Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Litwanja) fl-10 ta’ Settembru 2019 – UAB “Skonis ir kvapas” vs Muitinės departamentas prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos

(Kawża C-674/19)

Lingwa tal-kawża: il-Litwan

Qorti tar-rinviju

Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: UAB « Skonis ir kvapas »

Konvenut: Muitinės departamentas prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos

Domandi preliminari

L-Artikolu 2(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/64/UE tal-21 ta’ Ġunju 2011 dwar l-istruttura u r-rati tad-dazju tas-sisa fuq it-tabakk manifatturat 1 , għandu jiġi interpretat fis-sens li t-tabakk tal-pipa tal-ilma bħal dak inkwistjoni fil-kawża preżenti (jiġifieri li jikkonsisti minn tabakk (sa 24%), ġulepp taz-zokkor, gliċerina, sustanzi aromatiċi u preservattiv) għandu jkun ikkwalifikati bħala “prodott magħmul parzjalment minn sustanzi barra mit-tabakk” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni?

L-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2011/64, inkluż fejn jinqara flimkien mal-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li meta t-tabakk li jkun fit-taħlita intiża għat-tipjip – f’dan il-każ, fit-tabakk tal-pipa tal-ilma (f’dan il-każ, fil-prodott inkwistjoni) – jissodisfa l-kriterji msemmija fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2011/64, it-taħlita kollha kemm hija għandha titqies bħala tabakk għat-tipjip, indipendentement mis-sustanzi l-oħra li fiha?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għat-tieni domanda, l-Artikolu 2(2) u/jew l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2011/64 għandhom jiġu interpretati fis-sens li għandu jitqies bħala “tabakk għat-tipjip” fis-sens ta’ din id-direttiva kwalunkwe prodott, bħal dak inkwistjoni fil-kawża preżenti, miksub billi tħallat tabakk maqsum ma’ likwidi u sustanzi oħra normalment f’forma ta’ trab (ġulepp taz-zokkor, gliċerina, sustanzi aromatiċi u preservattiv).?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għat-tieni domanda u ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel u għat-tielet domanda, id-dispożizzjonijiet tan-Nomenklatura magħquda stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana 2 , kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1006/2011 tas-27 ta’ Settembru 2011, bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 927/2012 tad-9 ta’ Ottubru 2012, bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1001/2013 tal-4 ta’ Ottubru 2013 u bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1101/2014 tas-16 ta’ Ottubru 2014, dwar l-intestatura 2403 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma humiex ikkunsidrati bħala “sostituti għat-tabakk” sustanzi wżati bħala komponenti tat-tabakk tal-pipa tal-ilma, bħal (1) ġulepp taz-zokkor, (2) sustanzi aromatiċi, u (3) gliċerina?

____________

1     ĠU 2011, L 176, p. 24.

2     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382.