Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija) fl-14 ta’ Awwissu 2018 – GN, irrappreżentata mill-missier HM vs ZU, bħala likwidatur fil-falliment ta’ Niki Luftfahrt GmbH

(Kawża C-532/18)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Oberster Gerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: GN, irrappreżentata mill-missier HM

Konvenut: ZU, inkwantu likwidatur fil-falliment ta’ Niki Luftfahrt GmbH

Domanda preliminari

Ikun hemm “inċident” li għalih huwa responsabbli t-trasportatur bl-ajru fis-sens tal-Artikolu 17(1) tal-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru, konkluża f’Montréal fit-28 ta’ Mejju 1999, iffirmata mill-Komunità Ewropea fid-9 ta’ Diċembru 1999 abbażi tal-Artikolu 300(2) KE, u approvata f’isem din tal-aħħar permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/539/KE 1 tal-5 ta’ April 2001 (il-Konvenzjoni ta’ Montréal) meta kikkra ta’ kafè jaħraq, imqiegħda fuq il-mejda li tingħalaq ta’ sît ta’ ajruplan fl-ajru, tiżloq għal raġuni mhux magħrufa, tinqaleb u b’hekk tikkawża smit lil passiġġier?

____________

1 Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2001 dwar il-konklużjoni tal-Komunità Ewropea tal-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjoni bl-Ajru (il-Konvenzjoni ta’ Montreal), ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 491.