Language of document :

Appell ippreżentat fit-18 ta’ Frar 2019 minn Vans, Inc. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) fis-6 ta’ Diċembru 2018 fil-Kawża T-848/16 – Deichmann SE vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea

(Kawża C-125/19 P)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellanti: Vans, Inc. (rappreżentanti: M. Hirsch, M. Metzner, Rechtsanwälte)

Partijiet oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea, Deichmann SE

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (Id-Disa’ Awla) tas-6 ta’ Diċembru 2018 fil-Kawża T-848/16 u tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lil Deichmann SE għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Il-Qorti Ġenerali żbaljat meta telqet mill-premessa li Deichmann issostanzjat b’mod suffiċjenti t-trade mark preċedenti; b’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod wisq estensiv il-kunċett ta’ “dokument ekwivalenti” fis-sens tar-Regola 19(2)(a)(ii) tar-Regolament ta’ implimentazzjoni 1 (li sar l-Artikolu 7(2)(a)(ii) tar-Regolament Delegat (UE) 2018/625) 2 .

Kuntrarjament għall-pożizzjoni tal-Qorti Ġenerali, estratt mid-database TMView ma jikkostitwixxix “dokument ekwivalenti” fis-sens tar-Regola 19(2)(a)(ii) tar-Regolament ta’ implimentazzjoni; dan jirriżulta, minn naħa, mill-kliem ċar tad-dispożizzjoni li, fir-rigward tad-dokumenti ekwivalenti aċċettati, tirreferi għan-natura u mhux għall-oriġini tad-dokument, u, min-naħa l-oħra, mir-ratio tad-dispożizzjoni.

Minħabba l-karatteristiċi tad-database, estratt mit-TMView ma jistax jikkostitwixxi prova sostantiva.

L-oppożizzjoni kellha għalhekk – kif ġustament affermat mill-Bord tal-Appell – diġà tiġi miċħuda minħabba nuqqas ta’ prova tad-dritt preċedenti.

____________

1     Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 tat-13 ta’ Diċembru 1995 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/95 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189).

2     Regolament Delegat tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Marzu 2018 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea, u li jħassar ir-Regolament Delegat (UE) 2017/1430 (ĠU 2018 L 104, p. 1).