Language of document :

Appell ippreżentat fis-6 ta’ Mejju 2019 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fis-26 ta’ Frar 2019 fil-Kawża T-865/16, Fútbol Club Barcelona vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-362/19 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: P. Němečková, B. Stromsky u G. Luengo, aġenti)

Partijiet oħra fil-proċedura: Fútbol Club Barcelona u Ir-Renju ta’ Spanja

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;

tirriżerva l-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat u, b’mod partikolari, fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ vantaġġ tal-għajnuna mill-Istat u tad-dmir ta’ evalwazzjoni tal-eżistenza tal-imsemmi vantaġġ mill-Kummissjoni. Dan l-uniku aggravju jista’ jinqasam f’żewġ partijiet, li jirriżultaw mill-iżball ta’ liġi identifikat:

fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkonkludiet li l-eżami għad-determinazzjoni dwar jekk sistema fiskali speċifika tagħtix vantaġġ lill-benefiċjarji ma jirrikjedix biss l-analiżi tal-kriterji inerenti u stabbiliti tas-sistema eżaminata, li jistgħu iqiegħdu lill-benefiċjarji f’pożizzjoni iktar favorevoli meta mqabbla ma’ impriżi oħra suġġetti għas-sistema ġenerali, iżda li l-imsemmija evalwazzjoni tirrikjedi wkoll l-analiżi tal-elementi sfavorevoli prodotti minn ċirkustanzi esterni għas-sistema u li jvarjaw għal kull sena fiskali, anki meta dawn l-elementi sfavorevoli jkunu aċċidentali u ma jkunux tali li jinnewtralizzaw sistematikament il-vantaġġ u li, barra minn hekk, ma jistgħux jiġu previsti f’eżami ex ante tas-sistema.

fit-tieni lok, anki fuq il-bażi ta’ din l-evalwazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ vantaġġ, il-Qorti Ġenerali tinterpreta b’mod żbaljat l-obbligu ta’ diliġenza tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-eżami tal-eżistenza ta’ skema ta’ għajnuna u twettaq żball ta’ liġi fir-rigward tal-oneru tal-prova li l-Kummissjoni għandha sabiex turi l-eżistenza ta’ vantaġġ f’dan il-każ.

____________