Language of document :

Appell ippreżentat fl-20 ta’ Frar 2019 minn Grüne Punkt - Duales System Deutschland GmbH mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fit-12 ta’ Diċembru 2018 fil-Kawża T-253/17, Der Grüne Punkt Duales System Deutschland GmbH vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea

(Kawża C-143/19 P)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellanti: Der Grüne Punkt - Duales System Deutschland GmbH (rappreżentanti: P. Goldenbaum, Rechtsanwältin)

Parti oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tat-12 ta’ Diċembru 2018 fil-Kawża T-253/17;

tilqa’ t-talbiet li hija ressqet fl-ewwel istanza u tiddeċiedi definittivament dwar it-tilwima, sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea;

tikkundanna lill-appellat għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appell huwa bbażat fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni – tal-Artikolu 15(1), tal-Artikolu 51(1)(a) u tal-Artikolu 66(1) tar-Regolament Nru 207/2009 1 . Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li kien hemm użu ġenwin tat-trade mark kollettiva  unikament għal pakketti iżda mhux għal prodotti fil-klassijiet 1 sa 34, li l-ippakkjar tagħhom huwa indikat b’din il-marka. Filwaqt li b’mod korrett iddeċidiet li l-pubbliku fehem l-użu tat-trade mark, hija madankollu wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li dan ma kienx jikkostitwixxi użu tal-prodotti stess.

L-appellanti tinvoka evalwazzjoni ġuridika żbaljata. Hija ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet evalwazzjoni ġuridika żbaljata sa fejn iddeċidiet li l-prodotti ma kinux koperti mill-użu tat-trade mark kollettiva u aċċettat l-użu tat-trade mark tal-Unjoni li jista’ jippermetti użu legali ta’ trade mark unikament għal pakketti.

Sabiex il-prodotti jkunu koperti, huwa rilevanti li s-sinjal jindika li l-produttur tal-prodott huwa membru tal-assoċjazzjoni u mhux li l-produttur tal-ippakkjar huwa membru tal-assoċjazzjoni. Il-prodotti u l-ippakkjar tagħhom kienu ppreżentati lill-pubbliku bħala unità ta’ bejgħ.

Il-funzjoni indikattiva tas-sinjal hija li jistgħu jseħħu ġestjoni u riċiklaġġ abbażi tal-appartenenza tal-produttur tal-prodott mas-sistema ta’ ftehim ta’ għoti ta’ liċenzja tal-appellanti permezz tas-sistema doppja partikolari tagħha.

Il-prodotti huma koperti minn dan l-użu, minkejja l-fatt li l-ippakkjar tal-prodott inkwistjoni jintuża wkoll simultanjament ma’ trade marks ta’ diversi impriżi, peress li huwa tipiku li trade marks kollettivi jintużaw flimkien ma’ trade marks oħra.

Il-funzjoni ta’ trade mark kollettiva ma tirrikjedix li din dejjem tindika kwalitajiet speċifiċi ta’ prodotti. Pjuttost, huwa suffiċjenti li t-trade mark kollettiva tindika appartenenza ma’ assoċjazzjoni.

Id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni biżżejjed id-distinzjoni bejn id-diversi operaturi tas-sinjali fir-regolamenti tal-appellanti.

It-trade mark intużat ukoll bl-għan li jinħoloq suq tal-bejgħ u speċifikament – skont in-natura tat-trade mark kollettiva – bit-tentattiv li tinżamm jew titjieb il-pożizzjoni fis-suq tal-kollettiv fil-konfront ta’ kollettivitajiet kompetituri, b’mod partikolari sistemi doppji kompetituri, u/jew part mil-impriżi li ma jappartjenux mal-assoċjazzjoni.

____________

1 Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark Komunitarja (Verżjoni kodifikata) (ĠU 2009, L 78, p. 1).