Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Cluj (ir-Rumanija) fid-29 ta’ Marzu 2019 – Banca B. SA vs A. A. A.

(Kawża C-269/19)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Curtea de Apel Cluj

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Banca B. SA

Konvenut: A. A. A.

Domandi preliminari

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13/KEE 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li, wara l-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola li tiddefinixxi l-mekkaniżmu għall-istabbiliment tar-rata ta’ interessi varjabbli li ssegwi l-formula tal-“marġini fiss u r-rata ta’ interessi ta’ referenza applikata minn bank abbażi ta’ kriterji mhux trasparenti” f’kuntratt ta’ self li japplika rata ta’ interessi fissa limitata għall-ewwel sena u rata varjabbli għas-snin sussegwenti, skont din il-formula, il-qorti nazzjonali tista’ tirrevedi l-kuntratt billi tistabbilixxi metodu għall-kalkolu tar-rata ta’ interessi varjabbli skont indizji ta’ referenza trasparenti (LIBOR jew EURIBOR) u tal-marġini fiss tal-bank, fid-dawl tal-fatti inklużi fil-kuntratt ta’ self, sabiex tiżgura protezzjoni aħjar tal-konsumatur?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13/KEE għandu jiġi interpretat fis-sens li, wara l-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ tali klawżola, il-qorti nazzjonali tista’ tapplika, permezz ta’ proċess ġudizzjarju, rata ta’ interessi fissa billi tagħmel riferiment għall-marġini fissa prevista għat-tieni sena tal-kuntratt jew għar-rata ta’ interessi fissa prevista għall-ewwel sena?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għat-tieni domanda, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13/KEE u l-prinċipju ta’ effettività għandhom jiġu interpretati fis-sens li, wara l-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ tali klawżola, dawn jipprekludu lill-qorti nazzjonali milli tistieden lill-partijiet jinnegozjaw sabiex jistabbilixxu rata ta’ interessi ġdida, mingħajr ma tipprovdi kwalunkwe indizji?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għat-tielet domanda, liema soluzzjonijiet konformi mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13/KEE jippermettu li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-konsumaturi?

____________

1 Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).