Language of document :

Appell ippreżentat fis-17 ta’ Mejju 2019 mir-Repubblika Taljana mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (ir-Raba’ Awla) fit-12 ta’ Marzu 2019 fil-Kawża T-135/15, L-Italja vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-390/19 P)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Appellanti: Ir-Repubblika Taljana (rappreżentanti: G. Palmieri, aġent, C. Colelli, avvocato dello Stato)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, ir-Repubblika Franċiża, l-Ungerija

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla, fil-parti li hija s-suġġett ta’ dan ir-rikors, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta’ Marzu 2019, Kawża T-135/15, Ir-Repubblika Taljana vs Il-Kummissjoni Ewropea, innotifikata fit-13 ta’ Marzu 2019, li permezz tagħha ġie miċħud ir-rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu 263 TFUE mir-Repubblika Taljana kontra d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/103 tas-16 ta’ Jannar 2015 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) [innotifikata bin-numru C(2015) 53]1 .

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

1)    Ksur tar-Regolamenti 320/2006 u Nru 968/2006 u nuqqas ta’ osservanza tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Novembru 2016, fil-Kawżi magħquda C-187/12 u C-189/12, SFIR et.

Permezz tal-ewwel aggravju, is-sentenza hija kkontestata sa fejn hija tidentifika b’mod żbaljat il-mument li fih kellu jiġi vverifikat jekk is-sajlos li jinsabu f’fabbriki taz-zokkor li huma d-destinatarji tal-għajnuna kellhomx jew le l-karatteristiċi ta’ “faċilità ta’ produzzjoni” u jekk kienx, għalhekk, leġittimu jew le l-manutenzjoni tagħhom, fil-każ tal-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet għal għajnuna intiża għall-iżmantellar sħiħ tal-faċilitajiet.

2)    It-tieni aggravju: Ksur tal-linji gwida tal-Kummissjoni ddefiniti fid-Dokument Nru VI/5330/97

Permezz tat-tieni aggravju, is-sentenza hija kkontestata sa fejn il-Qorti Ġenerali, minkejja li ddeċidiet li f’dan il-każ kienu ssodisfatti ż-żewġ kundizzjonijiet previsti fl-anness 2 tal-linji gwida għall-finijiet tal-eżistenza ta’ wieħed mill-“ Każijiet dubjużi” li l-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea qies li huma rilevanti sabiex tiġi eskluża jew imnaqqsa r-rettifika finanzjarja, ikkunsidrat bħala leġittima d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tapplikax il-“każ dubjuż”.

____________

1 ĠU 2015, L 16, p. 33.