Language of document :

Appell ippreżentat fil-31 ta’ Ottubru 2019 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla Estiża) mogħtija fl-24 ta’ Settembru 2019 fil-Kawża T-105/17, HSBC Holdings plc et vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-806/19 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: T. Christoforou, M. Farley u F. van Schaik, aġenti)

Partijiet oħra fil-proċedura: HSBC Holdings plc, HSBC Bank plc, HSBC France

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata (punt 336 sa 354 u d-dispożittiv) sa fejn tannulla l-multi fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni 1 ;

tiċħad it-tieni, it-tielet u r-raba’ partijiet tas-sitt motiv tar-rikors tal-HSBC quddiem il-Qorti Ġenerali dwar il-multi, u t-talba alternattiva tagħha dwar l-eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni sħiħa;

jew, sussidjarjament,

tibgħat il-kawża lura dwar it-tieni, it-tielet u r-raba’ parti tas-sitt motiv tar-rikors tal-HSBC quddiem il-Qorti Ġenerali u t-talba alternattiva tagħha dwar l-eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni sħiħa lill-Qorti Ġenerali għad-determinazzjoni; u

tordna lill-HSBC tbati l-ispejjeż kollha ta’ dawn il-proċeduri u taġġusta d-deċiżjoni dwar l-ispejjeż fis-sentenza taħt appell sabiex tirrifletti l-eżitu tal-appell preżenti.

Aggravji u argumenti prinċipali

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat fil-punti 345 sa 353 tas-sentenza li l-Kummissjoni kienet kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha skont l-Artikolu 296 TFUE fir-rigward tal-fattur ta’ tnaqqis għad-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa imposta fuq HSBC u konsegwentement tannulla l-Artikolu 2(b) tad-deċiżjoni kkontestata annullat fuq dik il-bażi.

Il-Qorti Ġenerali applikat il-kriterju ġuridiku korrett sabiex tevalwa l-adegwatezza tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-fattur ta’ tnaqqis. Fir-rigward tad-deċiżjonijiet li jimponu multi fuq l-impriżi għall-ksur tal-Artikolu 101 TFUE, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta li tindika l-figuri relatati mal-metodu ta’ kalkolu tal-multi jew li tindika l-figuri kollha relatati ma’ kull wieħed mill-istadji intermedji relatati mal-metodu tal-kalkolu tal-multa deċiża. Meta tiġi evalwata skont il-kriterju ġuridiku korrett, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tissodfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE, peress li kif jistipula r-raġunament tal-Kummissjoni fir-rigward ta’: (i) l-ħtieġa li jiġi applikat fattur ta’ tnaqqis; (ii) il-livell li għalih ġie stabbilit il-fattur ta’ tnaqqis; (iii) l-elementi li l-Kummissjoni qieset sabiex tistabbilixxi l-livell tal-fattur ta’ tnaqqis; (iv) ir-raġuni għalfejn il-Kummissjoni tqis li kien xieraq li jiġu kkunsidrati dawn il-fatturi u (v) indikazzjoni tal-impatt li kull element kellu fuq il-livell definittiv tal-fattur ta’ skont. Barra minn hekk, il-motivazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata ppermetta lid-destinatarji ta’ din id-deċiżjoni li jivverifikaw il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament kien ġie osservat.

____________

1 Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2016) 8530 finali tas-7 ta’ Diċembru 2016 li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39914 – Derivattivi tar-Rati tal-Imgħax f’Euro) (innotifikata taħt dokument C(2016) 8530).