Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court (l-Irlanda) fis-26 ta’ Marzu 2019 – Friends of the Irish Environment Limited vs An Bord Pleanála

(Kawża C-254/19)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

High Court (l-Irlanda)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Friends of the Irish Environment Limited

Konvenut: An Bord Pleanála

Domandi preliminari

Deċiżjoni ta’ proroga tat-tul ta’ awtorizzazzjoni għall-iżvilupp tikkostitwixxi ftehim fuq proġett li jista’ jaqa’ taħt l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE 1 tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-habitat”)?

Il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin għandhom effett fuq ir-riposta li għandha tingħata għad-domanda (1) imsemmija iktar ’il fuq?

L-awtorizzazzjoni għall-iżvilupp (li t-tul tagħha se jiġi pprorogat) ingħatat skont dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li ma ttrasponietx debitament id-Direttiva dwar il-habitat, inkwantu l-leġiżlazzjoni ekwiparat b’mod żbaljat l-evalwazzjoni xierqa msemmija fid-Direttiva dwar il-habitat mal-istima tal-impatt fuq l-ambjent prevista fid-Direttiva SEA (Direttiva 2011/92/UE 2 ).

L-awtorizzazzjoni għall-iżvilupp kif ingħatat inizjalment ma ssemmix jekk l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ġietx eżamita skont l-Istadju 1 jew l-Istadju 2 tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar il-habitat, u din ma tinkludix “konstatazzjonijiet u konklużjonijiet kompleti, preċiżi u definittivi, ta’ natura li jneħħu kull dubju xjentifiku raġonevoli fir-rigward tal-effetti tax-xogħlijiet li kienu previsti [fis-sit] ikkonċernat”, bħalma rrikjediet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza C-404/09, Il-Kummissjoni vs Spanja 3 .

Il-perijodu inizjali tal-awtorizzazzjoni għall-iżvilupp skada u, konsegwentement, l-awtorizzazzjoni għall-iżvilupp waqfet milli tipproduċi l-effetti tagħha fir-rigward tal-iżvilupp kollu. Ebda xogħol ta’ żvilupp ma jista’ jitwettaq skont l-awtorizzazzjoni għall-iżvilupp fl-istennija tal-proroga potenzjali tagħha.

Ma qatt sar ebda xogħol ta’ żvilupp skont l-awtorizzazzjoni għall-iżvilupp.

Jekk ir-risposta għad-domanda (1) tkun fl-affermattiv, liema kunsiderazzjonijiet għandhom jitqiesu mill-awtorità kompetenti meta twettaq eżami taħt l-Istadju 1 konformement mal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva dwar l-habitat? Pereżempju, l-awtorità kompetenti hija obbligata tieħu inkunsiderazzjoni totalment jew parzjalment il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin: (i) jekk hemmx xi tibdiliet għax-xogħlijiet u għall-użu maħsub; (ii) jekk sarux xi tibdiliet fil-kuntest ambjentali, b’mod partikolari fir-rigward tal-indikazzjoni tas-siti Ewropej, wara d-data tad-deċiżjoni li tingħata awtorizzazzjoni għall-iżvilupp; (iii) jekk kienx hemm xi tibdiliet rilevanti fl-għarfien xjentifiku, b’mod partikolari studji iktar aġġornati f’dak li jirrigwarda l-interessi eliġibbli tas-siti Ewropej? Sussidjarjament, l-awtorità kompetenti hija obbligata tevalwa l-effetti fuq l-ambjent tal-iżvilupp kollu?

Għandha tiġi stabbilita distinzjoni bejn (i) awtorizzazzjoni għall-iżvilupp li timponi terminu għall-perijodu ta’ attività (fażi operazzjonali), u (ii) awtorizzazzjoni għall-iżvilupp li timponi biss terminu għall-perijodu li matulu jistgħu jsiru xogħlijiet ta’ kostruzzjoni (fażi ta’ kostruzzjoni) iżda li, sakemm ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jitlestew f’dan it-terminu, ma timponi ebda terminu f’dak li jirrigwarda l-perijodu ta’ attività jew fażi operazzjonali?

Sa liema punt, jekk ikun il-każ, l-obbligu ta’ qorti nazzjonali li sa fejn huwa possibbli tinterpreta l-leġiżlazzjoni b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-habitat u tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus huwa suġġett għar-rekwiżit li l-partijiet fil-kawża jkunu espliċitament qajmu dawn il-kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni? B’mod iktar preċiż, jekk id-dritt nazzjonali jipprevedi żewġ proċeduri deċiżjonali, fejn waħda minnhom biss tiżgura l-osservanza tad-Direttiva dwar il-habitats, il-qorti nazzjonali hija obbligata tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-sens li hija biss il-proċedura deċiżjonali konformi li tista’ tiġi invokata, minkejja li l-partijiet fil-kawża li biha hija adita ma invokawx espliċitament din l-istess interpretazzjoni?

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domanda (2)(a) iktar ’il fuq fis-sens li għandu jiġi eżaminat jekk l-awtorizzazzjoni għall-iżvilupp (li t-tul tagħha se jiġi pprorogat) ingħatat skont dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali li ma ttrasponietx debitament id-Direttiva dwar il-habitat, il-qorti nazzjonali hija obbligata ma tapplikax regola ta’ dritt proċedurali interna li tipprekludi opponent milli jikkontesta l-validità ta’ awtorizzazzjoni preċedenti għall-iżvilupp (li skadiet) fil-kuntest ta’ applikazzjoni sussegwenti għall-iżvilupp? Din ir-regola ta’ dritt proċedurali intern hija konformi mal-obbligu ta’ rimedju kif ikkonfermat reċentement fil-Kawża C-348/15, Stadt Wiener Neustadt 4 ?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102.

2 Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU 2012, L 26, p. 1).

3 EU:C:2011:768.

4 EU:C:2016:882.