Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija) fit-13 ta’ April 2017 – Cresco Investigation GmbH vs Markus Achatzi

(Kawża C-193/17)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Oberster Gerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Cresco Investigation GmbH

Konvenut: Markus Achatzi

Domandi preliminari

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali flimkien mal-Artikolu 1 kif ukoll mal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78/KE 1 , għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ tilwima bejn ħaddiem u persuna li timpjega fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol irregolata mid-dritt privat, huwa jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-Ġimgħa l-Kbira hija wkoll btala pubblika b’perijodu ta’ mistrieħ mingħajr interruzzjoni ta’ mill-inqas 24 siegħa biss għall-membri tal-knejjes Evanġelisti tat-twemmin Awgustan u Elevetiku, tal-Knisja Kattolika Qadima u tal-Knisja Evanġelista Metodista u li abbażi tagħha l-ħaddiem li jaħdem minkejja l-perijodu ta’ mistrieħ marbut mal-btala pubblika għandu dritt, minbarra għar-remunerazzjoni ta’ xogħol mhux imwettaq minħabba l-btala pubblika, ukoll għar-remunerazzjoni li tikkorrispondi max-xogħol imwettaq, filwaqt li ħaddiema l-oħra, li ma jagħmlux parti minn dawn il-knejjes, ma għandhomx tali dritt?

Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali flimkien mal-Artikolu 2(5) tad-Direttiva 2000/78/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-direttiva ma tippreġudikax il-leġiżlazzjoni nazzjonali esposta fl-ewwel domanda, li tagħti drittijiet biss lil grupp relattivament limitat – meta mqabbel mal-popolazzjoni kollha u mal-appartenenza tal-maġġoranza għall-Knisja Kattolika Rumana – ta’ membri ta’ knejjes (oħra), għaliex hija miżura li, f’soċjetà demokratika, hija meħtieġa għall-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet tal-oħrajn, b’mod partikolari l-libertà li tiġi pprattikata reliġjon?

Id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali flimkien mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2000/78/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-leġiżlazzjoni nazzjonali esposta fl-ewwel domanda tikkostitwixxi miżura pożittiva u speċifika favur il-membri tal-knejjes imsemmija fl-ewwel domanda sabiex tiggarantilhom ugwaljanza sħiħa fil-ħajja professjonali, tipprevjeni jew tikkumpensa l-iżvantaġġi marbuta mar-reliġjon lil dawn il-membri, jekk din il-leġiżlazzjoni tagħtihom l-istess dritt li jipprattikaw ir-reliġjon tagħhom matul il-ħin tax-xogħol fi btala pubblika importanti għal din ir-reliġjon bħad-dritt li għandhom il-maġġoranza tal-ħaddiema bis-saħħa ta’ dispożizzjoni nazzjonali oħra, minħabba li l-ġranet ta’ festa tar-reliġjon li hija osservata mill-maġġoranza tal-ħaddiema huma b’mod ġenerali ġranet liberi?

Fil-każ li jiġi deċiż li hemm diskriminazzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78/KE:

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali flimkien mal-Artikolu 1, mal-Artikolu2(2)(a) kif ukoll mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2000/78/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-persuna privata li timpjega għandha, sakemm il-leġiżlatur ma jkunx għadu stabbilixxa sitwazzjoni legali nondiskriminatorja, tagħti lill-ħaddiema kollha, id-drittijiet marbuta mal-Ġimgħa l-Kbira li ġew esposti fl-ewwel domanda, irrispettivament mill-appartenenza reliġjuża tagħhom, jew il-leġiżlazzjoni nazzjonali msemmija għandha tibqa’ kompletament mhux applikata, b’tali mod li d-drittijiet marbuta mal-Ġimgħa l-Kbira li ġew esposti fl-ewwel domanda ma għandhom jingħataw lill-ebda ħaddiem?

____________

1 Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4. p. 79).