Language of document : ECLI:EU:F:2012:152

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

14 ta’ Novembru 2012

Kawża F‑75/11

Vincent Bouillez

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Promozzjoni – Proċedura ta’ promozzjoni 2007 – Rifjut ta’ promozzjoni – Annullament – Miżuri ta’ implementazzjoni – Eżami mill-ġdid komparattiv tal-merti – Eżami komparattiv tal-merti tal-uffiċjali fil-grupp ta’ funzjonijiet AST skont l-iżvolġiment tal-karriera tagħhom”

Suġġett: Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu V. Bouillez jitlob, essenzjalment, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kunsill, tal-1 ta’ Ottubru 2010, li ma tippromovihx għall-grad AST 7 fil-kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni 2007 wara eżami mill-ġdid komparattiv tal-merti li sar sabiex jimplementa s-sentenza tat-Tribunal tal-5 ta’ Mejju 2010, Bouillez et vs Il-Kunsill, F‑53/08 (iktar ʼil quddiem is-“sentenza tal-5 ta’ Mejju 2010”.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Il-Kunsill għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess u huwa kkundannat li jbati kwart mill-ispejjeż ta’ V. Bouillez. Ir-rikorrenti għandu jbati tliet kwarti mill-ispejjeż tiegħu.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Promozzjoni – Eżami komparattiv tal-merti – Modalitajiet – Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni – Limiti – Osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Neċessità ta’ eżami mill-Awtorità tal-Ħatra dwar l-uffiċjali eliġibbli għal promozzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

2.      Uffiċjali – Promozzjoni – Eżami komparattiv tal-merti – Modalitajiet – Uffiċjali fil-grupp ta’ funzjonijiet AST – Eżami distint skont l-iżvolġiment tal-karriera

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45, Anness XIII, Artikolu 10)

3.      Uffiċjali – Promozzjoni – Eżami komparattiv tal-merti – Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni – Elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45(1))

4.      Uffiċjali – Promozzjoni – Eżami komparattiv tal-merti – Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45)

1.      L-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jobbliga lill-Awtorità tal-Ħatra biex tagħmel eżami komparattiv tal-merti tal-uffiċjali eliġibbli għall-promozzjoni, jippresupponi li tali eżami jiġi estiż għall-uffiċjali kollha eliġibbli għal promozzjoni, irrispettivament mill-funzjonijiet li jwettqu. Fil-fatt, rekwiżit bħal dan huwa l-espressjoni kemm tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-uffiċjali kif ukoll tal-prinċipju ta’ prospetti raġonevoli ta’ karriera.

Issa, fil-każ li l-leġiżlatur ried li jgħaqqad fi grupp ta’ funzjonijiet wieħed l-amministraturi kollha, li jeżerċitaw funzjonijiet lingwistiċi jew funzjonijiet oħra, hija l-imsemmija awtorità li hija kompetenti li tagħmel eżami komparattiv wieħed tal-merti għall-amministraturi kollha li huma eliġibbli għal promozzjoni fl-istess grad.

(ara l-punti 33 u 34)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 15 ta’ Diċembru 2010, Almeida Campos et vs Il-Kunsill, F‑14/09, punti 31 u 35 u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      Fir-rigward tal-uffiċjali tal-grupp ta’ funzjonijiet AST, l-Artikolu 10 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi, sabiex jiġi stabbilit in-numru ta’ pożizzjonijiet vakanti għal kull grad, rati ta’ multiplikazzjoni ta’ referenza li jvarjaw skont l-iżvolġiment tal-karriera.

Filwaqt li l-amministrazzjoni għandha tikkonforma ruħha ma’ dawn ir-rati, huwa korrett li l-Awtorità tal-Ħatra tagħmel eżamijiet komparattivi distinti tal-merti tal-uffiċjali tal-grupp ta’ funzjonijiet AST skont l-iżvolġiment tal-karriera.

F’dan ir-rigward, il-paragun tal-merti, għall-bżonnijiet tal-proċedura ta’ promozzjoni, tal-uffiċjali tal-grupp ta’ funzjonijiet AST skont l-iżvolġiment tal-karriera ma jiksirx l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, peress illi l‑Artikolu 10 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal jidderoga, inkwantu liġi speċjali, mid-dispożizzjonijiet ġenerali tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 35 sa 37)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 10 ta’ Novembru 2011, Juvyns vs Il-Kunsill, F‑20/09, punti 42 u 43

3.      Għall-finijiet tal-eżami komparattiv tal-merti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ deċiżjoni ta’ promozzjoni prevista fl-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-Awtorità tal-Ħatra tgawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa.

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 45(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jagħti lill-istituzzjonijiet ċerta libertà dwar il-punti ta’ fatt li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biex jipproċedu bl-eżami komparattiv tal-merti tal-uffiċjali eliġibbli għall-promozzjoni, għaliex, fuq dan il-punt, ma jistabbilixxix lista eżawrjenti. Fil-fatt, l-Artikolu 45(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jippreċiża, permezz tal-użu tal-espressjoni “partikolarment”, liema huma t-tliet punti ta’ fatt prinċipali li għandhom b’mod obbligatorju jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-eżami komparattiv tal-merti. Dan madankollu ma jeskludix it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ punti ta’ fatt oħra li jistgħu wkoll jagħtu indikazzjoni tal-merti tal-uffiċjali eliġibbli għall-promozzjoni. Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt li, fil-qasam tal-promozzjoni, l-Awtorità tal-Ħatra tista’ biss b’mod sussidjarju – fil-każ ta’ ugwaljanza ta’ merti bejn l-uffiċjali eliġibbli għall-promozzjoni fid-dawl tat-tliet elementi msemmija espressament fl-Artikolu 45(1) tar-Regolamenti tal-Persunal - tieħu inkunsiderazzjoni l-età tal-kandidati u l-anzjanità tagħhom fil-grad jew fid-dipartiment. Fil-fatt, la l-età u lanqas l-anzjanità ma jistgħu waħedhom jindikaw il-merti tal-kandidati li jistgħu jiġu promossi. Huwa għalhekk għal din ir-raġuni li dawn jistgħu jittieħdu biss inkunsiderazzjoni biex tittieħed deċiżjoni bejn il-kandidati ta’ merti ugwali.

Sussegwentement, l-amministrazzjoni tgawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa dwar l-importanza rispettiva li hija tagħti lil kull wieħed mit-tliet kriterji imsemmija fl-Artikolu 45(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu ma jeskludux il-possibbiltà ta’ bbilanċjar bejniethom.

(ara l-punti 56 sa 58)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: 15 ta’ Settembru 2005, Casini vs Il-Kummissjoni, T‑132/03, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 24 ta’ Marzu 2011, Canga Fano vs Il-Kunsill, F‑104/09, punt 68, li ġiet appellata quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑281/11 P; 28 ta’ Settembru 2011, AC vs Il-Kunsill, F‑9/10, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata

4.      Is-setgħa diskrezzjonali tal-Awtorità tal-Ħatra hija limitata mill-ħtieġa li jsir eżami komparattiv tal-merti tal-uffiċjali b’attenzjoni u b’imparzjalità, fl-interess tas-servizz u inkonformità mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattment. Fil-prattika, dan l-eżami għandu jsir fuq bażi ugwali u abbażi ta’ sorsi ta’ informazzjoni u ta’ dettalji komparabbli.

F’dan il-qasam, l-istħarriġ tal-qorti għandu jirrigwarda biss il-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl tal-proċeduri u tal-mezzi li l-amministrazzjoni tista’ tuża fl-evalwazzjoni tagħha, din tal-aħħar aġixxietx fil-limiti li ma jistgħux jiġu kkontestati u ma użatx l-awtorità tagħha b’mod manifestament żbaljat.

Għaldaqstant ma huwiex it-Tribunal li għandu jwettaq eżami mill-ġdid iddettaljat tal-fajlijiet kollha tal-kandidati eliġibbli għal promozzjoni sabiex jiżgura ruħu li jaqbel mal-konklużjoni li għaliha tkun waslet l-Awtorità tal-Ħatra, għaliex, kieku kellu jwettaq dan l-eżerċizzju, huwa jeċċedi s-setgħat tiegħu ta’ stħarriġ ġudizzjarju, billi jkun qiegħed jissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-merti tal-kandidati eliġibbli għal promozzjoni tal-imsemmija awtorità b’dik tiegħu.

Barra minn hekk, it-Tribunal ma jistax jissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-kwalifiki u tal-merti tal-uffiċjali tal-Awtorità tal-Ħatra b’dik tiegħu u annullament minħabba żball manifest ta’ evalwazzjoni jkun possibbli biss jekk jirriżulta mill-atti tal-proċess li l-awtorità tkun qabżet il-limiti li jiddelinejaw l-imsemmi marġni ta’ diskrezzjoni.

(ara l-punti 59 sa 62)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: Casini vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ʼil fuq, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: AC vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ʼil fuq, punti 14 u 23; 13 ta’ Diċembru 2011, Stols vs Il-Kunsill, F‑51/08 RENV, punti 37 u 38