Language of document :

Appell ippreżentat fis-27 ta’ Novembru 2018 mir-Repubblika Portugiża mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fis-26 ta’ Settembru 2018 fil-Kawża T-436/16, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-737/18 P)

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Partijiet

Appellanti: Ir-Repubblika Portugiża (rappreżentanti: L. Inez Fernandes, P. Barros da Costa, P. Estȇvão u J. Saraiva de Almeida, aġenti)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata, sa fejn, permezz ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea (KE) C (2016) 3753 1 tal-20 ta’ Ġunju 2016.

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea (KE) C (2016) 3753 tal-20 ta’ Ġunju 2016, inkwantu l-Qorti tal-Ġustizzja tinsab f’kundizzjoni li tikkonstata l-fondatezza tal-argumenti tar-Repubblika Portugiża.

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Ir-Repubblika Portugiża ssostni li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata u, konsegwentement, li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata, fuq il-bażi tal-aggravji li ġejjin:

1) Żball ta’ liġi u ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali – Ksur tal-Artikolu 24 tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 2 u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 54(1)(c) u tal-Artikolu 71(1) tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009 3 u kontradizzjoni manifesta li tirriżulta minn żball ta’ liġi, kif deċiż fil-punti 43 u 44 tas-sentenza appellata, sa fejn, billi ddeċidiet li t-tieni motiv tal-Kummissjoni kien infondat, il-Qorti Ġenerali qieset li s-sistema Portugiża ta’ kontroll tal-kundizzjonalità kienet sistema ta’ kontroll effiċjenti, u għaldaqstant, billi kkonkludiet li l-motiv kien infondat u ma annullatx id-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball manifest ta’ liġi u tat deċiżjoni kontradittorja, fejn kisret ukoll il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

2) Żball ta’ liġi, deċiżjoni kontradittorja u ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, sa fejn fil-punt 41 tas-sentenza appellata hija aċċettata d-distinzjoni inekwivoka bejn eleġibbiltà u s-sistema ta’ kundizzjonalità u, fil-punti 46 u 47, tafferma, b’mod kontradittorju, li l-ammont totali tal-għajnuna mħallsa lill-bdiewa għandha tkun suġġetta għal korrezzjoni. Għalhekk, il-punt 43 tas-sentenza appellata kkonkluda, b’mod żbaljat, li r-riskju għall-fond ma jistax ikun limitat għall-kampjun ta’ verifika u żammet il-korrezzjoni finanzjarja tal-Kummissjoni applikata għall-ispiża kollha, liema fatt la huwa adegwat u lanqas neċessarju għall-għan li jrid jintlaħaq, inkwantu, fih innifsu, huwa sproporzjonat. Din l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali tikser l-Artikolu 5 TUE, l-Artikolu 31(2) tar-Regolament Nru 1290/2005 4 u l-Artikolu 50(1) tar-Regolament Nru 1122/2009, fejn jirriżulta li r-rata ta’ korrezzjoni hija applikabbli biss għall-parti min-nefqa esposta għar-riskju, jiġifieri 1 %. B’dan il-mod, is-sentenza appellata tat lok għal żball manifest ta’ liġi u motivi kontradittorji, bi ksur tal-prinċipji ġenerali u tar-regoli previsti fl-ewwel u s-sitt paragrafi tal-punt 2 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Kummissjoni, AGRI-2005-64043, billi applikathom b’mod żbaljat, u bi ksur ukoll tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Kummissjoni DS/2010/29 REV u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

____________

1     Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1059 tal-20 ta’ Ġunju 2016 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri fi ħdan il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u fi ħdan il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (notifikata bid-dokument C(2016) 3753) (ĠU 2016, L 173, p. 59).

2     Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 tad-19 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU 2009, L 30, p. 16 u r-rettifika fil-ĠU 2010, L 43, p. 7).

3     Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1122/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tal-kundizzjonalità, il-modulazzjoni u s-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, skont l-iskemi ta’ appoġġ għall-bdiewa previsti għal dak ir-Regolament, kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-kundizzjonalità skont l-iskema ta’ appoġġ prevista għas-settur tal-inbid (ĠU 2009, L 316, p. 65 u r-rettifika fil-ĠU 2013, L 246, p. 3).

4     Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU 2005, L 209, p. 1).