Language of document : ECLI:EU:C:2019:242

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

21 ta’ Marzu 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Servizzi ta’ ħlas fis-suq intern – Direttiva 2007/64/KE – Artikolu 74(2) – Ordni ta’ ħlas permezz ta’ trasferiment – Identifikatur uniku mhux korrett ipprovdut minn min iħallas – Eżekuzzjoni tat-tranżazzjoni ta’ ħlas abbażi tal-identifikatur uniku – Responsabbiltà tal-fornitur tas-servizzi ta’ ħlas ta’ benefiċjarju”

Fil-Kawża C‑245/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale Ordinario di Udine (il-Qorti ta’ Udine, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Marzu 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ April 2018, fil-proċedura

Tecnoservice Int. Srl, fi stralċ,

vs

Poste Italiane SpA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, E. Juhász u I. Jarukaitis (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Poste Italiane SpA, minn A. Fratini, avvocatessa,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn F. Subrani u A. Collabolletta, avvocati dello Stato,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u O. Serdula, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Tserepa-Lacombe u minn V. Di Bucci, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 74 u 75 tad-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE (ĠU 2007, L 319, p. 1, rettifika fil-ĠU 2009, L 187, p. 5).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Tecnoservice Int. Srl, fi stralċ, (iktar ’il quddiem “Tecnoservice”), u Poste Italiane SpA dwar it-trasferiment ta’ somma flus lil benefiċjarju żbaljat, minħabba identifikatur uniku mhux korrett ipprovdut minn min iħallas.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 40, 43 u 48 tad-Direttiva 2007/64 jipprevedu:

“(40)      Biex ikun hemm ipproċessar tal-ħlas integrat bis-sħiħ u dirett u ċertezza legali fir-rigward ta’ l-eżekuzzjoni ta’ kwalunkwe obbligu sottostanti bejn l-utenti ta’ servizzi ta’ ħlas, huwa meħtieġ li l-ammont totali trasferit mingħand dak li jħallas għandu jkun akkreditat lill-kont ta’ min ikun qed jitħallas [tal-benefiċjarju] […]

[…]

(43)      Sabiex titjieb l-effiċjenza tal-ħlasijiet [fl-Unjoni Ewropea] kollha, l-ordnijiet ta’ ħlas kollha mibdija minn min iħallas u denominati fl-euro jew fil-valuta ta’ Stat Membru li qiegħed barra miż-żona euro, inklużi trasferimenti ta’ krediti u ħlasijiet ta’ flus, għandhom ikunu soġġetti għal ħin ta’ eżekuzzjoni massimu ta’ jum. […] Minħabba l-fatt li l-infrastrutturi nazzjonali tal-ħlas huma ħafna drabi effiċjenti ħafna u biex il-livelli preżenti ta’ servizzi ma jmorrux lura, l-Istati Membri għandhom jitħallew iżommu fis-seħħ jew jistabbilixxu regoli li jispeċifikaw żmien ta’ eżekuzzjoni ta’ anqas minn jum ta’ negozju, fejn ikun xieraq.

[…]

(48)      Għandu jkun possibbli għall-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas li jispeċifika mingħajr ambigwità l-informazzjoni meħtieġa biex ordni tal-ħlas tkun tista’ titwettaq korrettament. Min-naħa l-oħra, madankollu, biex tiġi evitata l-frammentazzjoni u li jiġi pperikolat l-istabbiliment ta’ sistemi ta’ ħlas integrati fil-Komunità, l-Istati Membri m’għandhomx jitħallew jirrikjedu li jintuża identifikatur partikolari għal transazzjonjiet ta’ ħlas. Madankollu, dan m’għandux iżomm lill-Istati Membri milli jieħtieġu li fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas jaġixxi bid-diliġenza dovuta u jivverifika, fejn dan huwa teknikament possibbli u mingħajr ħtieġa ta’ intervent manwali, il-koerenza ta’ l-identifikatur uniku, u fejn l-identifikatur uniku jinstab li hu inkoerenti, jirrifjuta l-ordni ta’ ħlas u jinforma b’dan lil min iħallas. Ir-responsabbiltà tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas għandha tkun limitata għall-eżekuzzjoni korretta tat-transazzjoni ta’ ħlas skond l-ordni tal-ħlas li tkun saret mill-utent ta’ servizzi ta’ ħlas.”

4        L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jistipula:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

[…]

5)      ‘transazzjoni ta’ ħlas’ tfisser att, mibdi minn min iħallas jew minn min jitħallas [mill-benefiċjarju], ta’ tqegħid, ta’ trasferiment jew ta’ ġbid ta’ fondi, irrispettivament minn kwalunkwe obbligazzjoni sottostanti bejn min ħallas u min jitħallas [l-benefiċjarju];

[…]

21)      ‘identifikatur uniku’ tfisser kombinazzjoni speċifikata ta’ ittri, numri jew simboli lill-utent ta’ servizzi ta’ ħlas mill-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas u li għandha tingħata mill-utent ta’ servizzi ta’ ħlas biex jidentifika mingħajr ambigwità l-utent l-ieħor ta’ servizzi ta’ ħlas u/jew il-kont tal-ħlas tiegħu għal transazzjoni ta’ ħlas;

[…]”.

5        Il-Kapitolu 2, intitolat “Transazzjonijiet ta’ ħlas wieħed”, li jinsab fit-Titolu III tal-imsemmija direttiva, jinkludi l-Artikolu 37 tagħha, intitolat “Informazzjoni u kundizzjonijiet”. Dan l-artikolu jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni u l-kundizzjonijiet segwenti jiġu fornuti jew ikunu disponibbli għall-utent ta’ servizzi ta’ ħlas:

(a)      speċifikazzjoni ta’ l-informazzjoni jew l-identifikatur uniku li għandha tingħata mill-utent ta’ servizzi ta’ ħlas biex tkun tista’ titwettaq tajjeb ordni tal-ħlas;

[…]”.

6        Il-Kapitolu 3, intitolat “Kuntratti qafas”, li jagħmel parti mit-Titolu III tal-istess direttiva, jinkludi l-Artikolu 42 tagħha, intitolat “Informazzjoni u kundizzjonijiet”. Dan l-artikolu huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni u l-kundizzjonijiet segwenti jiġu fornuti lill-utent ta’ servizzi ta’ ħlas:

[…]

2.      dwar l-użu tas-servizz ta’ ħlas:

[…]

(b)      l-ispeċifikazzjoni ta’ l-informazzjoni jew l-identifikatur uniku li għandu jingħata mill-utent ta’ servizzi ta’ ħlas biex tkun tista’ twettaq tajjeb ordni tal-ħlas;

[…]”.

7        L-Artikolu 74 tad-Direttiva 2007/64, intitolat “Identifikaturi uniċi skorretti”, jipprovdi:

“1.      Jekk ordni tal-ħlas tkun imwettqa skond l-identifikatur uniku, l-ordni tal-ħlas għandha titqies li twettqet b’mod korrett fir-rigward ta’ min jitħallas [benefiċjarju] speċifikat mill-identifikatur uniku.

2.      Jekk l-identifikatur uniku pprovdut mill-utent ta’ servizzi ta’ ħlas ma jkunx korrett, il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas m’għandux ikun responsabbli taħt l-Artikolu 75 għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew għall-eżekuzzjoni difettuża tat-transazzjoni ta’ ħlas.

Madankollu, il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas [ta’ min iħallas] għandu jagħmel sforz bona fide biex jirkupra l-fondi li jkunu nvoluti fit-transazzjoni ta’ ħlas.

[…]

3.      Jekk l-utent ta’ servizzi ta’ ħlas jipprovdi informazzjoni addizzjonali għal dik speċifikata fl-Artikoli 37(1)(a) jew 42(2)(b), il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas għandu jkun responsabbli biss għall-eżekuzzjoni ta’ transazzjonjiet ta’ ħlas skond l-identifikatur uniku pprovdut mill-utent ta’ sevizzi tal-ħlas.”

8        L-Artikolu 75 ta’ din id-direttiva, intitolat “Nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew eżekuzzjoni difettuża”, jipprevedi, essenzjalment, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu, li r-responsabbiltajiet li dawn jistabbilixxu huma “mingħajr preġudizzju għall-Artikolu […] 74(2) u (3)” tal-imsemmija direttiva.

 Id-dritt Taljan

9        Id-Direttiva 2007/64 ġiet trasposta fid-dritt Taljan permezz tad-decreto legislativo n. 11, recante attuazione della direttiva 2007/64/KE (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 11 li jittrasponi d-Direttiva 2007/64/KE), tas-27 ta’ Jannar 2010 (suppliment ordinarju għall-GURI Nru 36, tat-13 ta’ Frar 2010, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 11/2010”).

10      L-Artikoli 24 u 25 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 11/2010 ttrasponew l-Artikoli 74 u 75 tad-Direttiva 2007/64 billi rriproduċew kważi identikament il-formulazzjoni tagħhom.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

11      Fit-3 ta’ Awwissu 2015, debitur ta’ Tecnoservice ordna lil bank tiegħu jwettaq ħlas, permezz ta’ trasferiment bankarju, favur din il-kumpannija, li kellu jiġi akkreditat fuq kont kurrenti miftuħ ma Poste Italiane, identifikat permezz ta’ identifikatur uniku, fis-sens tal-Artikolu 4(21) tad-Direttiva 2007/64, jiġifieri b’numru tal-kont bankarju internazzjonali (iktar ’il quddiem “IBAN”). F’din l-ordni ta’ trasferiment kien hemm ukoll indikat isem il-benefiċjarju previst ta’ dan it-trasferiment, jiġifieri Tecnoservice.

12      It-trasferiment sar lejn il-kont korrispondenti għal dan l-IBAN. Madankollu, irriżulta li dan it-trasferiment sar lil entità oħra għajr Tecnoservice, li konsegwentement qatt ma rċeviet is-somma dovuta lilha.

13      Tecnoservice fetħet kawża kontra Poste Italiane quddiem it-Tribunale ordinario di Udine (il-Qorti ta’ Udine, l-Italja), jiġifieri l-qorti tar-rinviju, fejn talbet li Poste Italiane tinżamm responsabbli talli ma vverifikatx jekk l-IBAN indikat minn min iħallas kienx jikkorrispondi ma’ isem il-benefiċjarju. Għalhekk, Poste Italiane kienet ippermettiet li s-somma inkwistjoni tasal għand benefiċjarju żbaljat, minkejja l-preżenza ta’ elementi suffiċjenti sabiex jiġi kkonstatat li l-identifikatur uniku ma kienx korrett.

14      Skont Poste Italiane, hija ma għandha l-ebda responsabbiltà peress li hija wettqet it-trasferiment fil-kont korrispondenti għal IBAN indikat minn min iħallas, u ma hijiex obbligata li twettaq kontroll addizzjonali, ikun xi jkun.

15      F’dan ir-rigward il-qorti tar-rinviju tirrileva li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2007/64 jipprevedu, essenzjalment, li ordni ta’ ħlas imwettqa skont l-identifikatur uniku għandha titqies li twettqet b’mod korrett.

16      Madankollu, fil-fehma tagħha, l-Artikoli 74 u 75 tad-Direttiva 2007/64 u, konsegwentement, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, jistgħu jiġu interpretat b’żewġ modi differenti.

17      Skont l-ewwel interpretazzjoni, dawn iż-żewġ artikoli huma esklużivament applikabbli għar-relazzjoni li teżisti bejn min iħallas u l-bank tiegħu u mhux għar-relazzjoni li teżisti bejn il-bank tal-benefiċjarju u partijiet ikkonċernati oħra, bħal min iħallas, il-benefiċjarju reali jew saħansitra l-benefiċjarju żbaljat. F’dan il-każ, għal din it-tieni relazzjoni għandha tiġi applikata biss il-leġiżlazzjoni nazzjonali, ħafna drabi bbażata fuq regoli ta’ responsabbiltà differenti u iktar wiesgħa minn dawk imposti minn din id-direttiva.

18      Skont it-tieni interpretazzjoni, iż-żewġ artikoli għandhom japplikaw għat-transazzjoni ta’ ħlas fl-intier tagħha, u dan ikun jinkludi wkoll l-intervent tal-bank tal-benefiċjarju. F’dan il-każ, ir-responsabbiltà tal-fornitur tas-servizzi ta’ ħlas ta’ benefiċjarju tkun, anki din, strettament marbuta mal-osservanza tal-IBAN indikat minn min iħallas.

19      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-korpi ta’ riżoluzzjoni extraġudizzjarja ta’ tilwim fil-kuntest tal-Arbitro Bancario e Finanziario (l-Ombudsman għal Kwistjonijiet Bankarji u Finanzjarji, l-Italja) adottaw deċiżjonijiet diverġenti f’dan il-qasam, iżda li l-korp responsabbli għall-koordinazzjoni bejn dawn il-korpi ddikjara li jiffavorixxi t-tieni interpretazzjoni.

20      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale ordinario di Udine (il-Qorti ta’ Udine) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“L-Artikoli 74 u 75 tad-Direttiva [2007/64], fit-test fis-seħħ fit-3 ta’ Awwissu 2015, dwar l-obbligi u l-limiti tar-responsabilità tal-fornitur tas-servizzi ta’ ħlas, kif trasposti fid-dritt Taljan mill-Artikoli 24 u 25 tad-[Digriet Leġiżlattiv Nru 11/2010] għandhom jiġu interpretati fis-sens li japplikaw biss għall-fornitur tas-servizz ta’ ħlas tal-persuna li tordna t-twettiq ta’ tali servizz, jew li japplikaw wkoll għall-fornitur tas-servizz ta’ ħlas tal-benefiċjarju?”

 Fuq id-domanda preliminari

21      Permezz tad-domanda tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 74 u 75 tad-Direttiva 2007/64 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, meta ordni ta’ ħlas tkun imwettqa b’mod konformi mal-identifikatur uniku pprovdut mill-utent ta’ servizzi ta’ ħlas, li ma jikkorrispondix ma’ isem il-benefiċjarju indikat minn dan l-istess utent, il-limitazzjoni tar-responsabbiltà tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tapplika biss għall-fornitur ta’ servizzi ta’ min iħallas jew inkella tapplika wkoll għall-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tal-benefiċjarju.

22      Għandu jitfakkar li l-Artikolu 74(1) tad-Direttiva 2007/64 jistipula li “[j]ekk ordni tal-ħlas tkun imwettqa skond l-identifikatur uniku, l-ordni tal-ħlas għandha titqies li twettqet b’mod korrett fir-rigward ta’ min jitħallas [benefiċjarju] speċifikat mill-identifikatur uniku”. L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 74(2) jispeċifika li “[j]ekk l-identifikatur uniku pprovdut mill-utent ta’ servizzi ta’ ħlas ma jkunx korrett, il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas m’għandux ikun responsabbli taħt l-Artikolu 75 għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew għall-eżekuzzjoni difettuża tat-transazzjoni ta’ ħlas”.

23      Għaldaqstant hemm lok li jiġi rrilevat li, sa fejn mill-atti tal-proċess ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dubji tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw, essenzjalment, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 74(2) tad-Direttiva 2007/64, li jsemmi speċifikament il-każ fejn l-identifikatur uniku pprovdut mill-utent ta’ servizzi ta’ ħlas ma jkunx korrett, huwa biżżejjed li tingħata interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni sabiex tingħata risposta utli għal dik il-qorti.

24      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti (sentenzi tat-2 ta’ Settembru 2015, Surmačs, C‑127/14, EU:C:2015:522, punt 28 u l-ġurispudenza ċċitata, u tas-16 ta’ Novembru 2016, DHL Express (Austria), C‑2/15, EU:C:2016:880, punt 19).

25      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-kliem tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 74(2) tad-Direttiva 2007/64, li jużaw biss l-espressjoni ta’ “fornitur ta’ servizz ta’ ħlas”, ma tagħmel ebda distinzjoni bejn id-diversi fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas. Għalhekk, fid-dawl ta’ dan il-kliem, il-limitazzjoni tar-responsabbiltà li din id-dispożizzjoni tipprevedi tapplika għal kull wieħed mill-fornituri li jipparteċipaw fit-tranżazzjoni, u mhux biss għal wieħed minnhom.

26      Din l-interpretazzjoni letterali hija sostnuta mill-kuntest li minnu tifforma parti din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, minn naħa, “it-tranżazzjoni ta’ ħlas” hija ddefinita, għall-finijiet tad-Direttiva 2007/64, fl-Artikolu 4(5) ta’ din id-direttiva bħala att, “mibdi minn min iħallas jew minn min jitħallas [mill-benefiċjarju]”, li jikkonsisti fit-tqegħid, fit-trasferiment jew fil-ġbid ta’ fondi, irrispettivament minn kwalunkwe obbligu sottostanti bejn min ħallas u l-benefiċjarju. Għalhekk, minn din id-definizzjoni jirriżulta li l-kunċett ta’ “tranżazzjoni ta’ ħlas” jikkonċerna azzjoni globali u uniku bejn min iħallas u l-benefiċjarju, u mhux biss kull waħda mir-relazzjonijiet ta’ min iħallas u tal-benefiċjarju mal-fornitur rispettiv tiegħu ta’ servizzi ta’ ħlas.

27      Min-naħa l-oħra, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 74(2) tad-Direttiva 2007/64 jimponi biss fuq il-“fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas [ta’ min iħallas]” l-obbligu li jagħmel sforzi, sa fejn ikun raġonevoli, biex jirkupra l-fondi involuti fit-tranżazzjoni ta’ ħlas. Għaldaqstant, li kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jillimita l-effetti tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 74(2) tad-Direttiva 2007/64 biss għall-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas, f’dak li jirrigwarda l-ħlasijiet imwettqa skont identifikatur uniku pprovdut mill-utent, huwa kien jispeċifika dan anki f’din id-dispożizzjoni.

28      Barra minn hekk, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 74(2) tad-Direttiva 2007/64, kif esposta fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, hija sostnuta wkoll mill-għanijiet ta’ din id-Direttiva. Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, mill-premessa 40 tad-Direttiva 2007/64 jirriżulta li din hija intiża, b’mod partikolari, sabiex jiġi żgurat ipproċessar tal-ħlas integrat bis-sħiħ u dirett u li, min-naħa l-oħra, mill-premessa 43 tagħha, jirriżulta li hija intiża li ttejjeb l-effiċjenza u l-ħeffa tal-ħlas. Issa, dawn l-għanijiet ta’ pproċessar awtomatiku u ta’ ħeffa tal-ħlas jiġu servuti aħjar permezz ta’ interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li tillimita r-responsabilità kemm tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas kif ukoll tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tal-benefiċjarju, u dan għalhekk jeżenta lil dawn il-fornituri mill-obbligu li jivverifikaw jekk l-identifikatur uniku pprovdut mill-utent ta’ servizzi ta’ ħlas jikkorrispondix tabilħaqq għall-persuna msemmija bħala benefiċjarju.

29      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li għalkemm fil-premessa 48 tad-Direttiva 2007/64 huwa ċertament speċifikat li l-Istati Membri ma humiex preklużi milli jipprevedu, meta dan ikun teknikament possibbli u mingħajr il-ħtieġa ta’ intervent manwali, obbligu ta’ diliġenza impost fuq il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ “min iħallas”. Madankollu, mingħajr ebda distinzjoni bejn iż-żewġ kategoriji ta’ fornituri, jiġi indikat li r-responsabbiltà tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas għandha tkun limitata għall-eżekuzzjoni korretta tat-transazzjoni ta’ ħlas, f’konformità mal-ordni ta’ ħlas tal-utent ta’ servizzi ta’ ħlas.

30      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq jirriżulta li r-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 74(2) tad-Direttiva 2007/64 għandu jiġi interpretati fis-sens li, meta ordni ta’ ħlas tkun imwettqa b’mod konformi mal-identifikatur uniku pprovdut mill-utent ta’ servizzi ta’ ħlas, li ma jikkorrispondix ma’ isem il-benefiċjarju indikat minn dan l-istess utent, il-limitazzjoni tar-responsabbiltà tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas, prevista f’din id-dispożizzjoni, tapplika kemm għall-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas kif ukoll għall-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tal-benefiċjarju.

 Fuq l-ispejjeż

31      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 74(2) tad-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE, għandu jiġi interpretati fis-sens li, meta ordni ta’ ħlas tkun imwettqa b’mod konformi mal-identifikatur uniku pprovdut mill-utent ta’ servizzi ta’ ħlas, li ma jikkorrispondix ma’ isem il-benefiċjarju indikat minn dan l-istess utent, il-limitazzjoni tar-responsabbiltà tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas, prevista f’din id-dispożizzjoni, tapplika kemm għall-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas kif ukoll għall-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas tal-benefiċjarju.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.