Language of document : ECLI:EU:C:2018:280

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

26 ta’ April 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa reġjonali fuq l-istabbilimenti kummerċjali kbar – Libertà ta’ stabbiliment – Protezzjoni tal-ambjent u ppjanar tat-territorju – Għajnuna mill-Istat – Miżura selettiva – Ittra tal-Kummissjoni li tinforma li ma hijiex ser tittieħed azzjoni fuq ilment – Għajnuna eżistenti”

Fil-Kawża C-233/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Marzu 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ April 2016, fil-proċedura

Asociación Nacional de Grandes Empresas de Distribución (ANGED)

vs

Generalitat de Catalunya,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, C. G. Fernlund, J.-C. Bonichot (Relatur), A. Arabadjiev u E. Regan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Lulju 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Asociación Nacional de Grandes Empresas de Distribución (ANGED), minn J. Pérez-Bustamante Köster u F. Löwhagen, abogados, kif ukoll minn J. M. Villasante García, procurador,

–        għall-Generalitat de Catalunya, minn R. Revilla Ariet u R. Riu Fortuny, letrados, kif ukoll minn F. Velasco Muñoz Cuellar, procurador,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn N. Gossement, P. Němečková u G. Luengo, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-9 ta’ Novembru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 49 u 54 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 107(1) TFUE.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn l-Asociación Nacional de Grandes Empresas de Distribución (ANGED) u l-Generalitat de Catalunya (il-Gvern Reġjonali tal-Cataluña, Spanja) dwar il-legalità ta’ taxxa li għaliha huma suġġetti l-istabbilimenti kummerċjali kbar li jinsabu fil-Komunità Awtonoma tal-Cataluña.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 1(b) u (d) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339) jipprovdi:

“Għall-għan ta’ dan ir-Regolament:

[…]

(b)      ‘għajnuna eżistenti’ għandha tfisser:

[…]

(ii)      għajnuna awtorizzata, li tfisser, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali li kienu awtorizzati mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill;

[…]

(iv)      għajnuna li tinftiehem li hi għajnuna eżistenti skond l-Artikolu 15;

(v)      għajnuna li tinftiehem li hi għajnuna eżisteni minħabba li jista’ jitwaqqaf [jiġi stabbilit] li meta daħlet fis-seħħ ma kkostitwietx għajnuna, u sussegwentement saret għajnuna minħabba l-evoluzzjoni tas-suq komuni u mingħajr ma nbidlet mill-Istat Memrbu. Billi ċerti miżuri jsiru għajnuna wara l-liberalizzazzjoni ta’ attività mill-liġi tal-Komunità, dawn il-miżuri m’għandhomx ikunu kkunsidrati li huma għajnuna eżistenti wara d-data ffissata għall-liberalizzazzjoni;

[…]

(d)      ‘skema ta’ għajnuna’ għandha tfisser kull att li abbażi tiegħu, mingħajr ma jkunu meħtieġa miżuri implimentattivi oħra, jistgħu jingħataw għajnuniet individwali lill-impriżi definiti fi ħdan l-att f’manjiera ġenerali u astratta u kull azzjoni li abbażi tagħha għajnuna li m’hijiex magħquda ma’ proġett speċifiku tista’ tingħata lil waħda jew ħafna impriżi għal perjodu ta’ żmien indefinit u/jew għal ammont indefinit”.

4        L-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999 jipprevedi:

“1.      Il-poteri tal-Kummissjoni sabiex jirkupraw l-għajnuna għandhom ikunu suġġett għal perjodu ta’ limitazzjoni [preskrizzjoni] ta’ għaxar snin.

2.      Il-perjodu ta’ limitazzjoni għandu jibda dakinhar li fih l-għajnuna llegali tingħata lill-benefiċarju jew bħala għajnuna individwali jew bħala għajnuna taħt skema ta’ għajnuna. Kull azzjoni meħudha mill-Kummissjoni jew minn Stat Membru, li jaġixxi fuq talba tal-Kummissjoni, b’rigward għall-għajnuna llegali għandha tinterrompi l-perjodu ta’ limitazzjoni. Kull interuzzjoni għandha tibda l-ħin mill-ġdid. Il-perjodu ta’ limitazzjoni għandu jkun sospiż sakemm id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun is-suġġett ta’ proċeduri pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-[Unjoni Ewropea].

3.      Kull għajnuna li għaliha jkun skada l-perjodu ta’ limitu, għandha tinftiehem li hi għajnuna eżistenti.”

5        Id-dispożizzjonijiet preċedenti ġew riprodotti b’mod [essenzjalment] identiku fir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9).

 Id-dritt Spanjol

6        Il-Ley 16/2000 del Parlamento de Cataluña, del impuesto sobre grandes establecimientos comerciales (il-Liġi Nru 16/2000 tal-Parlament tal-Cataluña dwar it-Taxxa fuq l-Istabbilimenti Kummerċjali Kbar), tad-29 ta’ Diċembru 2000 (DOGC Nru 3295, tat-30 ta’ Diċembru 2000, u BOE Nru 20, tat-23 ta’ Jannar 2001, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 16/2000”), stabbilixxiet it-taxxa fuq l-istabbilimenti kummerċjali kbar (iktar ’il quddiem l-“IGEC”) fit-territorju tal-Komunità Awtonoma tal-Cataluña

7        L-Artikolu 2 tal-Liġi Nru 16/2000 jispeċifika li din it-taxxa tindirizza l-kapaċità ekonomika partikolari tal-istabbilimenti kummerċjali kbar li, fid-dawl tas-superfiċi ta’ bejgħ kbira tagħhom, jistgħu jiksbu pożizzjoni dominanti u jikkawżaw effetti negattivi fuq it-territorju u fuq l-ambjent, li tagħhom huma ma jbatux l-ispejjeż.

8        L-Artikolu 3 ta’ din il-liġi jassenja d-dħul mill-IGEC għal miżuri ta’ modernizzazzjoni tal-kummerċ urban fil-Cataluña kif ukoll għat-twettiq ta’ pjanijiet ta’ azzjoni fiż-żoni kkonċernati mill-lokalizzazzjoni ta’ stabbilimenti kummerċjali kbar.

9        L-Artikolu 4 tal-imsemmija liġi jipprevedi li l-fatt li jagħti lok għall-IGEC huwa l-użu ta’ superfiċi ta’ bejgħ ta’ 2 500 m2 jew iktar mill-istabbilimenti kummerċjali individwali kbar ta’ bejgħ bl-imnut.

10      Skont l-Artikolu 5 tal-Liġi Nru 16/2000, l-istabbilimenti kummerċjali individwali kbar li jeżerċitaw l-attività tagħhom fis-setturi tal-ġonna u tal-bejgħ ta’ vetturi, ta’ materjali għall-kostruzzjoni, ta’ makkinarju kif ukoll ta’ provvisti industrijali huma eżentati minn din it-taxxa.

11      L-Artikolu 6 ta’ din il-liġi jispeċifika li l-persuni suġġetti għall-IGEC huma l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li huma l-proprjetarji ta’ stabbiliment kummerċjali individwali kbir, irrispettivament minn jekk dan ikunx jinsab fi stabbiliment kummerċjali kollettiv kbir.

12      L-Artikolu 8 tal-imsemmija liġi jipprovdi li l-bażi netta tat-taxxa għandha titnaqqas b’60 % għall-istabbilimenti kummerċjali li l-attività tagħhom tikkonċerna essenzjalment il-bejgħ ta’ għamara, ta’ prodotti sanitarji u ta’ bibien u twieqi kif ukoll għall-ħwienet tad-DIY.

13      L-Artikolu 11 ta’ din l-istess liġi jispeċifika l-modalitajiet tal-kalkolu tat-taxxa, li jieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari n-numru ta’ abitanti fil-komun li fih ikun jinsab l-istabbiliment.

 It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14      Permezz tal-Liġi Nru 16/2000, ġiet stabbilita taxxa reġjonali fuq l-istabbilimenti kummerċjali kbar fit-territorju kollu tal-Komunità Awtonoma tal-Cataluña, bil-għan li jiġu kkumpensati l-impatti territorjali u ambjentali li jistgħu jirriżultaw minn dawn l-istabbilimenti kummerċjali kbar. Permezz tad-decreto 342/2001 por el que se aprueba el Reglamento del impuesto sobre grandes establecimientos comerciales (id-Digriet 342/2001 li japprova r-Regolament dwar it-Taxxa fuq l-Istabbilimenti Kummerċjali Kbar), tal-24 ta’ Diċembru 2001 (DOGC Nru 3542, tat-28 ta’ Diċembru 2001), il-Gvern Reġjonali tal-Cataluña implimenta din it-taxxa.

15      Matul is-sena 2002, l-ANGED, assoċjazzjoni li tiġbor fi ħdanha, fuq livell nazzjonali, l-impriżi ta’ distribuzzjoni kbar, ippreżentat quddiem it-Tribunal Superior de Justicia de Cataluña (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja tal-Cataluña, Spanja) rikors intiż għall-annullament ta’ dan id-digriet, ibbażat fuq l-inkompatibbiltà tiegħu kemm mal-libertà ta’ stabbiliment u kemm mad-dritt dwar l-għajnuna mill-Istat. Dik il-qorti ssospendiet id-deċiżjoni tagħha fl-istennija tal-eżitu ta’ rikors ippreżentat mill-Gvern Spanjol quddiem it-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali, Spanja) kontra din l-istess leġiżlazzjoni. Wara s-sentenza ta’ ċaħda mogħtija mit-Tribunal Constitucional (il-Qorti Kostituzzjonali) fil-5 ta’ Ġunju 2012, it-Tribunal Superior de Justicia de Cataluña (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja tal-Cataluña) ċaħdet ukoll ir-rikors ippreżentat mill-ANGED. Din għalhekk ippreżentat appell mis-sentenza ta’ ċaħda quddiem it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja).

16      L-ANGED ressqet ukoll ilment quddiem il-Kummissjoni dwar l-introduzzjoni tal-IGEC u dwar l-allegata natura ta’ għajnuna mill-Istat tagħha. Wara talba għal kjarifiki indirizzata lill-awtoritajiet Spanjoli, il-Kummissjoni informat lil dawn tal-aħħar, permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Ottubru 2003, li hija kienet għalqet l-investigazzjoni u ddeċidiet li ma tiħux azzjoni fir-rigward tal-ilment. Fil-fatt, hija qieset, wara li analizzat il-karatteristiċi tal-IGEC fid-dawl tal-Artikolu 87(1) KE, li din it-taxxa kienet konformi mad-dritt dwar l-għajnuna, peress li d-dħul miksub minn din it-taxxa ma kienx intiż sabiex isostni impriżi kummerċjali jew settur ta’ attività partikolari.

17      Madankollu, wara lment ġdid mill-ANGED magħmul matul is-sena 2013, il-Kummissjoni informat lill-awtoritajiet Spanjoli, permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Novembru 2014, li, wara evalwazzjoni preliminari ġdida tal-iskema tal-IGEC, l-eżenzjoni mogħtija lill-istabbilimenti kummerċjali żgħar kif ukoll lil ċerti stabbilimenti speċjalizzati setgħet titqies li hija għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern, u li kien meħtieġ li r-Renju ta’ Spanja jabolixxi jew jemenda din it-taxxa.

18      Kien f’dan il-kuntest li t-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      L-Artikoli 49 u 54 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-eżistenza ta’ taxxa reġjonali li tintaxxa l-użu ta’ superfiċji kummerċjali individwali kbar li s-superfiċji ta’ bejgħ tagħhom tkun ta’ 2500 m2 jew iktar minħabba l-impatt li jistgħu jikkawżaw fuq it-territorju, fuq l-ambjent u fuq in-nisġa tal-kummerċ urban ta’ dan ir-reġjun, iżda li tiġi applikata legalment irrispettivament mill-post reali fejn jinsabu dawn l-istabbilimenti kummerċjali barra jew ġewwa n-nisġa urbana kkonsolidata u li fil-parti l-kbira tad-drabi prattikament taffettwa lill-impriżi ta’ Stati Membri oħra, fid-dawl tal-fatt li:

a)      ma taffettwax lin-negozjanti proprjetarji ta’ numru ta’ stabbilimenti kummerċjali b’superfiċji ta’ bejgħ ta’ inqas minn 2 500 m2 ikun liema jkun l-għadd totali tas-superfiċji ta’ bejgħ tal-istabbilimenti kollha tiegħu;

b)      teżenta lill-istabbilimenti kummerċjali kollettivi kbar;

c)      teżenta lill-istabbilimenti kummerċjali individwali ddedikati għall-ġardinaġġ u l-bejgħ ta’ vetturi, ta’ materjal għall-kostruzzjoni, ta’ makkinarji u ta’ provvisti ta’ natura industrijali, u

d)      jintaxxa biss l-40 % tal-bażi nett fir-rigward tal-istabbilimenti ddedikati essenzjalment għall-bejgħ tal-proprjetà immobbli, ta’ prodotti ta’ iġjene, u ta’ bibien u twieqi, u taċ-ċentri do-it-yourself?

2)      L-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat ipprojbita, konformement ma’ din id-dispożizzjoni,

(a)      l-eżenzjoni totali mill-IGEC għall-istabbilimenti kummerċjali individwali li s-superfiċji ta’ bejgħ tagħhom tkun inqas minn 2500 m2, għall-istabbilimenti kummerċjali kollettivi u għall-istabbilimenti kummerċjali individwali ta’ ġardinaġġ u ta’ bejgħ ta’ vetturi, ta’ materjal għall-kostruzzjoni, ta’ makkinarji, ta’ provvisti ta’ natura industrijali, u

(b)      l-eżenzjoni parzjali mill-IGEC tal-istabbilimenti kummerċjali individwali ddedikati essenzjalment għall-bejgħ ta’ għamara, ta’ prodotti ta’ iġjene, u ta’ bibien u twieqi, u taċ-ċentri do-it-yourself?

3)      Jekk l-eżenzjonijiet totali u parzjali tal-IGEC msemmija iktar ’il fuq jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, liema għandha tkun il-portata ratione temporis ta’ din id-deċiżjoni, fid-dawl tal-eżistenza u tal-kontenut tal-[ittra tat 2 ta’ Ottubru 2003 tal-Kummissjoni]?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ammissibbilta

19      Il-Gvern Reġjonali tal-Cataluña jikkontesta l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari fuq il-bażi li d-deċiżjoni tar-rinviju ma hijiex immotivata suffiċjentement u ma tesponix b’mod iddettaljat il-kuntest fattwali u legali tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

20      Madankollu, id-deċiżjoni tar-rinviju fiha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi kollha li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha bżonn sabiex tagħti risposti utli lill-qorti tar-rinviju għad-diversi domandi magħmula.

21      Il-Gvern Reġjonali tal-Cataluña jsostni wkoll li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli fir-rigward tal-parti tagħha dwar il-libertà ta’ stabbiliment sa fejn is-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali hija purament interna.

22      Madankollu, kif ikkonstatat l-Avukat Ġenerali fil-punt 21 tal-konklużjonijiet tagħha, peress li l-qorti tar-rinviju hija adita b’rikors għall-annullament ta’ dispożizzjonijiet li ma japplikawx biss għaċ-ċittadini nazzjonali iżda wkoll għaċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra, id-deċiżjoni li dik il-qorti ser tadotta wara din is-sentenza ser ikollha effetti wkoll fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti risposta għad-domandi li sarulha b’rabta mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, u dan minkejja l-fatt li l-elementi kollha fit-tilwima fil-kawża prinċipali huma limitati għal Stat Membru wieħed biss (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Mejju 2013, Libert et, C‑197/11 u C‑203/11, EU:C:2013:288, punt 35, kif ukoll tal-15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten, C‑268/15, EU:C:2016:874, punt 51).

23      Fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Gvern Reġjonali tal-Cataluña, ibbażata fuq l-argument li miżuri bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jolqtux il-kummerċ bejn l-Istati Membri u ma joħolqux distorsjoni tal-kompetizzjoni fid-dawl tan-natura lokali tal-attività ta’ kummerċ bl-imnut, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din hija kwistjoni marbuta mal-interpretazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE li ma hijiex ta’ natura li timplika l-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

24      Matul il-proċedura, il-Gvern Reġjonali tal-Cataluña sostna wkoll li t-talba għal deċiżjoni preliminari kellha titqies li hija inammissibbli minħabba li s-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali ma kienx għadu jeżisti b’konsegwenza ta’ emenda tal-Liġi Nru 16/2000.

25      Madankollu, permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Ġunju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Ġunju 2017, il-qorti tar-rinviju informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li fil-fehma tagħha t-tilwima fil-kawża prinċipali ma kinitx tilfet is-suġġett tagħha minkejja l-emenda tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni. Barra minn hekk, dik il-qorti kkonfermat it-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha.

26      Fl-aħħar nett, għandu jiġi speċifikat li għalkemm l-illegalità, fid-dawl tad-dritt dwar l-għajnuna mill-Istat, tal-eżenzjoni minn taxxa, ma taffettwax il-legalità tal-impożizzjoni fiskali stess, b’tali mod li dawk li huma suġġetti għaliha ma jistgħux jeċċepixxu tali illegalità sabiex jevitaw il-ħlas ta’ din it-taxxa (sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2005, Distribution Casino France et, C‑266/04 sa C‑270/04, C‑276/04 u C‑321/04 sa C‑325/04, EU:C:2005:657, punt 44), it-tilwima fil-kawża prinċipali ma tikkonċernax talba għal ħelsien mit-taxxa kkontestata iżda tikkonċerna l-legalità tar-regoli dwar din it-taxxa fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, bl-ebda mod ma jidher b’mod evidenti li t-tieni u t-tielet domanda ma għandhomx interess reali għas-soluzzjoni tat-tilwima li għandha quddiemha l-qorti tar-rinviju (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2006, Air Liquide Industries Belgium, C‑393/04 u C‑41/05, EU:C:2006:403, punt 25).

27      Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli fl-intier tagħha.

 Fuq il-mertu

 Fuq l-ewwel domanda

28      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 49 u 54 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu taxxa fuq l-istabbilimenti kummerċjali kbar, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

29      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-libertà ta’ stabbiliment hija intiża li tiggarantixxi l-benefiċċju tat-trattament nazzjonali fl-Istat Membru ospitanti liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra u lill-kumpanniji msemmija fl-Artikolu 54 TFUE, u li tipprojbixxi, fir-rigward tal-kumpanniji, kull diskriminazzjoni bbażata fuq il-post tal-uffiċċju rreġistrat tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation, C‑374/04, EU:C:2006:773, punt 43, kif ukoll tal-14 ta’ Diċembru 2006, Denkavit Internationaal u Denkavit France, C‑170/05, EU:C:2006:783, punt 22).

30      F’dan ir-rigward, ma humiex ipprojbiti biss id-diskriminazzjonijiet manifesti bbażati fuq il-post tal-uffiċċju rreġistrat tal-kumpanniji, iżda hija pprojbita wkoll kull forma moħbija ta’ diskriminazzjoni li, b’applikazzjoni ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, twassal, de facto, għall-istess riżultat (sentenza tal-5 ta’ Frar 2014, Hervis Sport-és Divatkereskedelmi, C‑385/12, EU:C:2014:47, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Barra minn hekk, taxxa obbligatorja li tipprevedi kriterju ta’ differenzazzjoni apparentement oġġettiv iżda li jisfavorixxi fil-parti l-kbira tal-każijiet, fid-dawl tal-karatteristiċi tiegħu, lill-kumpanniji li jkollhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fi Stati Membri oħra u li jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dawk li jkollhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fl-Istat Membru tat-taxxa, tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq il-post tal-uffiċċju rreġistrat tal-kumpanniji pprojbita mill-Artikoli 49 u 54 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Frar 2014, Hervis Sport-és Divatkereskedelmi, C‑385/12, EU:C:2014:47, punti 37 sa 41).

32      Fil-kawża prinċipali, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni tistabbilixxi kriterju marbut mas-superfiċi ta’ bejgħ tal-istabbiliment, li ma jistabbilixxi ebda diskriminazzjoni diretta.

33      L-elementi ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja lanqas ma jindikaw li dan il-kriterju jisfavorixxi fil-parti l-kbira tal-każijiet liċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra jew lill-kumpanniji li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fi Stati Membri oħra.

34      B’mod partikolari, la d-data li tinsab fl-ittra mibgħuta mill-Kummissjoni lill-awtoritajiet Spanjoli fis-7 ta’ Lulju 2004, iċċitata fid-deċiżjoni tar-rinviju, li minnha jirriżulta li l-impriżi ta’ Stati Membri oħra jirrappreżentaw 61.5 % tas-superfiċi okkupat minn impriżi ta’ iktar minn 2 500 m2 suġġetti għall-IGEC, u lanqas mid-data pprovduta mill-ANGED fil-kuntest tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li minnha jirriżulta b’mod partikolari li 52 % tal-oneru fiskali tal-IGEC jaqa’ fuq l-istabbilimenti kummerċjali kbar ta’ Stati Membri oħra, ma tista’ tkun suffiċjenti fid-dawl, b’mod partikolari, tal-livell ta’ dawn il-perċentwali, sabiex tissostanzja tali indikazzjoni.

35      Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikoli 49 u 54 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux taxxa fuq l-istabbilimenti kummerċjali kbar, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

 Fuq it-tieni domanda

36      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, taxxa bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali fuq l-istabbilimenti kummerċjali kbar li tiddependi, essenzjalment, mis-superfiċi ta’ bejgħ tagħhom, sa fejn huma eżentati minn din it-taxxa l-istabbilimenti li s-superfiċi ta’ bejgħ tagħhom hija inqas minn 2 500 m² u dawk li l-attività tagħhom hija marbuta mal-ġonna, mal-bejgħ ta’ vetturi, ta’ materjal għall-kostruzzjoni, ta’ makkinarju u ta’ provvisti industrijali, u sa fejn jibbenefikaw minn tnaqqis fil-valur taxxabbli ta’ 60 % l-istabbilimenti li l-attività tagħhom tikkonċerna l-bejgħ ta’ għamara, ta’ prodotti sanitarji u ta’ bibien u twieqi kif ukoll ta’ prodotti ta’ DIY.

37      Il-klassifikazzjoni ta’ miżura nazzjonali bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, teħtieġ li jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet segwenti kollha. L-ewwel nett, għandu jkun hemm intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat. It-tieni nett, dan l-intervent għandu jkun jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tielet nett, dan l-intervent għandu jagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju tiegħu. Ir-raba’ nett, dan l-intervent għandu jwassal għal distorsjoni jew għal theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group SA et, C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981, punt 53).

38      Fir-rigward tal-kundizzjoni marbuta mas-selettività tal-vantaġġ, li hija l-iktar kundizzjoni li ssemmiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-evalwazzjoni ta’ din il-kundizzjoni teħtieġ li jiġi ddeterminat jekk, fil-kuntest ta’ sistema legali partikolari, il-miżura nazzjonali inkwistjoni hijiex ta’ natura li tiffavorixxi lil “ċerti impriżi jew ċerti produtturi” meta mqabbla ma’ oħrajn li jinsabu, fid-dawl tal-għan segwit minn din is-sistema, f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli u li għalhekk iġarrbu trattament iddifferenzjat li essenzjalment ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala “diskriminatorju” (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group SA et, C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981, punt 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

39      Fir-rigward b’mod partikolari ta’ miżuri nazzjonali li jagħtu vantaġġ fiskali, għandu jitfakkar li miżura ta’ din in-natura li, minkejja li ma tinvolvix trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat, tqiegħed lill-benefiċjarji f’sitwazzjoni iktar favorevoli mill-persuni taxxabbli l-oħra tista’ tagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarji u tikkostitwixxi, għaldaqstant, għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Għall-kuntrarju, vantaġġ fiskali li jirriżulta minn miżura ġenerali applikabbli mingħajr distinzjoni għall-operaturi ekonomiċi kollha ma tikkostitwixxix tali għajnuna fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group et, C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981, punt 56).

40      F’dan ir-rigward, il-klassifikazzjoni ta’ miżura fiskali bħala “selettiva” teħtieġ, l-ewwel nett, li tiġi identifikata s-sistema fiskali komuni jew “normali” applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat u, it-tieni nett, li jintwera li l-miżura fiskali eżaminata tidderoga minn din is-sistema komuni jew normali, sa fejn tintroduċi differenzazzjonijiet bejn operaturi li, fid-dawl tal-għan segwit minn din is-sistema komuni, jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group SA et, C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981, punt 57 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

41      Għandu jitfakkar ukoll li l-qafas legali ta’ referenza għall-finijiet tal-evalwazzjoni tas-selettività ta’ miżura ma għandux jiġi ddeterminat neċessarjament fil-limiti tat-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, iżda jista’ jkun dak tat-territorju li fih awtorità reġjonali jew lokali teżerċita l-kompetenza mogħtija lilha mill-kostituzzjoni jew mil-liġi. Dan ikun il-każ meta din l-entità jkollha status legali u fattwali li jagħmilha suffiċjentement awtonoma fil-konfront tal-gvern ċentrali ta’ Stat Membru sabiex, permezz tal-miżuri adottati minnha, tkun din l-entità, u mhux il-gvern ċentrali, li jkollha rwol fundamentali fid-definizzjoni tal-ambjent politiku u ekonomiku li fih joperaw l-impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2008, Union General de Trabajadores de La Rioja (UGT-Rioja) et, C‑428/06 sa C‑434/06,EU:C:2008:488, punti 47 sa 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

42      Madankollu, miżura li tintroduċi differenzazzjoni bejn impriżi li, fid-dawl tal-għan segwit mis-sistema legali inkwistjoni, jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u legali paragunabbli u, għaldaqstant, a priori selettiva, ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, meta l-Istat Membru kkonċernat jirnexxielu juri li din id-differenzazzjoni hija ġġustifikata għaliex tirriżulta min-natura jew mill-istruttura tas-sistema li tagħmel parti minnha (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group SA et, C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981, punt 58 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

43      Miżura li tintroduċi eċċezzjoni għall-applikazzjoni tas-sistema fiskali ġenerali tista’ tkun iġġustifikata min-natura u mill-istruttura ġenerali tas-sistema fiskali jekk l-Istat Membru kkonċernat ikun jista’ juri li din il-miżura tirriżulta direttament mill-prinċipji bażi jew ta’ gwida tas-sistema fiskali tiegħu. F’dan ir-rigward, għandha ssir distinzjoni bejn l-għanijiet attribwiti lil sistema fiskali partikolari u li huma esterni għal din is-sistema u, min-naħa l-oħra, il-mekkaniżmi inerenti għas-sistema fiskali stess li huma meħtieġa sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet (sentenza tas-6 ta’ Settembru 2006, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C‑88/03, EU:C:2006:511, punt 81).

44      Għandu jitfakkar ukoll li, għalkemm, sabiex tiġi stabbilita s-selettività ta’ miżura fiskali ma huwiex meħtieġ f’kull każ li din ikollha natura derogatorja fil-konfront ta’ sistema fiskali meqjusa li hija sistema komuni, il-fatt li miżura jkollha tali natura huwa fil-fatt rilevanti għal dan il-għan peress li minn dan jirriżulta li qiegħda ssir distinzjoni bejn żewġ kategoriji ta’ operaturi, li jkunu a priori s-suġġett ta’ trattament iddifferenzjat, jiġifieri dawk li jaqgħu taħt il-miżura derogatorja u dawk li jibqgħu jaqgħu taħt is-sistema fiskali komuni, f’sitwazzjoni fejn dawn iż-żewġ kategoriji jkunu jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli fid-dawl tal-għan segwit mill-imsemmija sistema (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group SA et, C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981, punt 77).

45      Fir-rigward tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma ġiex ikkontestat li l-kuntest ta’ referenza territorjali għandu jkun dak tal-Komunità Awtonoma tal-Cataluña.

46      It-tieni nett, għalkemm il-kriterju ta’ impożizzjoni marbut mas-superfiċi ta’ bejgħ ma jidhirx li huwa formalment derogatorju għal qafas legali ta’ referenza partikolari, xorta waħda għandu l-effett li jeskludi lill-istabbilimenti kummerċjali li s-superfiċi ta’ bejgħ tagħhom huwa ta’ inqas minn 2 500 m2 mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din it-taxxa. B’hekk, l-IGEC ma tistax tiġi distinta minn taxxa reġjonali li għaliha huma suġġetti l-istabbilimenti kummerċjali li s-superfiċi ta’ bejgħ tagħhom taqbeż ċertu livell.

47      Issa, l-Artikolu 107(1) TFUE jiddefinixxi l-interventi mill-Istati fuq il-bażi tal-effetti tagħhom, irrispettivament mit-tekniki użati (sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates Association, C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punt 89).

48      Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż a priori li tali kriterju jippermetti li jiġu ffavoriti, fil-prattika, “ċerti impriżi jew ċerti produtturi” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE billi jħaffef l-oneri tagħhom meta mqabbla ma’ dawk li huma suġġetti għat-taxxa inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

49      F’dan il-kuntest, għandu għaldaqstant jiġi ddeterminat jekk l-istabbilimenti kummerċjali li b’hekk huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din it-taxxa jinsabux jew le f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-istabbilimenti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

50      Fil-kuntest ta’ din l-analiżi, għandu jitqies li, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam, id-determinazzjoni tal-valuri taxxabbli u tat-tqassim tal-oneru fiskali fuq id-diversi fatturi ta’ produzzjoni u d-diversi setturi ekonomiċi taqa’ fil-kompetenza fiskali tal-Istati Membri jew tal-entitajiet infra-Statali li għandhom awtonomija fiskali (sentenza tal-15 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni u Spanja vs Government of Gibraltar u Ir-Renju Unit, C‑106/09 P u C‑107/09 P, EU:C:2011:732, punt 97).

51      Fil-fatt, kif tfakkar il-Kummissjoni fil-punt 156 tal-Avviż tagħha dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat kif imsemmi fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, C 262, p. 1), “[l]-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu dwar il-politika ekonomika li huma jqisu bħala l-aktar xierqa u, b’mod partikolari, biex iqassmu l-piż tat-taxxa kif jidhrilhom xieraq fid-diversi fatturi ta’ produzzjoni. Madankollu, l-Istati Membri jridu jeżerċitaw din il-kompetenza skont il-liġi tal-Unjoni”.

52      Fir-rigward tat-taxxa inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mill-indikazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-għan tagħha huwa li tikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-ambjent u għall-ippjanar tat-territorju. Fil-fatt, dan l-għan jikkonċerna l-korrezzjoni u l-kumpens tal-konsegwenzi ambjentali u territorjali tal-attività ta’ dawn l-istabbilimenti kummerċjali kbar, li jirriżultaw b’mod partikolari mill-flussi ta’ traffiku kkawżati, billi dawn l-istabbilimenti kummerċjali kbar ikunu meħtieġa jikkontribwixxu għall-finanzjament ta’ pjanijiet ta’ azzjoni ambjentali u għat-titjib tal-infrastrutturi.

53      F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi kkontestat li l-impatt ambjentali tal-istabbilimenti kummerċjali jiddependi, fil-parti l-kbira tiegħu, mid-daqs tagħhom. Fil-fatt, iktar ma s-superfiċi ta’ bejgħ tkun kbira, iktar ikun kbir in-numru ta’ viżitaturi, li jwassal għal ħsara ikbar għall-ambjent. Minn dan jirriżulta li kriterju bbażat fuq id-daqs tas-superfiċi ta’ bejgħ, bħal dak adottat mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sabiex issir distinzjoni bejn l-impriżi skont jekk l-impatt ambjentali tagħhom huwiex ikbar jew iżgħar, huwa koerenti mal-għanijiet segwiti.

54      Huwa evidenti wkoll li l-lokalizzazzjoni ta’ tali stabbilimenti hija ta’ interess partikolari f’termini ta’ politika ta’ ppjanar tat-territorju, irrispettivament minn fejn ikunu jinsabu (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-24 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑400/08, EU:C:2011:172, punt 80).

55      F’dawn iċ-ċirkustanzi, kriterju dwar l-impożizzjoni tat-taxxa bbażat fuq is-superfiċi ta’ bejgħ, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, iwassal sabiex issir distinzjoni bejn kategoriji ta’ stabbilimenti li ma jinsabux f’sitwazzjoni paragunabbli fid-dawl tal-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni stabbilixxiet dan il-kriterju.

56      Għaldaqstant, l-eżenzjoni fiskali li jibbenefikaw minnha l-istabbilimenti kummerċjali li s-superfiċi ta’ bejgħ tagħhom hija ta’ inqas minn 2 500 m2 ma tistax titqies li tagħti vantaġġ selettiv lil dawn l-istabbilimenti u, għaldaqstant, ma tistax tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

57      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll dwar il-karatteristiċi l-oħra tat-taxxa inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Hija tistaqsi jekk l-eżenzjoni totali minn din it-taxxa għall-istabbilimenti kummerċjali kollettivi u għall-istabbilimenti kummerċjali individwali tal-ġonna u tal-bejgħ ta’ vetturi, ta’ materjal għall-kostruzzjoni, ta’ makkinarju u ta’ provvisti industrijali kif ukoll it-tnaqqis ta’ 60 % tal-valur taxxabbli għall-istabbilimenti li jeżerċitaw attività ta’ bejgħ ta’ għamara, ta’ prodotti sanitarji, ta’ bibien u ta’ twieqi kif ukoll ta’ prodotti ta’ DIY jikkostitwixxux vantaġġi favur dawn l-istabbilimenti.

58      Għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li dawn il-miżuri huma ta’ natura derogatorja fil-konfront tal-qafas ta’ referenza stabbilit minn din it-taxxa speċifika.

59      It-tieni nett, il-Gvern Reġjonali tal-Cataluña jsostni, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li l-attivitajiet tal-istabbilimenti kummerċjali kkonċernati, minħabba n-natura tagħhom stess, jeħtieġu superfiċi ta’ bejgħ kbar, mingħajr ma tali superfiċi ma jkunu maħsuba sabiex jattiraw l-ikbar numru possibbli ta’ konsumaturi u mingħajr ma jżidu l-volum ta’ xerrejja li jżuru dawn l-istabbilimenti b’vetturi privati. B’hekk, dawn l-attivitajiet jikkawżaw inqas ħsara għall-ambjent u għall-ippjanar tat-territorju mill-attivitajiet tal-istabbilimenti li huma suġġetti għat-taxxa inkwistjoni.

60      Tali element jista’ jkun ta’ natura li jiġġustifika d-distinzjoni magħmula mil-leġiżlazzjoni kkontestata fil-kawża prinċipali li, għalhekk, ma tkunx timplika l-għoti ta’ vantaġġi selettivi favur l-istabbilimenti kummerċjali kkonċernati. Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika jekk dan huwiex effettivament il-każ.

61      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kriterju ta’ differenzazzjoni fiskali marbut man-natura individwali tal-istabbiliment kummerċjali, li għandu l-effett li jiġu eżentati mill-IGEC l-istabbilimenti kummerċjali kollettivi kbar, dan iwassal, għall-kuntrarju, sabiex issir distinzjoni bejn żewġ kategoriji ta’ stabbilimenti li oġġettivament jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli fid-dawl tal-għanijiet ta’ protezzjoni tal-ambjent u ta’ ppjanar tat-territorju segwiti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Għaldaqstant, il-fatt li dawn l-istabbilimenti kummerċjali kollettivi kbar ma humiex suġġetti għal din it-taxxa huwa ta’ natura selettiva u, għaldaqstant, jista’ jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat jekk ikunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet l-oħra stabbiliti fl-Artikolu 107(1) TFUE.

62      F’dan ir-rigward, jista’ jiġi kkonstatat li tali miżura hija ffinanzjata permezz ta’ riżorsi tal-Istat u hija imputabbli lill-Istat fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

63      Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni l-Gvern Reġjonali tal-Cataluña fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, tali miżura tista’ tolqot ukoll il-kummerċ u tista’ twassal għal distorsjoni jew għal theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

64      Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ miżura bħala “għajnuna mill-Istat”, ma huwiex meħtieġ li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ impatt reali tal-għajnuna fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri kif ukoll distorsjoni effettiva tal-kompetizzjoni, iżda huwa biżżejjed li jiġi eżaminat jekk din l-għajnuna tistax tolqot dan il-kummerċ u toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania, C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 78).

65      B’mod partikolari, meta għajnuna minn Stat Membru ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ ċerti impriżi fil-konfront tal-pożizzjonijiet ta’ impriżi kompetituri oħra fil-kummerċ bejn l-Istati Membri, dan il-kummerċ għandu jitqies li kien influwenzat mill-għajnuna u ma huwiex meħtieġ li l-impriżi benefiċjarji jipparteċipaw huma stess fil-kummerċ bejn l-Istati Membri. Fil-fatt, meta Stat Membru jagħti għajnuna lil impriżi, l-attività interna tista’ tibqa’ l-istess jew tiżdied, bil-konsegwenza li jkunu mnaqqsa l-opportunitajiet tal-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra li jidħlu fis-suq ta’ dan l-Istat Membru (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania, C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 79).

66      Fir-rigward tal-kundizzjoni marbuta mad-distorsjoni tal-kompetizzjoni, l-għajnuna intiża li teħles lil impriża minn spejjeż li normalment kien ikollha tbati fil-kuntest tal-ġestjoni ta’ kuljum tagħha jew tal-attivitajiet normali tagħha toħloq, bħala prinċipju, distorsjoni għall-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania, C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 80).

67      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li taxxa, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fuq l-istabbilimenti kummerċjali kbar li tiddependi, essenzjalment, mis-superfiċi ta’ bejgħ tagħhom, ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn huma eżentati minn din it-taxxa l-istabbilimenti li s-superfiċi ta’ bejgħ tagħhom hija inqas minn 2 500 m2. Tali taxxa lanqas ma tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sa fejn huma eżentati minn din it-taxxa l-istabbilimenti li l-attività tagħhom tikkonċerna l-ġardinaġġ, il-bejgħ ta’ vetturi, ta’ materjal għall-kostruzzjoni, ta’ makkinarju u ta’ provvisti industrijali u lanqas sa fejn jibbenefikaw minn tnaqqis tal-valur taxxabbli ta’ 60 % l-istabbilimenti li l-attività tagħhom tikkonċerna l-bejgħ ta’ għamara, ta’ prodotti sanitarji u ta’ bibien u twieqi kif ukoll ta’ prodotti ta’ DIY, sa fejn dawn l-istabbilimenti ma jikkawżawx ħsara għall-ambjent u għall-ippjanar tat-territorju daqstant kbira daqs l-istabbilimenti l-oħra, sitwazzjoni din li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

68      Għall-kuntrarju, tali taxxa tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, fis-sens ta’ din l-istess dispożizzjoni, sa fejn huma eżentati minn din it-taxxa l-istabbilimenti kummerċjali kollettivi kbar li s-superfiċi ta’ bejgħ tagħhom hija daqs il-livell ta’ 2 500 m2 jew iktar.

 Fuq it-tielet domanda

69      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk, fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda, l-għajnuna mill-Istat li tirriżulta mill-eżenzjonijiet u mit-tnaqqis ta’ taxxa fuq l-istabbilimenti kummerċjali kbar, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jistgħux jitqiesu li huma għajnuna eżistenti fis-sens tal-Artikolu 1(b) tar-Regolament Nru 659/1999, riprodott essenzjalment fl-Artikolu 1(b) tar-Regolament 2015/1589.

70      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda, hemm lok li tingħata risposta għal din it-tielet domanda.

71      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, preliminarjament, li l-validità tal-atti li jimplimentaw miżuri ta’ għajnuna hija affettwata min-nuqqas ta’ osservanza, min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali, tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE u li l-qrati nazzjonali għandhom jiggarantixxu lill-individwi li huma f’pożizzjoni li jinvokaw tali nuqqas ta’ osservanza li l-konsegwenzi kollha ta’ dan in-nuqqas ser jinstiltu, konformement mad-dritt nazzjonali tagħhom, kemm fir-rigward tal-validità tal-atti li jimplimentaw il-miżuri ta’ għajnuna u kemm fir-rigward tal-irkupru tas-sostenn finanzjarju mogħti bi ksur ta’ din id-dispożizzjoni jew ta’ eventwali miżuri provviżorji (sentenza tal-21 ta’ Novembru 1991, Fédération nationale du commerce extérieur des produits alimentaires et Syndicat national des négociants et transformateurs de saumon, C‑354/90, EU:C:1991:440, punt 12).

72      Madankollu, l-għajnuna eżistenti tista’, konformement mal-Artikolu 108(1) TFUE, tiġi implimentata b’mod regolari sakemm il-Kummissjoni ma tkunx ikkonstatat l-inkompatibbiltà tagħha, b’tali mod li l-Artikolu 108(3) TFUE ma jagħtix lill-qrati nazzjonali l-kompetenza li jipprojbixxu l-implimentazzjoni tagħha (sentenza tat-18 ta’ Lulju 2013, P, C‑6/12, EU:C:2013:525, punti 36 sa 41).

73      Madankollu, fir-rigward tal-Artikolu 1(b)(v) tar-Regolament Nru 659/1999, iċċitat mill-qorti tar-rinviju, li jikkonċerna l-każ fejn ikun jista’ jiġi stabbilit li miżura, li ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna fid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha, iżda li, minkejja li ma kinitx emendata mill-Istat Membru kkonċernat, tkun sussegwentement saret għajnuna minħabba l-iżvilupp tas-suq intern, ma jidhirx li tali kundizzjonijiet jistgħu jkunu ssodisfatti fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali.

74      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-għajnuna li bbenefikaw minnha l-istabbilimenti kkonċernati fil-kuntest tat-taxxa inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax titqies li kienet is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni, fis-sens tal-Artikolu 1(b)(ii) tar-Regolament Nru 659/1999, riprodott fl-Artikolu 1(b)(ii) tar-Regolament 2015/1589, għandu jitfakkar li, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, att, irrispettivament mill-forma tiegħu, jikkostitwixxi tali deċiżjoni meta, fid-dawl tal-kontenut tiegħu u tal-intenzjoni tal-Kummissjoni, din tal-aħħar tkun stabbilixxiet b’mod definittiv permezz ta’ dan l-att, fi tmiem il-fażi ta’ eżami preliminari, il-pożizzjoni tagħha dwar il-miżura inkwistjoni u, għaldaqstant, meta din tkun ikkonkludiet li din il-miżura kienet tikkostitwixxi jew le għajnuna u li ma kinitx tqajjem dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, C‑521/06 P, EU:C:2008:422, punt 46, kif ukoll tad-9 ta’ Ġunju 2011, Diputación Foral de Vizcaya et vs Il-Kummissjoni, C‑465/09 P sa C‑470/09 P, mhux ippubblikata, EU:C:2011:372, punt 94).

75      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-eżistenza ta’ tali deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tkun tista’ tiġi kkonstatata fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi u għandha tikkorrispondi għal espressjoni ċara u definittiva tal-pożizzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-miżura inkwistjoni (sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2011, Diputación Foral de Vizcaya et vs Il-Kummissjoni, C‑465/09 P sa C‑470/09 P, mhux ippubblikata, EU:C:2011:372, punt 95).

76      Fil-fatt, mill-kontroll preventiv fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat eżerċitat mill-Kummissjoni u, b’mod partikolari, mill-projbizzjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ għajnuna ġdida qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali mill-Kummissjoni, skont l-aħħar sentenza tal-Artikolu 108(3) TFUE, jirriżulta li ma jista’ jkun hemm l-ebda dubju dwar l-eżistenza ta’ deċiżjoni li tieħu pożizzjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ għajnuna u li dan jgħodd iktar u iktar meta l-għajnuna allegatament awtorizzata ma tkunx ġiet innotifikata lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108(3) TFUE, b’tali mod li b’hekk toħloq riskju għaċ-ċertezza legali li din id-dispożizzjoni hija intiża li tiggarantixxi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2011, Diputación Foral de Vizcaya et vs Il-Kummissjoni, C‑465/09 P sa C‑470/09 P, mhux ippubblikata, EU:C:2011:372, punti 96 kif ukoll 97).

77      Għaldaqstant, fil-kawża prinċipali, tali awtorizzazzjoni ma tistax tiġi dedotta mill-kliem tal-ittra tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Ottubru 2003 ċċitata mill-qorti tar-rinviju u mfakkra fil-punt 16 ta’ din is-sentenza, u dan jekk xejn għaliex mill-indikazzjonijiet mogħtija lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li f’din l-ittra l-Kummissjoni tieħu pożizzjoni biss dwar il-kwistjoni tal-konformità tal-modalitajiet ta’ assenjazzjoni tad-dħul mill-IGEC mad-dritt dwar l-għajnuna mill-Istat.

78      Fl-aħħar nett, għandu jiġi indikat li, skont l-Artikolu 1(b)(iv) tar-Regolament Nru 659/1999, riprodott essenzjalment fl-Artikolu 1(b)(iv) tar-Regolament 2015/1589, l-“għajnuna eżistenti” għandha tinftiehem li hija wkoll “għajnuna eżistenti skond l-Artikolu 15” tar-Regolament Nru 659/1999.

79      L-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 659/1999, riprodott fl-Artikolu 17 tar-Regolament 2015/1589, jispeċifika li s-setgħat tal-Kummissjoni fil-qasam tal-irkupru ta’ għajnuna illegali huma suġġetti għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin. Skont l-Artikolu 15(2) ta’ dan ir-regolament, dan it-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri mid-data li fiha l-għajnuna illegali tingħata lill-benefiċjarju, bħala għajnuna individwali jew fil-kuntest ta’ skema ta’ għajnuna, u kull miżura meħuda mill-Kummissjoni, jew minn Stat Membru li jaġixxi fuq talba mill-Kummissjoni, fir-rigward tal-għajnuna illegali tinterrompi dan it-terminu. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 15(3) tal-imsemmi regolament, kull għajnuna li fir-rigward tagħha jkun skada t-terminu ta’ preskrizzjoni hija meqjusa li hija għajnuna eżistenti.

80      Irrispettivament ukoll mill-portata li għandha tingħata lil din id-dispożizzjoni meta tiġi invokata quddiem il-qorti nazzjonali, għandu jiġi kkonstatat li, fi kwalunkwe każ, il-kundizzjonijiet previsti minnha ma humiex issodisfatti fil-kawża prinċipali.

81      Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li, sa fejn il-benefiċjarji tal-għajnuna li tirriżulta minn taxxa bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma ddefiniti b’mod ġenerali u astratt u sa fejn l-ammont tal-għajnuna mogħtija lilhom b’dan il-mod jibqa’ indeterminat, din l-għajnuna taqa’ taħt il-kunċett ta’ “skema ta’ għajnuna”, fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament Nru 659/1999, li l-formulazzjoni tiegħu hija riprodotta bi kliem [essenzjalment] identiku fl-Artikolu 1(d) tar-Regolament 2015/1589.

82      Għaldaqstant, konformement mal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 659/1999, id-data li fiha l-għajnuna illegali effettivament tingħata lill-benefiċjarju tagħha tikkostitwixxi l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, France Télécom vs Il-Kummissjoni, C‑81/10 P, EU:C:2011:811, punti 80 sa 82, u d-digriet tas-7 ta’ Diċembru 2017, L-Irlanda vs Il-Kummissjoni, C‑369/16 P, mhux ippubblikat, EU:C:2017:955, punt 41).

83      Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, permezz ta’ ittra tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Novembru 2014 imsemmija fid-deċiżjoni tar-rinviju u mfakkra fil-punt 17 ta’ din is-sentenza, din l-istituzzjoni informat lill-awtoritajiet Spanjoli li l-IGEC setgħet tagħti għajnuna mill-Istat u li din it-taxxa kellha tiġi emendata jew abolita. Għaldaqstant, tali dokument jikkostitwixxi miżura meħuda mill-Kummissjoni fis-sens tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 659/1999, li jinterrompi t-terminu ta’ preskrizzjoni, b’tali mod li l-għajnuna mogħtija fil-perijodu ta’ għaxar snin li jippreċedi din l-ittra ma tistax titqies li hija għajnuna eżistenti.

84      Fir-rigward tal-għajnuna mogħtija preċedentement, kemm minn din l-ittra tal-2014 u kemm mill-ittra tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Ottubru 2003 ċċitata mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li dawn intbagħtu wara skambji u wara talbiet għal informazzjoni lill-awtoritajiet Spanjoli dwar is-sistema tal-IGEC.

85      F’tali ċirkustanzi, tali talbiet ukoll interrompew it-terminu ta’ preskrizzjoni stabbilit fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2005, Scott vs Il-Kummissjoni, C‑276/03 P, EU:C:2005:590, punt 36).

86      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda hija li, f’ċirkustanzi bħal dawk deskritti mill-qorti tar-rinviju, l-għajnuna mill-Istat li tirriżulta minn sistema ta’ taxxa bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tikkostitwixxi għajnuna eżistenti fis-sens tal-Artikolu 1(b) tar-Regolament Nru 659/1999, li l-formulazzjoni tiegħu hija riprodotta fl-Artikolu 1(b) tar-Regolament 2015/1589.

 Fuq l-ispejjeż

87      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikoli 49 u 54 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux taxxa fuq l-istabbilimenti kummerċjali kbar, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

2)      Taxxa, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fuq l-istabbilimenti kummerċjali kbar li tiddependi, essenzjalment, mis-superfiċi ta’ bejgħ tagħhom, ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn huma eżentati minn din it-taxxa l-istabbilimenti li s-superfiċi ta’ bejgħ tagħhom hija inqas minn 2 500 m2. Tali taxxa lanqas ma tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sa fejn huma eżentati minn din it-taxxa l-istabbilimenti li l-attività tagħhom tikkonċerna l-ġardinaġġ, il-bejgħ ta’ vetturi, ta’ materjal għall-kostruzzjoni, ta’ makkinarju u ta’ provvisti industrijali u lanqas sa fejn jibbenefikaw minn tnaqqis tal-valur taxxabbli ta’ 60 % l-istabbilimenti li l-attività tagħhom tikkonċerna l-bejgħ ta’ għamara, ta’ prodotti sanitarji u ta’ bibien u twieqi kif ukoll ta’ prodotti ta’ DIY, sa fejn dawn l-istabbilimenti ma jikkawżawx ħsara għall-ambjent u għall-ippjanar tat-territorju daqstant kbira daqs l-istabbilimenti l-oħra, sitwazzjoni din li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

Għall-kuntrarju, tali taxxa tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, fis-sens ta’ din l-istess dispożizzjoni, sa fejn huma eżentati minn din it-taxxa l-istabbilimenti kummerċjali kollettivi kbar li s-superfiċi ta’ bejgħ tagħhom hija daqs il-livell ta’ 2 500 m2 jew iktar.

3)      F’ċirkustanzi bħal dawk deskritti mill-qorti tar-rinviju, l-għajnuna mill-Istat li tirriżulta minn sistema ta’ taxxa bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tistax tikkostitwixxi għajnuna eżistenti fis-sens tal-Artikolu 1(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE, li l-formulazzjoni tiegħu hija riprodotta fl-Artikolu 1(b) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.