Language of document :

Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Mejju 2019 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

(Kawża C-371/19)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: J. Jokubauskaitė u R. Pethke, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tikkonstata li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 170 u 171 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 1 kif ukoll taħt l-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/9/KE tat-12 ta’ Frar 2008 li tistabbilixxi regoli dettaljati għar-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud, prevista fid-Direttiva 2006/112/KE, għal persuni taxxabbli mhux stabbiliti fl-Istat Membru ta’ rifużjoni iżda stabbiliti fi Stat Membru ieħor 2 , sa fejn tirrifjuta sistematikament li titlob l-informazzjoni li ma tkunx ipprovduta f’applikazzjoni għal rimbors tat-taxxa fuq il-valur miżjud u, minflok, tiċħad direttament l-applikazzjonijiet għal rimbors f’dawk il-każijiet fejn din l-informazzjoni ma tkunx tista’ tiġi pprovduta qabel it-terminu tat-30 ta’ Settembru;

tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea tinvoka t-tliet motivi segwenti:

1. L-ewwel motiv: ksur tal-prinċipju ta’ newtralità tat-taxxa fuq il-valur miżjud

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kisret il-prinċipju ta’ newtralità tat-taxxa fuq il-valur miżjud li huwa stabbilit fl-Artikoli 170 u 171 tad-Direttiva 2006/112 u fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/9 u li jipprovdi li fl-istadju tal-kunsinna ta’ oġġetti u tal-provvista ta’ servizzi għandha tiġi eliminata, favur il-persuna taxxabbli, it-taxxa fuq il-valur miżjud imħallsa fi stadji preċedenti.    

Il-prinċipju ta’ newtralità tat-taxxa fuq il-valur miżjud jeħtieġ li kull applikazzjoni għal rimbors li tissodisfa l-kundizzjonijiet materjali għandha tintlaqa’. Fil-każ ta’ dubji dwar jekk ikunux issodisfatti l-kundizzjonijiet materjali għar-rimbors, applikazzjonijiet għal rimbors jistgħu jiġu rrifjutati biss, skont l-Artikolu 5 flimkien mal-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tad-Direttiva 2008/9, fil-każ biss li ma tingħatax tweġiba għat-talba għal informazzjoni addizzjonali magħmula mill-Istat Membru ta’ rifjużjoni taħt l-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva.

2. It-tieni motiv: ksur tal-prinċipju ta’ effett utli tad-dritt għal rimbors tat-taxxa fuq il-valur miżjud

L-interpretazzjoni mogħtija lill-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2008/9 mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tostakola l-eżerċizzju effettiv mill-persuni taxxabbli li ma humiex stabbiliti fl-Istat Membru ta’ rimbors tad-dritt li japplikaw għal rimbors tat-taxxa fuq il-valur miżjud. B’hekk, il-prassi amministrattiva tal-awtoritajiet tat-taxxa Ġermaniżi tillimita d-drittijiet ta’ dawn il-persuni taxxabbli taħt l-Artikoli 170 u 171 tad-Direttiva 2006/112 u taħt l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2008/9.

L-effett utli tad-Direttiva 2006/112 u 2008/9 jeħtieġ     li jiġu pproċessati l-applikazzjonijiet għal rimbors tat-taxxa fuq il-valur miżjud li jkunu jissodisfaw il-kundizzjonijiet materjali, sabiex b’hekk ikun issodisfat kemm jista’ jkun possibbli l-prinċipju ta’ newtralità. Ir-regoli huma intiżi li, fl-istadju tal-kunsinna ta’ oġġetti u tal-provvista ta’ servizzi, tiġi eliminata kompletament it-taxxa fuq il-valur miżjud imħallsa fi stadji preċedenti u b’hekk huma intiżi li joħolqu kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ugwali għall-persuni taxxabbli kollha anki fil-każijiet ta’ tranżazzjonijiet transkonfinali. Għaldaqstant, għandhom jittieħdu l-miżuri amministrattivi raġonevoli kollha previsti fid-Direttiva li huma intiżi sabiex jiġu pproċessati l-applikazzjonijiet għal rimbors tat-taxxa fuq il-valur miżjud.

3. It-tielet motiv: ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi

Ir-rifjut sistematiku min-naħa tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li titlob informazzjoni addizzjonali u dokumenti ta’ sostenn skont l-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2008/9 jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi. Ladarba tirċievi konferma li l-applikazzjoni għal rimbors tagħha kienet riċevuta, persuna taxxabbli għandha tkun tista’ tistenna li l-applikazzjoni tagħha ser tiġi pproċessata inkonformità mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva. Jekk dan ma jkunx il-każ, tiġi miksura l-aspettattiva ta’ din il-persuna li l-applikazzjoni tagħha ser tiġi pproċessata skont il-liġi.

____________

1     ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60.

2     ĠU 2008, L 44, p. 23.