Language of document : ECLI:EU:F:2011:47

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLLIKU (It-Tielet Awla)

15 ta’ April 2011

Kawżi magħquda F-72/09 u F-17/10

Simone Daake

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Servizz pubbliku — Membru tal-persunal bil-kuntratt — Reklutaġġ — Ex membru tal-persunal temporanju rreklutat bħala membru tal-persunal bil-kuntratt — Nota li tfakkar id-data li fiha jintemm il-kuntratt — Att li jikkawża preġudizzju — Talbiet manifestament inammissibbli — Deċiżjoni li tirrifjuta li ġġedded il-kuntratt — Żball manifest ta’ evalwazzjoni — Danni — Talbiet manifestament infondati fid-dritt”

Suġġett: Rikorsi ppreżentati skont, rispettivament l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, u l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tagħhom S. Daake qiegħda essenzjalment titlob l-annullament tan-nota tal-UASI, tat-12 ta’ Settembru 2008, li tinformaha li l-kuntratt tagħha bħala membru tal-persunal bil-kuntratt kien ser jiskadi fil-31 ta’ Ottubru 2008 u ma kienx ser jiġġedded, kif ukoll il-kundanna tal-UASI għall-ħlas tad-danni.

Deċiżjoni: Ir-rikorsi tar-rikorrenti huma miċħuda bħala parzjalment manifestament inammissibbli u bħala parzjalment manifestament infondati fid-dritt. Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż kollha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rikorsi — Att li jikkawża preġudizzju — Kunċett — Ittra indirizzata lil membru tal-persunal bil-kuntratt li tfakkru fid-data tal-iskadenza tal-kuntratt ta’ impjieg tiegħu — Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(2))

2.      Uffiċjali — Rikorsi — Att li jikkawża preġudizzju — Kunċett — Deċiżjoni li ma jiġġeddidx kuntratt — Inklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(2))

3.      Uffiċjali — Membri tal-persunal bil-kuntratt — Reklutaġġ — Tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 88)

4.      Uffiċjali — Rikors — Ilment imressaq kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ talba għad-danni — Terminu — Dekadenza — Ftuħ mill-ġdid — Kundizzjoni — Punti ta’ liġi jew ta’ fatt ġodda

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(1))

1.      Huma biss il-miżuri li għandhom effetti legali vinkolanti u li jistgħu jaffettwaw direttament u immedjatament l-interessi tar-rikorrent billi jbiddlu, b’mod kunsiderevoli, il-pożizzjoni legali tiegħu li jikkostitwixxu atti jew deċiżjonijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament.

Għaldaqstant, ittra ta’ istituzzjoni li sempliċement tfakkar lil membru tal-persunal bil-kuntratt bil-kundizzjonijiet tal-kuntratt tiegħu dwar id-data tal-iskadenza ta’ dan il-kuntratt u li ma jkun fiha ebda punt ġdid fir-rigward ta’ dawn il-kundizzjonijiet, ma tikkostitwixxix att li jikkawża preġudizzju.

(ara l-punti 34 u 35)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 9 ta’ Lulju 1987, Castagnoli vs Il‑Kummissjoni, 329/85, punt 11; 14 ta’ Settembru 2006, Il‑Kummissjoni vs Fernández Gómez, C‑417/05 P, punti 45 sa 47; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 19 ta’ Ottubru 1995, Obst vs Il‑Kummissjoni, T‑562/93, punt 23

2.      Fil-każ fejn kuntratt ikun jista’ jiġi mġedded, deċiżjoni meħuda mill-amministrazzjoni li l-kuntratt ma jiġġeddidx tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal li huwa distint mill-kuntratt inkwistjoni u li jista’ jkun is-suġġett ta’ lment, u eventwalment ta’ rikors, fit-termini stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, tali deċiżjoni, mogħtija sussegwentement għal eżami mill-ġdid tal-interess tas-servizz u tas-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata, tinkludi punt ġdid fir-rigward tal-kuntratt inizjali u ma tistax titqies li sempliċement tikkonfermah.

(ara l-punt 36)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 15 ta’ Ottubru 2008, Potamianos vs Il‑Kummissjoni, T-160/04, punt 21

3.      L-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni fir-rigward ta’ deċiżjoni li ma jiġġeddidx kuntratt ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt, li tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju, għandu jkun limitat għall-verifika ta’ nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-evalwazzjoni tal-interess tas-servizz li seta’ ġġustifika d-deċiżjoni msemmija u ta’ użu ħażin ta’ poter kif ukoll għall-verifika ta’ nuqqas ta’ ksur tad-dmir ta’ premura li għandha amministrazzjoni meta tiġi sabiex tiddeċiedi dwar it-tiġdid ta’ kuntratt li jkun rabatha ma’ wieħed mill-membri tal-persunal tagħha.

(ara l-punt 41)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 27 ta’ Novembru 2008, Klug vs EMEA, F 35/07, punt 68

4.      Meta deċiżjoni espliċita ta’ ċaħda ta’ talba għad-danni ma jkunx fiha, meta mqabbla mad-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda preċedenti, eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata fid-dawl ta’ punti ta’ liġi jew ta’ fatt ġodda, din l-istess deċiżjoni tikkostitwixxi att purament konfermattiv tad-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda u għalhekk b’ebda mod ma tagħti lill-persuna kkonċernata terminu ġdid għat-tressiq ta’ lment.

(ara l-punt 52)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 20 ta’ Marzu 1984, Razzouk u Beydoun vs Il‑Kummissjoni, 75/82 u 117/82, punt 12