ġdid meta mqabbla mal-kuntratt inizjali u ma tistax titqies li sempliċement tikkonferma dan il-kuntratt.

(ara l-punti 56 sa 59)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 10 ta’ Diċembru 1980, Grasselli vs Il‑Kummissjoni, 23/80, punt 18; 9 ta’ Lulju 1987, Castagnoli vs Il‑Kummissjoni, 329/85, punti 10 u 11; 14 ta’ Settembru 2006, Il‑Kummissjoni vs Fernández Gómez, C‑417/05 P, punt 46

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 2 ta’ Frar 2001, Vakalopoulou vs Il‑Kummissjoni, T‑97/00, punt 14; 1 ta’ April 2003, Mascetti vs Il‑Kummissjoni, T‑11/01, punt 41; 15 ta’ Ottubru 2008, Potamianos vs Il‑Kummissjoni, T‑160/04, punt 21

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 15 ta’ April 2011, Daake vs UASI, F‑72/09 u F‑17/10, punt 36

2.      Ittra, li permezz tagħha l-amministrazzjoni tikkonstata l-eżistenza ta’ avveniment jew ta’ sitwazzjoni ġdida u tislet minnhom il-konsegwenzi previsti minn regola jew dispożizzjoni kuntrattwali fir-rigward tal-persuni kkonċernati, tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju, peress li hija tbiddel is-sitwazzjoni legali tad-destinatarji tagħha.

Dan ikun il-każ meta jkun hemm deċiżjoni tal-amministrazzjoni li tikkonstata li l-isem ta’ membru tal-persunal temporanju ma ġiex inkluż fil-lista ta’ riżerva ta’ kompetizzjoni ġenerali partikolari u li timplementa l-klawżola ta’ rexissjoni li tkun tinsab fil-kuntratt ta’ dan il-membru tal-persunal, klawżola li timplika r-rexissjoni ta’ dan il-kuntratt fil-każ li jseħħ avveniment partikolari, jiġifieri l-istabbiliment tal-lista ta’ riżerva tal-kompetizzjoni identifikata fil-klawżola msemmija, avveniment li d-data ta’ meta kien ser iseħħ kienet neċessarjament inċerta fil-mument meta ġiet konkluża din il-klawżola. Din id-deċiżjoni, li tibdel is-sitwazzjoni legali tal-membru tal-persunal, tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju u tista’ tkun is-suġġett ta’ lment u, jekk ikun il-każ, ta’ rikors.

Barra minn hekk, l-imsemmi membru tal-persunal ma jistax ikun obbligat jikkontesta din il-klawżola sa mill-iffirmar tal-kuntratt, minkejja li l-issodisfar tal-kundizzjonijiet li fihom din il-klawżola għandha tapplika tibqa’ inċerta. Peress li l-inklużjoni tal-klawżola ta’ rexissjoni hija s-suġġett ta’ proċess kumpless, il-membru tal-persunal għandu jkun jista’ jikkontesta, b’mod inċidentali, il-legalità ta’ din il-klawżola, anki jekk b’portata individwali, fl-okkażjoni tal-adozzjoni mill-amministrazzjoni tad-deċiżjoni li timplementha, fl-aħħar stadju ta’ dan il-proċess.

(ara l-punti 63, 64 u 80)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: Daake vs UASI, iċċitata iktar ’il fuq, punti 34 et seq

3.      Il-klawżola 1(b) tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss, li jinsab anness mad-Direttiva 1999/70 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP, għandha l-għan li tistabbilixxi qafas sabiex tipprevjeni l-abbuż li jirriżulta mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat u, minn dan il-lat, hija għandha l-għan li tillimita l-użu suċċessiv tal-kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat, meqjus bħala sors potenzjali ta’ abbuż għad-dannu tal-ħaddiema, billi tipprovdi ċertu numru ta’ dispożizzjonijiet protettivi minimi intiżi sabiex jevitaw il-prekarjetà tas-sitwazzjoni tal-impjegati. Issa, l-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra għandhom preċiżament it-tendenza li jillimitaw l-użu ta’ kuntratti suċċessivi ta’ membri tal-persunal temporanju. Minn naħa, il-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tal-imsemmija kondizzjonijiet, ma jistax jiġġedded ħlief darba għal żmien determinat, filwaqt li kwalunkwe tiġdid ulterjuri ta’ dan l-impenn isir għal żmien indeterminat. Min-naħa l-oħra, il-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju, fis-sens tal-Artikolu 2(b) jew (d) ta’ dawn il-kondizzjonijiet, li t-tul tiegħu ma jistax jeċċedi l-erba’ snin, ma jistax jiġġedded ħlief darba għal massimu ta’ sentejn, bil-kundizzjoni li l-possibbiltà ta’ tiġdid tkun prevista fil-kuntratt inizjali, filwaqt li l-membru tal-persunal jitqies li ma jistax jinżamm fl-impjieg tiegħu, wara l-iskadenza tal-kuntratt tiegħu, ħlief jekk jinħatar uffiċjal. Tali dispożizzjonijiet jikkorrispondu għall-miżuri msemmija fil-klawżola 5(1)(b) u (ċ) tal-Ftehim qafas, li jistgħu jipprevjenu l-abbuż li jirriżulta mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi.

Il-fatt li l-kuntratt ta’ membru tal-persunal ikun ġie milqut minn klawżola ta’ rexissjoni, li tippermetti lill-amministrazzjoni li ttemmu fil-każ li l-persuna kkonċernata ma jkollhiex suċċess f’kompetizzjoni li l-organizzazzjoni tagħha tkun tħabbret f’ċertu terminu, ma jippermettix, minkejja t-termini tal-kuntratt, li dan jiġi kklassifikat bħala kuntratt għal żmien indeterminat, liema kuntratt huwa kkaratterizzat bl-istabbiltà tal-impjieg. Fil-fatt, it-tul ta’ kuntratt, kif jirriżulta mill-klawżola 3(1) tal-Ftehim qafas jista’ jiġi ddeterminat mhux biss mill-fatt “li jilħaq data speċifika”, iżda wkoll li “ilesti xogħol speċifiku, jew it-twettiq ta’ każ speċifiku” bħalma huwa t-twaqqif ta’ lista ta’ riżerva ta’ kompetizzjoni partikolari, li magħha huma marbuta diversi konsegwenzi possibbli skont it-termini tal-kuntratt tal-membru tal-persunal. Għaldaqstant, f’każ li ismu ma jkunx inkluż fil-lista ta’ riżerva, mit-termini tal-kuntratt jirriżulta li dan tal-aħħar jintemm; dan ikun normalment il-każ ukoll jekk ismu jkun inkluż, peress li mbagħad il-membru tal-persunal ikkonċernat jiġi propost impjieg ta’ uffiċjal, bil-premessa li, fil-każ li huwa jirrifjuta l-offerta, dan il-kuntratt jintemm ukoll skont it-termini tiegħu.

Madankollu, dan il-fatt ma jistax jiġġustifika n-nuqqas ta’ applikazzjoni tar-regola msemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, li tipprovdi li “kull tiġdid ieħor” għall-ewwel estensjoni għal żmien determinat ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju, skont l-Artikolu 2(a) tal-imsemmija kondizzjonijiet, “ikun għal perjodu indefinit”, billi din il-klassifikazzjoni mill-ġdid issir awtomatikament. Fil-fatt tali regola hija intiża għas-sitwazzjoni ta’ kull membru tal-persunal temporanju fis-sens tal-Artikolu 2(a) li, wara li jkun ikkonkluda żewġ kuntratti suċċessivi għal żmien determinat ikompli, mingħajr interruzzjoni, ir-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu ma’ istituzzjoni jew ma’ aġenzija speċifika. Jekk jiġi aċċettat li perijodu ta’ xogħol bħala membru tal-persunal awżiljarju jista’ jinterrompi din ir-relazzjoni ta’ xogħol u jevita għalhekk l-applikabbiltà tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, dan kieku jippermetti li l-użu ta’ mezz li jelimina s-sustanza tal-imsemmija dispożizzjoni, intiża sabiex tipproteġi lill-ħaddiema kontra l-użu abbużiv ta’ kuntratti għal żmien determinat, isir leġittimu.

(ara l-punti 85, 86, 104 sa 106, 110 u 112)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et, C‑212/04, punt 63

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 26 ta’ Ottubru 2006, Landgren vs ETF, F‑1/05, punt 66

4.      Skont l-Artikolu 35(1)(e) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, l-espożizzjoni tal-motivi tar-rikorrent fir-rikors għandhom ikunu ċari u preċiżi biżżejjed sabiex il-konvenuta tkun tista’ tipprepara d-difiża tagħha u t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jkun jista’ jiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun il-każ, mingħajr informazzjoni oħra. Sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa neċessarju, sabiex rikors ikun ammissibbli, li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom dan jibbaża ruħu jirriżultaw, għall-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem mit-test tar-rikors innifsu.

(ara l-punt 115)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 14 ta’ Diċembru 2005, Honeywell vs Il‑Kummissjoni, T‑209/01, punti 55 u 56 u l-ġurisprudenza ċċitata

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 6 ta’ Mejju 2010, Kerelov vs Il‑Kummissjoni, T‑100/08 P, punt 16

5.      Talba intiża għall-ħlas mill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern lil wieħed mill-membri tal-persunal tiegħu ta’ somma li dan iqis li hija dovuta lilu abbażi tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tidħol fil-kuntest tat-tilwim ta’ natura pekunjarja fis-sens tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal. Skont din id-dispożizzjoni, il-qorti tal-Unjoni għandha, f’dan it-tilwim, kompetenza assoluta li tagħtiha l-missjoni li tagħti soluzzjoni sħiħa lill-kawżi quddiemha, jiġifieri li tiddeċiedi fuq id-drittijiet u l-obbligi kollha tal-membri tal-persunal, barra li tirrinvija lill-istituzzjoni jew lill-aġenzija inkwistjoni, u taħt il-kontroll tagħha, l-eżekuzzjoni ta’ tali parti tas-sentenza fil-kundizzjonijiet preċiżi li hija tistabbilixxi.

(ara l-punt 184)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 18 ta’ Diċembru 2007, Weißenfels vs Il‑Parlament, C‑135/06 P, punti 65, 67 u 68

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 2 ta’ Lulju 2009, Giannini vs Il‑Kummissjoni, F‑49/08, punti 39 sa 42