Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-18 ta’ Ġunju 2019 – Ir-Repubblika tal-Awstrija vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

(Kawża C-591/17)1

(Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikoli 18, 34, 56 u 92 TFUE – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi tariffa għall-użu tal-infrastrutturi għall-vetturi bil-mutur privati – Sitwazzjoni li fiha s-sidien ta’ vetturi rreġistrati f’dan l-Istat Membru jibbenefikaw minn eżenzjoni tat-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur ta’ ammont li jikkorrispondi għal din it-tariffa)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika tal-Awstrija (rappreżentanti: G. Hesse, J. Schmoll u C. Drexel, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (rappreżentanti: T. Henze u S. Eisenberg, aġenti, assistiti minn C. Hillgruber, Rechtsanwalt)

Intervenjent insostenn tar-rikorrenti: Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi (rappreżentanti: J. Langer, J.M. Hoogveld u M. Bulterman, aġenti)

Intervenjent insostenn tal-konvenuta: Ir-Renju tad-Danimarka (rappreżentanti: Nymann-Lindegren u M. Wolff, aġenti)

Dispożittiv

Billi introduċiet it-tariffa għall-użu tal-infrastrutturi għall-vetturi bil-mutur u billi pprovdiet, simultanjament, eżenzjoni mit-taxxa fuq il-vetturi bil-mutur privati ta’ ammont li huwa minn tal-inqas ekwivalenti għal dak tat-tariffa mħallsa, favur sidien ta’ vetturi rreġistrati fil-Ġermanja, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 18, 34, 56 u 92 TFUE.

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija kkundannata tħallas tliet kwarti tal-ispejjeż sostnuti mir-Repubblika tal-Awstrija u għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Ir-Repubblika tal-Awstrija għandha tbati kwart tal-ispejjeż tagħha.

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju tad-Danimarka għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

____________

1     ĠU C 402, 27.11.2017.