Language of document : ECLI:EU:F:2012:80

SENTENZA TAT‑TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

13 ta’ Ġunju 2012

Kawża F‑31/10

Christian Guittet

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Ex uffiċjal — Sigurtà soċjali — Inċident — Għeluq tal-proċedura skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal — Applikazzjoni ratione temporis tal-iskala annessa mal-verżjoni l-ġdida tar-Regoli dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ inċidenti u għar-riskji ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol — Tul tal-proċedura”

Suġġett: Rikors, ippreżentat bis-saħħa tal-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu C. Guittet, ex uffiċjal tal-Kummissjoni, qiegħed jitlob, b’mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2009 li permezz tagħha l-Awtorità tal-Ħatra għalqet il-proċedura miftuħa skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u ddeterminat il-perċentwali tal-indeboliment fiżiku u mentali tiegħu bħala 64.6 %.

Deċiżjoni: Id-deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2009 hija annullata. Il-Kummissjoni hija kkundannata tħallas lir-rikorrent is-somma ta’ EUR 2 500 bħala kumpens għad-dannu morali. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata tbati l-ispejjeż tar-rikorrent.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Sigurtà soċjali — Assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol — Invalidità — Allowance — Dritt għal ħlas — Kundizzjonijiet — Konsolidazzjoni tal-leżjonijiet kollha

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 73; Regoli dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ inċidenti u għar-riskji ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol, Artikolu 19(3))

2.      Atti tal-istituzzjonijiet — Applikazzjoni ratione temporis — Skala annessa mar-Regoli dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ inċidenti u għar-riskji ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol tal-uffiċjali tal-Unjoni — Applikazzjoni tal-iskala fis-seħħ fid-data tal-konsolidazzjoni tal-leżjonijiet kollha — Applikazzjoni tal-iskala l-ġdida stabbilita wara din id-data — Ksur tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 73; Regoli dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ inċidenti u għar-riskji ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol, Artikolu 30)

1.      L-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li l-uffiċjal huwa “assigurat, mid-data ta’ meta jibda s-servizz” kontra r-riskji ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol u kontra r-riskji ta’ inċidenti. Din id-dispożizzjoni tipprovdi wkoll li l-benefiċċji li jkopru dawn ir-riskji huma “pagabbli [iggarantiti]” lill-uffiċjal.

Madankollu, filwaqt li l-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa skema ta’ assigurazzjoni kontra r-riskji ta’ inċidenti jew ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol, l-istituzzjonijiet, billi aġixxew skont l-Artikolu 73(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, issuġġettaw l-intitolament għad-dritt għall-benefiċċji ta’ assigurazzjoni inkwistjoni, u għaldaqstant il-ħlas tagħhom, għall-osservanza ta’ ċertu numru ta’ kundizzjonijiet.

B’hekk, skont l-Artikolu 19(3) tar-Regoli komuni dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ inċidenti u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol tal-uffiċjali, id-deċiżjoni li tistabbilixxi l-grad tal-indeboliment fiżiku u mentali tista’ tingħata biss wara l-konsolidazzjoni tal-leżjonijiet tal-assigurat, fejn il-konsolidazzjoni tfisser l-istat tal-vittma li l-leżjonijiet tiegħu jkunu stabbilixxew ruħhom b’tali mod li ma jkunx għadu jidher possibbli li dawn jistgħu jfiequ jew jittejbu u li, bħala prinċipju, ma jkunx hemm lok ta’ iktar trattament jekk mhux sabiex jiġi evitat li dawn il-leżjonijiet jaggravaw ruħhom. Dan ifisser li d-dritt għall-ħlas tal-allowance msemmija fl-Artikolu 73(2)(ċ) tar-Regolamenti tal-Persunal fil-każ ta’ invalidità parzjali permanenti jitnissel biss mal-konsolidazzjoni tal-leżjonijiet kollha. B’hekk, huwa biss minn din id-data li l-assigurat ikollu dritt li l-indeboliment fiżiku u mentali tiegħu jiġi ddeterminat.

(ara l-punti 52 sa 55)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 14 ta’ Lulju 1981, Suss vs Il-Kummissjoni, C‑186/80, punt 15

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 21 ta’ Mejju 1996, W vs Il-Kummissjoni, T‑148/95, punt 36

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 17 ta’ Frar 2011, Strack vs Il-Kummissjoni, F-119/07, punt 88

2.      Fil-kuntest ta’ proċedura mibdija skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, is-sitwazzjoni tal-assigurat, fid-dawl tad-dritt tiegħu għad-determinazzjoni tar-rata tal-indeboliment fiżiku u mentali (iktar ’il quddiem l-“indeboliment”) tiegħu tkun ikkostitwita kompletament fil-mument tal-konsolidazzjoni tal-leżjonijiet tiegħu, u għalhekk, bħala prinċipju, hija l-iskala ta’ evalwazzjoni tal-indeboliment fis-seħħ fid-data ta’ din il-konsolidazzjoni li għandha tiġi applikata fil-konfront tal-assigurat.

Jekk id-data tal-adozzjoni mill-Awtorità tal-Ħatra tal-abbozz ta’ deċiżjoni li tiddetermina r-rata ta’ indeboliment tal-assigurat u l-ammont tas-somma f’daqqa korrispondenti titqies bħala data rilevanti għad-determinazzjoni tal-iskala ta’ evalwazzjoni tal-indebolimenti applikabbli, kif jirriżulta mill-Artikolu 30 tal-verżjoni l-ġdida tar-Regoli komuni dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ inċidenti u għar-riskji ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol tal-uffiċjali tal-Unjoni, dan jista’ jwassal għall-applikazzjoni ta’ regoli differenti għal persuni li l-konsolidazzjoni tal-leżjonijiet tagħhom setgħat seħħet fl-istess mument, skont il-livell ta’ ħeffa eżerċitat mill-amministrazzjoni fit-trattament tal-fajls rispettivi tagħhom, u dan mhux mingħajr riskju ta’ arbitrarjetà

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jidher li l-Artikolu 30 tar-regoli msemmija, sa fejn jipprovdi li hija applikabbli l-iskala annessa magħhom, fin-nuqqas ta’ abbozz ta’ deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li tiffissa r-rata tal-indeboliment, għall-assigurati, vittmi ta’ inċident jew ta’ marda kkaġunata mix-xogħol, li l-leżjonijiet tagħhom ikunu ġew ikkonsolidati qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dawn ir-regoli, jiġifieri fl-1 ta’ Jannar 2006, ikopri, fir-rigward ta’ dawn l-assigurati, sitwazzjonijiet ikkostitwiti kompletament taħt l-iskala ta’ evalwazzjoni tal-indebolimenti annessa mar-Regoli dwar l-assigurazzjoni l-qodma. Għaldaqstant, l-Artikolu 30 tar-Regoli jagħti effett retroattiv lill-iskala annessa ma’ dawn ir-regoli.

L-applikazzjoni tal-iskala ta’ evalwazzjoni tal-indebolimenti annessa mar-Regoli dwar l-assigurazzjoni l-ġodda għal assigurati, vittmi, qabel id-dħul fis-seħħ, fl-1 ta’ Jannar 2006, ta’ dawn ir-regoli, ta’ inċident jew ta’ marda kkaġunata mix-xogħol u li l-leżjonijiet tagħhom ikunu ġew ikkonsolidati qabel din l-istess data, ippreġudikat neċessarjament l-aspettattivi leġittimi ta’ dawn l-assigurati. B’hekk, ir-Regoli l-ġodda għandhom jiġu ddikjarati illegali sa fejn jipprevedu l-applikazzjoni tal-iskala li tinsab annessa magħhom għall-assigurati, vittmi ta’ inċident jew ta’ marda kkaġunata mix-xogħol, li l-leżjonijiet tagħhom ikunu ġew ikkonsolidati preċedentement għad-dħul fis-seħħ tagħhom.

(ara l-punti 56, 60, 62, 66 u 68)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 18 ta’ Ottubru 2011, Purvis vs Il-Parlament, T‑439/09, punti 39 u 40