Language of document :

Rikors ippreżentat fil-21 ta' Mejju 2007 - Behmer vs Il-Parlament

(Kawża F-47/07)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Joachim Behmer (Brussell, il-Belġju) (rappreżentanti: S. Orlandi, A. Coolen, J.-N. Louis u E. Marchal, avukati)

Konvenuta: Il-Parlament Ewropew

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara l-illegalità tad-deċiżjoni ta' l-Uffiċċju tal-Parlament dwar il-"politika ta' promozzjoni u ta' ppjanar tal-karrieri" tas-6 ta' Lulju 2005 u tal-"miżuri ta' implementazzjoni li jirrigwardaw l-għoti ta' punti ta' mertu u ta' promozzjoni" tal-25 ta' Lulju 2005;

tannulla d-deċiżjoni ta' l-Awtorità tal-Ħatra li ma tagħtix promozzjoni lir-rikorrent għall-grad A*13 b'effett mill-1 ta' Jannar 2005 skond il-proċedura ta' promozzjoni 2005;

tikkundanna lill-Parlament Ewropew ibati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrent, uffiċjal tal-Parlament Ewropew fil-grad AD 12, bħalissa Viċi-President tat-Trade Union tas-Servizz Pubbliku Ewropew (Union Syndicale, il-Lussemburgu), jeċċepixxi, qabel xejn, l-illegalità tad-deċiżjonijiet imsemmija fl-ewwel inċiż aktar 'il fuq, li fl-opinjoni tiegħu huma dispożizzjonijiet ġenerali ta' implementazzjoni skond l-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej (aktar 'il quddiem ir-"Regolamenti") li l-adozzjoni tagħhom għandha għalhekk issegwi l-proċedura stabbilita f'dan l-Artikolu.

Barra minn dan, ir-rikorrent jinvoka l-ksur ta' l-Artikolu 45 tar-Regolamenti u tal-prinċipji ta' possibbiltajiet raġonevoli għall-karriera, ta' trattament ugwali, ta' l-obbligu ta' motivazzjoni kif ukoll l-eżistenza ta' żball manifest ta' evalwazzjoni. B'mod partikolari, huwa jsostni li l-amministrazzjoni, wara li annullat, wara l-ewwel ilment tiegħu, id-deċiżjoni li tagħtih 2 punti ta' mertu, kellha tagħtih promozzjoni għall-grad AD 13.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrent isostni li saret diskriminazzjoni kontrih minħabba l-attivitajiet tiegħu ta' rappreżentanza tal-persunal, bi ksur ta' l-Artikolu 1d u ta' l-Artikolu 24b tar-Regolamenti tal-Persunal, ta' l-Artikolu 1(5) ta' l-Anness II tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll tal-Ftehim, tat-12 ta' Lulju 1990, bejn il-Parlament Ewropew u t-trade unions jew assoċjazzjonijiet tal-persunal ta' l-istituzzjoni.

____________