Language of document : ECLI:EU:F:2013:36

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

14 ta’ Marzu 2013

Kawża F‑63/08

Eugen Christoph

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Persunal mhux permanenti – Artikoli 2, 3a u 3b tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg – Membri tal-persunal temporanju – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt – Tul tal-kuntratt – Artikoli 8 u 88 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg – Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-28 ta’ April 2004, dwar il-perijodu massimu ta’ impjieg ta’ persunal mhux permanenti fid-dipartimenti tal-Kummissjoni – Direttiva 1999/70/KE – Applikabbiltà għall-istituzzjonijiet”

Suġġett:      Rikors ippreżentat taħt l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu E. Christoph u disa’ rikorrenti oħra jitolbu l-annullament tad-deċiżjonijiet li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet tal-impjieg tar-rikorrenti sa fejn il-perijodu tal-kuntratt tagħhom jew tat-tiġdid tiegħu huwa limitat għal żmien determinat.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament infondat fid-dritt. Ir-rikorrenti għandhom ibatu l-ispejjeż u huma kkundannati għall-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Sommarju

1.      Proċedura ġudizzjarja – Deċiżjoni meħuda permezz ta’ digriet motivat – Kundizzjonijiet – Rikors manifestament inammissibbli jew manifestament infondat fid-dritt – Portata

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 76)

2.      Atti tal-istituzzjonijiet – Direttivi – Direttiva 1999/70 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP –– Esklużjoni – Invokabbiltà – Portata

(Artikolu 288 TFUE; Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikoli 8 u 88; Direttiva tal‑Kunsill 1999/70, Anness, klawżola 5(1))

3.      Politika soċjali – Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat – Direttiva 1999/70 – Stabbiltà tal-impjieg – Portata – Dritt għal tiġdid tal‑kuntratt – Assenza

(Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 30; Direttiva tal-Kunsill 1999/70)

4.      Uffiċjali – Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej – Membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt – Possibbiltà ta’ tiġdid skont il-bżonnijiet tal-istituzzjoni kkonċernata

(Kondizzjonijiet ta’ l-Impjieg ta’ ħaddiema oħra, Artikolu 88)

1.      Skont l-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, meta rikors ikun parzjalment jew totalment manifestament inammissibbli jew manifestament infondat fid-dritt, il-Qorti Ġenerali tista’, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat, mingħajr ma tkompli l-proċedura.

It-tieni ipoteżi msemmija minn din id-dispożizzjoni tinkludi kull rikors li huwa manifestament miċħud għal raġunijiet relatati mal-mertu tal-kawża. Iċ-ċaħda ta’ tali rikors permezz ta’ digriet motivat skont l-Artikolu 76 tal-Regoli tal-Proċedura mhux biss tikkontribwixxi għat-tnaqqis tat-tul tal-proċess, b’mod partikolari meta dan kien twil mhux tas-soltu, iżda jiffranka lill-partijiet l-ispejjeż li huma neċessarji sabiex tinżamm is-seduta. Din is-soluzzjoni tiġġustifika ruħha a fortiori fil-każ fejn is-sitwazzjoni fattwali ta’ rikorrent kif ukoll il-motivi u l-argumenti legali invokati ma jkunux distinti minn dawk f’kawża oħra li fiha ir-rikors ikun diġà ġie miċħud mill-qorti tal-Unjoni.

(ara l-punti 30 u 31)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 27 ta’ Settembru 2011, Lübking vs Il-Kummissjoni, F‑105/06, punt 41

2.      Id-direttivi huma indirizzati lill-Istati Membri u mhux lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 1999/70 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP u dawk ta’ dan il-ftehim qafas ma humiex ikkunsidrati bħala tali li jimponu obbligazzjonijiet fuq l-istituzzjonijiet fir-rapporti tagħhom mal-persunal tagħhom. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 1999/70 ma joħolqux bħala tali, eċċezzjoni ta’ illegalità fil-konfront tal-Artikoli 8 u 88 tas-sistema applikabbli għal aġenti oħra.

Madankollu, din iċ-ċirkustanza ma teskludix li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 1999/70 u tal-Ftehim-Qafas jistgħu jiġu invokati kontra istituzzjoni fir-relazzjonijiet mal-uffiċjali tagħhom u mal-membri tal-persunal meta dawn jikkostitwixxu l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt. Dan ma huwiex il-każ ta’ preskrizzjonijiet minimi li għandhom l-għan li jevitaw l-użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat stabbilit fil-punt 1 tal-klawżola 5, tal-Ftehim qafas. Ċertament, dawn il-preskrizzjonijiet jikkostitwixxu, regoli tad-dritt soċjali tal-Unjoni li għandhom importanza partikolari iżda ma jesprimux għaldaqstant xi prinċipji ġenerali tad-dritt.

Madankollu, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 1999/70 u tal-Ftehim qafas jistgħu jiġu invokati kontra istituzzjoni għall-finijiet ta’ interpretazzjoni, sa fejn hu possibbli, tar-regoli applikabbli għall-membri tal-persunal l-oħra li jkunu konformi għall-għanijiet u r-rekwiżiti minimi tal-Ftehim qafas.

(ara l-punti 44, 46, 49 u 75)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 21 ta’ Settembru 2011, Adjemian et vs Il-Kummissjoni, T‑325/09 P (iktar ’il quddiem is-“sentenza Adjemian II”), punti 52 u 56

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 4 ta’ Ġunju 2009, Adjemian et vs Il-Kummissjoni, F‑134/07 (iktar ’il quddiem is-“sentenza Adjemian I”), punti 87, 96, 97 u 117 ; 11 ta’ Lulju 2012, AI vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, F‑85/10, punt 133

3.      Jekk l-istabbiltà tal-impjieg hija stabbilita bħala element prinċipali tal-protezzjoni tal-ħaddiema, hija ma tikkostitwixxix prinċipju ġenerali tad-dritt li fid-dawl tiegħu tista’ tiġi evalwata l-legalità ta’ att ta’ istituzzjoni. B’mod partikolari, bl-ebda mod ma jirriżulta mid-Direttiva 1999/70 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP, u mill-imsemmi Ftehim qafas li l-istabbiltà tal-impjieg kienet imsejsa bħala prinċipju ġenerali tad-dritt. Barra minn dan, il-premessi 6 u 7 tad-Direttiva, kif ukoll l-ewwel paragrafu tal-preambolu u l-premessa 5 tal-ftehim qafas innifsu jenfasizzaw fuq il-bżonn li jintlaħaq bilanċ bejn il-flessibbiltà u s-sigurtà. Barra minn hekk, il-ftehim qafas ma jistabbilixxix obbligu ġenerali li fil-parti ta’ min iħaddem sabiex jipprovdi, wara numru ta’ tiġdid ta’ kuntratti għal perijodu determinat jew wara li jgħaddi ċertu perijodu ta’ xogħol, dawn il-kuntratti jsiru kuntratti għal perijodu indeterminat.

Min-naħa l-oħra, l-istabbiltà tal-impjieg jikkostitwixxi għan segwit mill-partijiet firmatarji tal-Ftehim qafas li fil-klawżola 1(b) tiegħu jipprovdi li dan għandu bħala għan l-istabbiliment ta’ qafas sabiex jiġi prevenut l-abbuż li jirriżulta mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet għal żmien determinat suċċessivi.

Barra minn hekk, jekk l-Artikolu 30 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprovdi li kull ħaddiem għandu dritt għal protezzjoni kontra t-tkeċċija inġusta, dan l-artikolu ma jikkundannax is-sekwenza ta’ kuntratti għal żmien determinat. Barra dan, it-tmiem ta’ kuntratt għal żmien determinat, mis-sempliċi fatt li seħħ it-tmiem tiegħu, ma jikkostitwixxix tkeċċija li għandha tiġi speċjalment motivata fir-rigward tal-kapaċità, l-imġiba jew ir-rekwiżiti tal-funzjonament tal-istituzzjoni.

(ara l-punti 51, 52 u 55)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 30 ta’ April 2009, Aayhan et vs Il-Parlament, F-65/07, punt 115; Adjemian et vs Il-Kummissjoni (iktar ’il quddiem is-“sentenza Adjemian I”), iċċitata iktar ’il fuq, punti 98 u 99

4.      Kull impjieg ta’ membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt għandu jissodisfa l-bżonnijiet tal-passiġġieri jew tal-intermittenti. Il-karatteristika prinċipali tal-kuntratti ta’ reklutaġġ bħala membru tal-persunal awżiljarju bil-kuntratt hija l-prekarjetà tagħhom fiż-żmien, li tikkorrispondi għall-għan proprju ta’ dawn il-kuntratti li huwa li jwettqu kompiti prekarji, min-natura tagħhom jew fin-nuqqas ta’ persunal tal-post, minn membri tal-persunal każwali. Fil-kuntest ta’ f’amministrazzjoni b’persunal kbir, huwa inevitabbli li tali bżonnijiet jirrepetu ruħhom minħabba, b’mod partikolari, l-indisponibbiltà tal-uffiċjali, iż-żieda tax-xogħol dovuta għaċ-ċirkustanzi jew in-neċessità, għal kull Direttorat Ġenerali, li jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu persuni li għandhom kwalifiki speċifiċi jew għarfien speċifiku, u dawn iċ-ċirkustanzi kollha jikkostitwixxu raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw kemm il-perijodu determinat tal-kuntratti ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt għal kompiti awżiljarji u kif ukoll l-estensjoni ta’ tali kuntratti meta jkun hemm il-bżonn.

(ara l-punt 69)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: Adjemian et vs Il-Kummissjoni (iktar ’il quddiem is-“sentenza Adjemian II”), iċċitata iktar ’il fuq, punt 86

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: Adjemian et vs Il-Kummissjoni (iktar ’il quddiem is-“sentenza Adjemian I”), iċċitata iktar ’il fuq, punt 132