Language of document :

Appell ippreżentat fit-18 ta’ Frar 2019 minn Bank Refah Kargaran mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fl-10 ta’ Diċembru 2018 fil-Kawża T-552/15, Bank Refah Kargaran vs Il-Kunsill

(Kawża C-134/19 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Bank Refah Kargaran (rappreżentant: J.-M. Thouvenin, avukat)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla parzjalment is-sentenza mogħtija fl-10 ta’ Diċembru 2018 mit-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża T-522/15;

prinċipalment, tilqa’ t-talbiet li r-rikorrent għamel quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri l-għoti ta’ danni bħala kumpens għad-dannu materjali fl-ammont ta’ EUR 68 651 319 u bħala kumpens għad-dannu mhux materjali fl-ammont ta’ EUR 52 547 415;

sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;

fiż-żewġ każijiet, tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka seba’ aggravji.

1. L-ewwel aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li n-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni annullata ma huwiex ksur suffiċjentement serju ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni Ewropea.

2. It-tieni aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-fatt li rikkorrent vittma ta’ sanzjoni illegali adottata mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ppreżenta rikors u kiseb l-annullament tas-sanzjoni irendi inutli l-invokazzjoni ta’ ksur biżżejjed serju tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

3. It-tielet aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet motiv ippreċiżat mir-rikorrent fir-replika tiegħu mingħajr ma vverifikat, kif meħtieġ mill-ġurisprudenza, jekk l-iżvilupp ta’ dan il-motiv fir-replika jirriżultax mill-evoluzzjoni normali tad-dibattitu mibdi fir-rikors matul il-proċedura kontenzjuża.

4. Ir-raba’ u l-ħames aggravju bbażati fuq żball ta’ liġi

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta interpretat b’mod żbaljat is-sentenza mogħtija fil-Kawża T-24/11 1 , u billi kkunsidrat li l-konstatazzjoni li l-Kunsill kiser l-obbligu tiegħu li jikkomunika lir-rikorrent l-elementi kontra tiegħu f’dak li jikkonċerna l-motiv bħala bażi għall-miżuri tal-iffriżar ta’ fondi ma jistabbilixxix l-eżistenza ta’ ksur biżżejjed serju tad-dritt tal-Unjoni Ewropea li jwassal għar-responsabbiltà tal-Unjoni.

5. Is-sitt aggravju bbażat fuq l-iżnaturament tar-rikors

Il-Qorti Ġenerali żnaturat ir-rikors meta kkunsidrat, sabiex issib li l-argument tiegħu inammissibbli, li r-rikorrent, fl-istadju tar-rikors, ma invokax allegata illegalità ibbażata fuq l-assenza ta’ konformità tal-motiv ta’ inklużjoni ta’ ismu fuq il-listi ta’ persuni milquta minn miżuri restrittivi bil-kriterju applikat mill-Kunsill.

6. Is-seba aggravju bbażat fuq l-iżnaturament tar-rikors

Billi rriduċiet il-motivi ta’ illegalità allegati mir-rikorrent għall-uniku ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, il-Qorti Ġenerali żnaturat ir-rikors.

____________

1 Sentenza tas-6 ta’ Settembru 2013, Bank Refah Kargaran vs Il-Kunsill (T-24/11, EU:T:2013:403).