Language of document :

Appell ippreżentat fl-14 ta’ Frar 2019 minn China Construction Bank Corp. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) fis-6 ta’ Diċembru 2018 fil-Kawża T-665/17 – China Construction Bank vs EUIPO

(Kawża C-115/19)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: China Construction Bank Corp. (rappreżentanti: A. Carboni, J. Gibbs, solicitors)

Parti oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea, Groupement des cartes bancaires

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Diċembru 2018 fil-Kawża T-665/17;

tagħti sentenza definittiva fir-rigward tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/1001 1 jew, sussidjarjament, terġa’ tibgħat il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, u

tikkundanna lill-EUIPO u lil kull parti intervenjenti f’dan l-appell għall-ispejjeż rispettivi tagħhom u għal dawk tal-appellanti esposti f’din il-kawża u fil-kuntest tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-665/17.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti jressqu tliet aggravji fir-rigward tad-deċiżjoni appellata, jiġifieri li l-Qorti Ġenerali:

kisret l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/1001, u

ma mmotivatx il-konstatazzjoni tagħha li t-trade mark preċedenti invokata mill-parti intervenjenti (iktar ’il quddiem it-“trade mark preċedenti”) kellha karattru distintiv inkrementat fir-rigward tal-“affarijiet finanzjarji, affarijiet monetarji, affarijiet bankarji”, u/jew

żnaturat il-fatti, kemm fir-rigward tal-evalwazzjoni tagħha tat-trade mark preċedenti u tat-trade mark ikkontestata kif ukoll billi waslet għall-imsemmija konstatazzjoni ta’ karattru distintiv inkrementat.

Fir-rigward tal-aggravju dwar ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/1001 l-appellanti tinvoka ulterjorment l-iżbalji li ġejjin imwettqa mill-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tagħha tal-każ:

il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni r-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti fl-ewwel stadju tal-eżami tax-xebh bejn is-sinjali, kif ukoll fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, liema fatt kien jikkostitwixxi approċċ żbaljat li ta lok għal “teħid inkunsiderazzjoni doppju” li ma kienx aċċettabbli;

il-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat kemm it-trade mark preċedenti kif ukoll it-trade mark ikkontestata bħallikieku kienu essenzjalment trade marks verbali, fejn ma ħaditx suffiċjentement inkunsiderazzjoni n-natura figurattiva tagħhom, liema fatt kellu effett negattiv kemm fuq ix-xebh viżiv u fonetiku tat-trade marks inkwistjoni kif ukoll fuq l-importanza relattiva li għandha tingħata lil kull waħda minn dawn l-aspetti;

il-Qorti Ġenerali wettqet numru ta’ żbalji b’rabta mal-identifikazzjoni tas-servizzi fil-klassi 36 li fir-rigward tagħhom hija kkunsidrat li t-trade mark preċedenti kellha reputazzjoni u, konsegwentement, karattru distintiv, u

kemm b’riżultat tal-iżbalji preċedenti kif ukoll b’riżultat tal-fatt li injorat fatturi importanti addizzjonali, il-Qorti Ġenerali naqset milli twettaq evalwazzjoni globali xierqa tal-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark preċedenti u t-trade mark ikkontestata.

____________

1 Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017. L 154, p. 1).