Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Pesti Központi Kerületi Bíróság (l-Ungerija) fl-24 ta’ Lulju 2019 – Proċeduri kriminali kontra IS

(Kawża C-564/19)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Pesti Központi Kerületi Bíróság

Parti fil-proċeduri kriminali nazzjonali

IS

Domandi preliminari

1/A.    L-Artikolu 6(1) TUE u l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2010/64/UE 1 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-Istat Membru għandu jistabbilixxi reġistru ta’ tradutturi u interpreti indipendenti li għandhom il-kwalifiki meħtieġa sabiex jiġi ggarantit li l-persuni akkużati li ma jifhmux il-lingwa tal-kawża jibbenefikaw minn smigħ xieraq jew, fin-nuqqas ta’ dan, għandu jiżgura li n-natura adegwata tal-kwalità tal-interpretazzjoni fil-proċedura ġudizzjarja tista’ tkun suġġetta għal stħarriġ?

1/B.    Jekk l-ewwel domanda għandha tiġi risposta fl-affermattiv u jekk, fl-assenza ta’ natura adegwata ta’ interpretazzjoni f’dan il-każ, ma huwiex possibbli li jiġi stabbilit jekk il-persuna akkużata kinitx ġiet informata bis-suspetti jew bl-akkużi fil-konfront tagħha, l-Artikolu 6(1) TUE u l-Artikoli 4(5) u 6(1) tad-Direttiva 2012/13/UE 2 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-proċedura ma tistax f’dan il-każ titkompla fil-kontumaċja?

2/A.    Il-prinċipju tal-indipendenza ġudizzjarja stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu jiġi interpretat fis-sens li dan il-prinċipju jiġi ppreġudikat meta l-President tal-Országos Bírósági Hivatal (l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Ġustizzja), inkarigat minn funzjonijiet ta’ amministrazzjoni ċentrali tal-qrati, li huwa maħtur mill-Parlament u li lilu biss irid jagħti kont, u fejn dan biss jista’ jneħħieh mill-karigi tiegħu, jimla l-pożizzjoni ta’ President ta’ qorti – fejn dan il-President huwa b’mod partikolari awtorizzat sabiex jiddeċiedi dwar it-tqassim tal-kawżi, japplika proċeduri dixxiplinari fil-konfront ta’ mħallfin u jevalwa l-imħallfin – permezz ta’ ħatra diretta temporanja, billi jdur mal-proċedura ta’ sejħa għal kandidaturi u billi jinjora sistematikament l-opinjoni tal-korpi ġudizzjarji awtonomi awtorizzati għal dan il-għan?

2/B.    Jekk id-domanda preċedenti għandha tingħata risposta fl-affermattiv, u fejn l-imħallef inkarigat minn kawża partikolari jista’ jkollu raġunijiet fondati sabiex jibża’ li huwa ser jiġi indebitament ippreġudikat minħabba l-attivitajiet ġudizzjarji jew amministrattivi tiegħu, il-prinċipju ċċitat iktar ’il fuq għandu jiġi interpretat fis-sens li smigħ xieraq ma huwiex iggarantit?

3/A.    Il-prinċipju tal-indipendenza ġudizzjarja stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali kif ukoll fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma hijiex kompatibbli ma’ dan il-prinċipju s-sitwazzjoni li fiha, sa mill-1 ta’ Settembru 2018, kuntrarjament għall-prassi li kienet isseħħ sa minn deċennji, l-imħallfin Ungeriżi, skont il-liġi, jirċievu remunerazzjoni inqas mill-prosekuturi li għandhom l-istess grad fl-istess funzjoni ta’ xogħol u l-istess anzjanità, u fejn, jekk tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ekonomika tal-pajjiż, ir-remunerazzjoni tagħhom ma hijiex b’mod ġenerali konformi mal-importanza tal-kompiti li huma jwettqu, b’teħid inkunsiderazzjoni b’mod partikolari tal-prassi tal-bonuses diskrezzjonali applikata għal funzjonijiet ta’ amministrazzjoni ogħla?

3/B.    Jekk għandha tingħata risposta fl-affermattiv, il-prinċipju ċċitat iktar ’il fuq ta’ indipendenza tal-qrati għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt għal smigħ xieraq ma jistax jiġi ggarantit f’dawn il-kundizzjonijiet?

4/A.     L-Artikolu 267 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) għandu jiġi interpretat fis-sens li tmur kontra din id-dispożizzjoni deċiżjoni ta’ ġurisprudenza nazzjonali li skont din l-ogħla awtorità ġudizzjarja nazzjonali, fil-kuntest ta’ proċedura intiża għall-unifikazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Istat Membru, mingħajr ma taffettwa l-effetti legali tad-digriet inkwistjoni, tikklassifika bħala illegali d-digriet tal-qorti inferjuri li permezz tiegħu nbdiet il-proċedura għal deċiżjoni preliminari?

4/B. Jekk id-domanda 4/A għandha tingħata risposta fl-affermattiv, l-Artikolu 267 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti tar-rinviju ma għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet kuntrarji tal-qorti superjuri u l-pożizzjonijiet ta’ prinċipju meħuda fl-interess tal-uniformità tad-dritt?

4/C.    Jekk id-domanda 4/A għandha tingħata risposta fin-negattiv, il-proċeduri kriminali sospiżi jistgħu jitkomplew filwaqt li l-proċedura għal deċiżjoni preliminari tkun għadha għaddejja?

5.    Il-prinċipju tal-indipendenza ġudizzjarja stabbilit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TFUE u fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali kif ukoll fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu jiġi interpretat fis-sens li, fid-dawl tal-Artikolu 267 TFUE, dan il-prinċipju jiġi ppreġudikat meta tinbeda proċedura dixxiplinari fil-konfront ta’ mħallef minħabba li jkun beda proċedura għal deċiżjoni preliminari?

____________

1 Direttiva 2010/64/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali (ĠU 2010, L 280, p. 1).

2 Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (ĠU 2012, L 142, p. 1).