Language of document :

Appell ippreżentat fl-20 ta’ Mejju 2019 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fis-7 ta’ Marzu 2019 fil-Kawża T-837/16, Ir-Renju tal-Isvezja vs Il-Kummisjoni Ewropea

(Kawża C-389/19 P)

Lingwa tal-kawża: l-Isvediż

Partijiet

Appellant: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: R. Lindenthal, K. Mifsud-Bonnici, G. Tolstoy, bħala aġenti)

Partijiet oħra fil-proċedura: Ir-Renju tal-Isvezja,

Ir-Renju tad-Danimarka,

Ir-Repubblika tal-Finlandja,

Il-Parlament Ewropew u

L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi

Talbiet

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (il-Ħames Awla) tas-7 ta’ Marzu 2019 fil-Kawża T-837/16, Ir-Renju tal-Isvezja vs Il-Kummissjoni Ewropea, tiċħad ir-rikors fl-ewwel istanza u kkundanna lir-Renju tal-Isvezja għall-ispejjeż, jew, sussidjarjament,

tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal kunsiderazzjoni mill-ġdid u tirriżerva l-ispejjeż tal-proċeduri tal-ewwel istanza u tal-appell, u

tordna li l-effetti tad-deċiżjoni kkontestata jinżammu.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appell jikkonċerna s-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (il-Ħames Awla) tas-7 ta’ Marzu 2019 fil-Kawża T-837/16. F’dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C (2016) 5644 finali tas-7 ta’ Settembru 2016 li tawtorizza għal ċerti użi s-sulfokromat taċ-ċomb isfar u s-sulfat tal-molibdat tal-kromat taċ-ċomb aħmar, u ċaħdet it-talba tal-Kummissjoni li l-effetti tad-deċiżjoni għandhom jinżammu sakemm il-Kummissjoni tkun tista’ tirrevedi l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni.

Il-Kummissjoni ressqet erba’ aggravji insostenn tal-appell tagħha.

L-ewwel aggravju: Fil-punti tas-sentenza dwar l-oneru tal-prova li għandu jiġi applikat fl-aanliżi tal-alternattivi, u b’mod partikolari l-punti 79, 81, 85, 86, 90 u 101, il-Qorti Ġenerali għamlet applikazzjoni manifestament żbaljata tal-liġi fir-rigward tal-Artikolu 60(4).

It-tieni aggravju: Matul ir-raġunament tagħha u b’mod partikolari fil-punti 86, 90 u 96, il-Qorti Ġenerali għamlet applikazzjoni manifestament żbaljata tal-liġi billi injorat għal kollox is-setgħat diskrezzjonali tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-valur limitu għall-vijabilità teknika u ekonomika fl-analiżi tal-alternattivi taħt l-Artikolu 60(4) u għalhekk applikat kriterju mhux korrett għall-istħarriġ ġudizzjarja u indaħlet fl-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-kunsiderazzjonijiet soċjali, ekonomiċi u tekniċi.

It-tielet aggravju: Fil-punti 86, 97 u 98, il-Qorti Ġenerali għamlet applikazzjoni manifestament żbaljata tal-liġi fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata, l-ewwel nett billi naqset milli tqis il-fatt li l-ebda awtorizzazzjoni ma ngħatat għall-użi fejn il-katteristiċi tal-pigment taċ-ċomb fir-rigward tal-prestazzjoni teknika ma humiex neċessarji u, fit-tieni lok, billi ddeskriviet il-kundizzjonijiet fid-deċiżjoni kkontestata sabiex juru li l-kundizzjoni għall-analiżi tal-alternattivi fl-Artikolu 60(4) ma kinitx ġiet issodisfatta.

Ir-raba’ aggravju: It-tieni paragrafu tad-dispożittiv, fejn il-Qorti Ġenerali ordnat li l-effetti tad-deċiżjoni kkontestata ma kellhomx jinżammu, huwa bbażat fuq applikazzjoni manifestament żbaljata tal-liġi fil-punt 112 tas-sentenza.

____________