Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Patent- and marknadsdomstolen (l-Isvezja) fis-7 ta’ Mejju 2019 – Konsumentombudsmannen vs Mezina AB

(Kawża C-363/19)

Lingwa tal-kawża: l-Isvediż

Qorti tar-rinviju

Patent- and marknadsdomstolen

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Konsumentombudsmannen

Konvenuta: Mezina AB

Domandi preliminari

L-Artikoli 5 u 6, moqrija flimkien mal-Artikoli 10(1) u 28(5) tar-Regolament Nru 1924/2006 1 , jirregolaw l-oneru tal-prova meta qorti nazzjonali tiddetermina jekk indikazzjonijiet dwar is-saħħa mhux permessi sarux f’sitwazzjoni fejn l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa inkwistjoni jikkorrispondu għal indikazzjoni koperta minn applikazzjoni skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1924/2006, imma fejn l-applikazzjoni għadha ma waslitx għal deċiżjoni dwar awtorizzazzjoni jew nuqqas ta’ awtorizzazzjoni, jew l-oneru tal-prova għandu jiġi ddeterminat skont id-dritt nazzjonali?

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1924/2006 jirregolaw l-oneru tal-prova, l-oneru tal-prova jaqa’ fuq il-kummerċjant li jagħmel indikazzjoni speċifika dwar saħħa jew fuq l-awtorità li titlob lill-qorti nazzjonali sabiex tipprojbixxi lill-kummerċjant milli jkompli jagħmel l-indfikazzjoni?

F’sitwazzjoni bħal dik deskritta fl-ewwel domanda, l-Artikoli 5 u 6, moqrija flimkien mal-Artikoli 10(1) u 28(5) tar-Regolament Nru 1924/2006, jirregolaw ir-rekwiżiti ta’ prova meta qorti nazzjonali tkun qed tiddetermina jekk humiex qed isiru indikazzjonijiet dwar is-saħħa mhux permessi, jew ir-rekwiżiti ta’ prova għandhom ikunu ddeterminati skont id-dritt nazzjonali?

Jekk ir-risposta għat-tielet domanda hija li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1924/2006 jirregolaw ir-rekwiżiti ta’ prova, x’inhuma r-rekwiżiti ta’ prova imposti?

Ir-risposta għall-ewwel sar-raba’domanda hija affettwata mill-fatt li r-Regolament Nru 1924/2006 [inkluż il-punt (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 tar-regolament] u d-Direttiva 2005/29 2 jistgħu jiġu applikati flimkien fil-proċeduri quddiem il-qorti nazzjonali?

____________

1 Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Diċembru 2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (ĠU 2006, L 404, p. 9, rettifika fil-ĠU 2007, L 12, p. 3).

2 Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU 2005, L 149, p. 22).