Language of document :

Appell ippreżentat fid-29 ta’ April 2019 minn Almashreq Investment Fund mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fit-28 ta’ Frar 2019 fil-Kawża T-415/16, Almashreq Investment Fund vs Il-Kunsill

(Kawża C-349/19 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Almashreq Investment Fund (rappreżentant: E. Ruchat, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara l-appell preżenti ammissibbli u fondat;

konsegwentement, tannulla s-sentenza tat-28 ta’ Frar 2019 (T-415/16).

Sussegwentement, billi tiddeċiedi permezz ta’ dispożizzjonijiet ġodda:

tannulla d-Deċiżjoni (PESK) 2016/850 tas-27 ta’ Mejju 2016 1 u l-atti ta’ implimentazzjoni sussegwenti tagħha, sa fejn dawn jirrigwardaw lir-rikorrenti;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż tal-kawża.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka tliet aggravji.

L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi inkwantu l-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tal-appellanti, stabbilit bl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li tinstema’ qabel l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi ġodda.

It-tieni aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi u fuq distorsjoni tal-fatti inkwantu l-Qorti Ġenerali injorat l-artikli ppreżentati mir-rikorrenti insostenn tar-rikors tagħha għal annullament sabiex turi li hija ma kinitx issostni lir-reġim Sirjan.

It-tielet aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi inkwantu l-Qorti Ġenerali ma ġġudikatx bħala illegali d-dispożizzjonijiet 27 u 28 tad-Deċiżjoni 2013/255/PESK li skonthom l-appartenenza għall-familja Al-Assad jew għall-familja Makhlouf tikkostitwixxi kriterju awtonomu li jiġġustifika l-impożizzjoni ta’ sanzjoni, fejn b’dan il-mod ikun qed jinqabel l-oneru tal-prova.

____________

1     Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/850 tas-27 ta’ Mejju 2016 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2016, L 141, p. 125).