Language of document : ECLI:EU:C:2019:863

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

16 ta’ Ottubru 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika Agrikola Komuni – Settur tal-apikultura – Regolament (UE) Nru 1308/2013 – Regolament ta’ Delega (UE) 2015/1366 – Applikazzjoni għal għajnuna – Kundizzjonijiet – Numru minimu ta’ kolonji tan-naħal – Stabbiliment b’effett retroattiv – Prinċipju ta’ ċertezza legali – Prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi”

Fil-Kawża C‑490/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Budapest Környéki Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali tal-agglomerazzjoni tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ Lulju 2018, fil-proċedura

SD

vs

Agrárminiszter,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn D. Šváby, li qed jaġixxi bħala President tal-Awla, K. Jürimäe u N. Piçarra (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Pikamäe,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Ungeriż, minn M.Z. Fehér u A. Pokoraczki, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Elleniku, minn G. Kanellopoulos, A. Vasilopoulou u E.-E. Krompa, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Havas u B. Hofstötter, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1366, tal-11 ta’ Mejju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-għajnuna lis-settur tal-apikultura (ĠU 2015, L 211, p. 3, iktar ’il quddiem ir-“Regolament 2015/1366”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn SD u l-Agrárminiszter (il-Ministru għall-Agrikoltura, l-Ungerija), dwar id-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li jiċħad talba għall-għoti ta’ għajnuna għax-xiri ta’ għodod ġodda intiżi għall-migrazzjoni tan-naħal.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013

3        L-Artikolu 55 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU 2013, L 347, p. 671), intitolat “Programmi nazzjonali u finanzjament”, jipprovdu, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Bil-ħsieb li jitjiebu l-kundizzjonijiet ġenerali għall-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti tal-apikultura, l-Istati Membri jistgħu jfasslu programmi nazzjonali għas-settur tal-apikultura għal perijodu ta’ tliet snin, (‘programmi tal-apikultura’). […]”

4        Skont l-Artikolu 56(1)(b) ta’ dan ir-regolament, il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ddelegati skont l-Artikolu 227 ta’ dan ir-regolament f’dak li jirrigwarda “il-bażi għall-allokazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal kull Stat Membru parteċipant, abbażi, inter alia, tal-għadd totali ta’ bejtiet tan-naħal fl-Unjoni.”

5        Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 57(c) tal-imsemmi regolament, il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-miżuri neċessarji f’dak li jirrigwarda “l-approvazzjoni tal-programmi tal-apikultura sottomessi mill-Istati Membri, inkluża l-allokazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal kull Stat Membru parteċipant u l-livell massimu ta’ finanzjament mill-Istati Membri.”

 Ir-Regolament 2015/1366

6        Il-premessi 2 sa 4 u 11 tar-Regolament 2015/1366 huma fformulati kif ġej:

“(2)      L-Artikolu 55 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jistqarr li l-Istati Membri jistgħu jfasslu programmi nazzjonali għas-settur tal-apikultura li jkopru perjodu ta’ tliet snin […]. Huwa meħtieġ li tiġi ffissata l-bażi għall-allokazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni lill-Istati Membri parteċipanti.

(3)      L-għadd ta’ doqqajs f’kull Stat Membru parteċipanti huwa indikatur tad-daqs tas-settur tal-apikultura tal-Istati Membri. Is-sehem ta’ kull Stat Membru fl-għadd totali ta’ doqqajs fl-Unjoni jirrappreżenta bażi sempliċi li fuqha tinħadem il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-programmi tal-apikultura.

(4)      Sabiex tiġi żgurata distribuzzjoni tajba tal-fondi tal-Unjoni, l-Istati Membri parteċipanti għandu jkollhom metodu affidabbli biex jiġi ddeterminat l-għadd ta’ doqqajs fit-territorju tagħhom.

[…]

(11)      Huwa meħtieġ li jiġu pprovduti miżuri tranżitorji għall-allokazzjoni tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-programmi tal-apikultura ta’ bejn l-2017–19. Sabiex tkun żgurata l-kontinwità mal-programmi tal-apikultura tal-2014–16 u biex jitħalla biżżejjed żmien għall-Istati Membri kollha ħalli jistabbilixxu metodu affidabbli biex jiġi ddeterminat l-għadd ta’ doqqajs lest għax-xitwa bejn l-1 ta’ Settembru u l-31 ta’ Diċembru, l-allokazzjoni ta’ fondi tal-Unjoni għall-programmi tal-apikultura ta’ bejn l-2017–19 għandha ssir fuq il-bażi tal-għadd ta’ doqqajs ikkomunikat fl-2013 mill-Istati Membri fil-programmi tal-apikultura rispettivi tagħhom tal-2014–16.”

7        L-Artikolu 1 tar-Regolament 2015/1366, intitolat “Doqqajs”, jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, it-terminu ‘doqqajs’ ifisser l-unità li tikkontjeni l-kolonja tan-naħal tal-għasel użata għall-produzzjoni tal-għasel u prodotti oħra tal-apikultura jew materjal għat-trobbija tan-naħal tal-għasel, u l-elementi kollha meħtieġa għas-sopravivenzatagħha.”

8        L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, intitolat “Metodu biex jiġi ddeterminat l-għadd ta’ doqqajs”, jipprovdi:

“L-Istati Membri li jippreżentaw il-programmi nazzjonali għas-settur tal-apikultura kif imsemmi fl-Artikolu 55 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 (‘programmi tal-apikultura’) għandu jkollhom metodu affidabbli sabiex jiddeterminaw, bejn l-1 ta’ Settembru u l-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena, l-għadd ta’ doqqajs lest għax-xitwa preżenti fit-territorju tagħhom.”

 Id-dritt Ungeriż

9        L-Artikolu 4 tal-Magyar Méhészeti Nemzeti Program alapján a 2016-2019 közötti végrehajtási időszakokban a központi költségvetés, valamint az Európai Mezőgazdasági Garancia Alap társfinanszírozásában megvalósuló támogatások igénybevételének szabályairól szóló 4/2017. (I. 23.) FM rendelet (ir-Regolament Nru 4/2017 tal-Ministru għall-Agrikoltura u għall-Iżvilupp Rurali, dwar ir-regoli għall-użu tal-għajnuna, fuq il-bażi tal-programm nazzjonali Ungeriż għas-settur tal-apikultura, mogħtija permezz tal-kofinanzjament tal-baġit ċentrali u tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija għall-perijodi ta’ implimentazzjoni mill-2016 sal-2019), tat-23 ta’ Jannar 2017 (Magyar Közlöny 2017/8.), jipprovdi:

“[…]

10)      Fir-rigward tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 2(2)(a), (ae), (b), (ba) u (bb), (c), (cb), kif ukoll, għall-miżura indikata fil-paragrafu (c), (ca), fil-każ ta’ għajnuna għax-xiri ta’ tagħmir ta’ identifikazzjoni permezz ta’ radjufrekwenza, kif ukoll għall-miżura indikata fil-paragrafu (e), fil-każ ta’ għajnuna għar-ripopolazzjoni tad-doqqajs permezz ta’ materjal għat-trobbija xieraq kemm mill-perspettiva tas-saħħa tal-annimali kif ukoll mill-perspettiva ġenetika, id-dritt għall-ħlas huwa bbażat fuq in-numru ta’ kolonji tan-naħal

a)      ikkonstatat waqt il-kontroll sanitarju tal-ħarifa mwettaq fuq in-naħal matul il-perijodu ta’ implimentazzjoni kkunsidrat,

b)      innotifikat skont id-dispożizzjonijiet tal-a tartási helyek, a tenyészetek és az ezekkel kapcsolatos egyes adatok országos nyilvántartási rendszeréről szóló 119/2007. (X 18.) FVM rendelet rendelet [ir-Regolament Nru 119/2007 tal-Ministeru għall-Agrikoltura u għall-Iżvilupp Rurali, dwar is-sistema nazzjonali ta’ reġistrazzjoni tal-postijiet u stabbilimenti ta’ trobbija kif ukoll ta’ data relatata, tat-18 ta’ Ottubru 2007] u rreġistrat fis-sistema ta’ informazzjoni ta’ postijiet tat-trobbija (TIR) imsemmi mir-Regolament Nru 119/2007 FVM, fuq il-bażi tan-notifika indirizzata u li waslet għand l-uffiċċju territorjalment kompetenti tal-Amministrazzjoni tal-Istat fil-kontej f’terminu ta’ tletin ġurnata mid-data ta’ dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament għall-perijodu ta’ implimentazzjoni I, sal-15 ta’ Novembru 2017 għall-perijodu ta’ implimentazzjoni II, u sal-15 ta’ Novembru 2018 għall-perijodu ta’ implimentazzjoni III,

c)      li l-applikant ikollu fil-ġurnata li fiha jippreżenta t-talba għal ħlas.”

10      Skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 4/2017:

“[…]

3)      Jista’ jibbenefika mill-għajnuna kull produttur li jkollu reġistrazzjoni fis-seħħ mal-Országos Magyar Méhészeti Egyesület (l-Unjoni Nazzjonali Ungeriża tal-Apikultura (OMNE)), abbażi tan-numru ta’ kolonji tan-naħal stabbilit fl-Artikolu 4(10).

[…]

5)      Sabiex jibbenefika minn għajnuna, l-applikant għandu jkollu tal-inqas sittin kolonja tan-naħal għall-għajuna relatata mal-għodod indikata fil-paragrafu 4(a), (b) u (e), tal-inqas tletin kolonja tan-naħal għall-għajuna relatata mal-għodod indikata fil-paragrafu 4(h) u tal-inqas mitt kolonja tan-naħal għall-għajnuna relatata mal-għodod indikata fil-paragrafu 4(c), (d), (f) u (g).”

11      Il-programm tal-apikultura Ungeriż għall-perijodu 2014-2016 kien jinkludi għajnuna għat-transumanza fis-settur tal-apikultura prevista mill-a Magyar Méhészeti Nemzeti Program alapján a 2013–2016 közötti végrehajtási időszakokban a központi költségvetés, valamint az Európai Mezőgazdasági Garancia Alap társfinanszírozásában megvalósuló támogatások igénybevételének szabályairól szóló 118/2013. (XII. 16.) VM rendelet (ir-Regolament Nru 118/2013 tal-Ministru għall-Iżvilupp Rurali, tas‑16 ta’ Diċembru 2013, dwar ir-regoli għall-użu tal-għajnuna, fuq il-bażi tal-programm nazzjonali Ungeriż għas-settur tal-apikultura, mogħtija permezz tal-kofinanzjament tal-baġit ċentrali u tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija għall-perijodi ta’ implimentazzjoni mill-2013 sal-2016). L-għoti tagħha kienet suġġetta għall-kundizzjoni li l-persuna li trabbi n-naħal ikollha tal-inqas tletin kolonja tan-naħal irreġistrata fit-TIR. Dan il-programm ingħalaq fil-31 ta’ Awwissu 2016.

12      Għall-perijodu 2017–2019, ir-Regolament Nru 4/2017, li daħal fis-seħħ fl-24 ta’ Jannar 2017, issuġġetta l-għoti ta’ din l-għajnuna għall-kundizzjoni li l-persuna li trabbi n-naħal jkollha tal-inqas 60 kolonja tan-naħal irreġistrata fit-TIR. Peress li fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament, in-numru ta’ kolonji tan-naħal inklużi fit-TIR kien dak li kien ġie kkomunikat matul l-investigazzjoni annwali tal-2016, ġie previst li l-persuna li trabbi n-naħal tkun tista’ temenda din id-data b’mod retroattiv, f’terminu ta’ 30 ġurnata mid-data ta’ dħul fis-seħħ tal-imsemmi regolament.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13      Fit-13 ta’ Marzu 2017, SD ippreżentat quddiem il-Viċi President tal-Magyar Államkincstár (it-Teżor Pubbliku Ungeriż, iktar ’il quddiem it-“Teżor Pubbliku”), responsabbli mill-għajnuna għall-agrikoltura u għall-iżvilupp rurali, applikazzjoni għal għajnuna għax-xiri ta’ għodod ġodda neċessarji għall-migrazzjoni tan-naħal. Għalhekk, hija ddikjarat li għandha 62 kolonja tan-naħal.

14      Permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Mejju 2017, it-Teżor Pubbliku ċaħad din l-applikazzjoni għall-għoti tal-għajnuna kkonċernata, minħabba li SD ma kinitx tissodisfa r-rekwiżit tan-numru minimu ta’ kolonji tan-naħal irreġistrat fit-TIR. Fil-fatt, 36 kolonja tan-naħal biss kienu rreġistrati fih filwaqt li, skont ir-Regolament Nru 4/2017, li daħal fis-seħħ fl-24 ta’ Jannar 2017, l-għoti ta’ din l-għajnuna kien suġġett għall-kundizzjoni li tkun indikata tal-inqas 60 kolonja tan-naħal fit-TIR.

15      SD ippreżentat ilment quddiem il-Ministru għall-Agrikoltura, li, b’deċiżjoni tal-21 ta’ Awwissu 2017, ikkonferma d-deċiżjoni tat-Teżor Pubbliku li tiċħad l-imsemmija applikazzjoni.

16      SD ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni tal-Ministru għall-Agrikoltura quddiem il-Budapest Környéki Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali tal-agglomerazzjoni tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija).

17      Din il-qorti għandha dubji fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk “id-dispożizzjoni tar-Regolament Nru 4/2017 […] li tirdoppja n-numru ta’ kolononji tan-naħal meħtieġ sabiex tingħata għajnuna, u dan mingħajr perijodu ta’ adattament suffiċjenti, hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni.”

18      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Budapest Környéki Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (il-Qorti Amministrattiva u Industrijali tal-agglomerazzjoni tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-‘metodu affidabbli’ previst fl-Artikolu 2 tar-Regolament [2015/1366] użat sabiex jiġi ddeterminat kull sena, bejn l-1 ta’ Settembru u l-31 ta’ Diċembru, in-numru ta’ doqqajs, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa l-applikant għal għajnuna li għandu jinnotifika n-numru ta’ kolonji tan-naħal u, jekk ir-riposta tkun pożittiva, dan jikkostitwixxi metodu affidabbli?

2)      Jekk jeħtieġ, skont l-Artikolu 55 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 [imsemmi fl-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Delega (UE) 2015/1366], li jiġi ddeterminat, kull sena, bejn l-1 ta’ Settembru u l-31 ta’ Diċembru, in-numru ta’ doqqajs minħabba l-karatteristiċi fiżjoloġiċi tan-naħal li abbażi tiegħu tiġi ddeterminata l-għajnuna lis-settur tal-apikultura, din id-dispożizzjoni tista’ tiġi interpretata fis-sens li l-Istati Membri jistgħu jidderogaw minnha?

3)      F’każ li tingħata risposta pożittiva, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ tipprovi għal dispożizzjoni li tistabbilixxi f’Jannar, b’mod retroattiv, in-numru rikjest ta’ kolonji tan-naħal?

4)      Il-fatt li l-għoti ta’ fondi lil programmi tal-apikultura għall-perijodu 2017-2019 għandu jsir abbażi tan-numru ta’ doqqajs ikkomunikat fl-2013 mill-Istati Membri fil-kuntest tal-programmi għall-perijodu 2014-2016 jista’ jiftiehem fis-sens li wara l-għeluq tal-perijodu fil-31 ta’ Diċembru 2016, li abbażi tiegħu tingħata l-għajnuna għall-2017, in-numru ta’ doqqajs rikjest għall-għoti tal-għajnuna jista’ jiġi ddeterminat b’mod differenti?

5)      Ir-Regolament [2015/1366] imsemmi iktar ’il fuq jista’ jiġi interpretat fis-sens li dan jippermetti l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tissubordina l-ħlas ta’ għajnuna de minimis għal kundizzjoni li ma hijiex konformi mal-imsemmi regolament? L-għajnuna ddeterminata mill-Unjoni Ewropea għandha tkun idonea, fil-prattika, sabiex tiffaċilita l-eżerċizzju ta’ attività tal-apikultura?”

 Fuq l-ammissibbiltà

19      Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, il-Gvern Ungeriż u l-Kummissjoni jsostnu li l-Artikolu 2 tar-Regolament 2015/1366, li l-interpretazzjoni tiegħu hija mitluba mill-qorti tar-rinviju, jirrigwarda biss il-bażi tal-allokazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni lill-Istati Membri u li, konsegwentement, dan l-artikolu ma huwiex rilevanti sabiex jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet li għalihom huwa suġġett l-għoti tal-għajnuna rċevuta individwalment minn kull persuna li trabbi n-naħal fil-livell nazzjonali.

20      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tkun tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tkun, bħala prinċipju, marbuta li tiddeċiedi (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, AY (Mandat ta’ arrest – Xhud), C‑268/17, EU:C:2018:602, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21      Minn dan isegwi li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, kuntest li ma huwiex id-dmir tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Iċ-ċaħda, mill-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ domanda magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi utilment għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, AY (Mandat ta’ arrest – Xhud), C‑268/17, EU:C:2018:602, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      Jirriżulta wkoll minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita permezz tal-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, jekk ikun il-każ, tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha u, f’dan il-kuntest, tipprovdi l-elementi ta’ interpretazzjoni kollha tad-dritt tal-Unjoni li l-qrati nazzjonali jkollhom bżonn sabiex jiddeċiedu l-kawżi li jkollhom quddiemhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Settembru 2009, Plantanol, C‑201/08, EU:C:2009:539, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata; kif ukoll tad‑19 ta’ Settembru 2018, González Castro, C‑41/17, EU:C:2018:736, punt 54).

23      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda l-validità ta’ deċiżjoni tat-Teżor Pubbliku, ikkonfermata mill-Ministru għall-Agrikoltura, li ċaħdet l-applikazzjoni għal għajnuna ppreżentata minn SD, minħabba li din tal-aħħar ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti għall-għoti ta’ din l-għajnuna, jiġifieri n-numru ta’ 60 doqqajs meħtieġ mill-programm nazzjonali tal-apikultura relatat mal-perijodu 2017-2019, stabbilit mir-Regolament Nru 4/2017.

24      Huwa f’dan il-kuntest li, permezz tal-ewwel, tat-tieni, tar-raba’ u tal-ħames domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 2015/1366, sabiex jiġi evalwat jekk il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali, stabbiliti mir-Regolament Nru 4/2017, humiex konformi mar-Regolament 2015/1366, b’mod partikolari, mal-Artikolu 2 tiegħu.

25      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li, sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet ġenerali ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tal-apikultura fl-Unjoni, l-Artikolu 55tar-Regolament Nru 1308/2013 jipprevedi fl-ewwel paragrafu tiegħu, li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu programmi nazzjonali tal-apikultura għal perijodu ta’ tliet snin u li dawn il-programmi jistgħu jibbenefikaw mill-kontribuzzjoni tal-Unjoni taħt il-kundizzjonijiet preskritti fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-artikolu.

26      Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried, fl-Artikolu 56(1) (b) ta’ dan ir-regolament, jawtorizza lill-Kummissjoni tadotta atti ddelegati fir-rigward tal-bażi tal-allokazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni lil kull Stat Membru parteċipanti fid-dawl b’mod partikolari tan-numru totali ta’ doqqajs fl-Unjoni.

27      F’dan il-kuntest, ir-Regolament 2015/1366, li l-bażi ġuridiku tiegħu huwa l-Artikolu 56(1) tar-Regolament Nru 1308/2013, jistabbilixxi l-kriterji relatati mal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-programmi tal-apikultura tal-Istati Membri, stabbiliti kull tliet snin.

28      Filwaqt li l-Artikolu 4 tar-Regolament 2015/1366 jipprovdi li l-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-finanzjament tal-programmi tal-apikultura għandha tiġi allokata lill-Istati Membri li jissuġġettaw dawn il-programmi b’mod proporzjonali għan-numru totali medju ta’ doqqajs innotifikat mill-Istati Membri, l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, li għandu jinqara’ fid-dawl tal-premessi 2 sa 4 ta’ dan tal-aħħar, jimponi fuq l-Istati Membri li jistabbilixxu metodu affidabbli li fuq il-bażi tiegħu għandu jiġi ddeterminat kull sena, bejn l-1 ta’ Settembru u l-31 ta’ Diċembru, in-numru ta’ doqqajs eżistenti fit-territorju tagħhom, liema fatt jikkostitwixxi l-kriterju essenzjali għat-tqassim tal-għajnuna tal-Unjoni bejn l-Istati Membri, għall-finijiet tal-finanzjament tal-programmi nazzjonali tal-apikultura.

29      Konsegwentement, l-imsemmi Artikolu 2 sempliċement jorganizza t-tqassim tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-finanzjament ta’ dawn il-programmi nazzjonali u ma jirrigwardax il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna lill-persuni li jrabbu n-naħal fil-kuntest ta’ dawn il-programmi.

30      Issa, it-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda speċifikament waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, li l-istabbiliment tagħha jaqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri skont l-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 1308/2013. Meta dawn jeżerċitaw din il-kompetenza, huma ma humiex obbligati minn din id-dispożizzjoni li jqassmu l-għajnuna kkonċernata skont kriterju partikolari, bħan-numru ta’ doqqajs, u lanqas, fil-każ fejn huma jadottaw dan il-kriterju, li jieħdu bħala riferiment il-perijodu mill-1 ta’ Settembru sal-31 ta’ Diċembru.

31      Minn dan isegwi li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2015/1366, mitluba mill-qorti tar-rinviju fl-ewwel, fit-tieni, fir-raba’ u fil-ħames domanda tagħha, hija irrilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

32      Għall-kuntrarju, permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, il-leġiżlazzjoni nazzjonali — li adottat in-numru ta’ kolonji tan-naħal bħala kriterju għall-finijiet tal-għoti tal-għajnuna fil-kuntest ta’ programm tal-apikultura — tistax “tipprovi għal dispożizzjoni li tistabbilixxi f’Jannar, b’mod retroattiv, in-numru rikjest ta’ kolonji tan-naħal”, bħala kundizzjoni għall-għoti ta’ din l-għajnuna. Peress li din il-kwistjoni hija koperta, kif josservaw il-Gvern Ungeriż u l-Kummissjoni, mill-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, stabbiliti, bħala prinċipji ġenerali tad-dritt, fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, għandhom jiġu interpretati dawn il-prinċipji sabiex tingħata risposta għall-imsemmija domanda.

 Fuq il-mertu

33      It-tielet domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tinftiehem fis-sens li hija intiża sabiex jiġi stabbilit, essenzjalment, jekk il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, skont l-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 1308/2013, tistabbilixxi l-programm fis-settur tal-apikultura għal perijodu ġdid ta’ tliet snin, minn naħa, tistabbilixxi kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna f’dan is-settur differenti minn dawk previsti fil-programmi preċedenti u, min-naħa l-oħra, tippermetti lill-persuni li jrabbu n-naħal li jibbenefikaw minn din l-għajnuna sa minn data preċedenti għal dik tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-leġiżlazzjoni, jekk ikunu jissodisfaw il-kundizzjonijiet ġodda previsti minnha.

34      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ li għandhom l-Istati Membri, skont l-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 1308/2013, għall-istabbiliment tal-programmi nazzjonali għal perijodi ta’ tliet snin, sabiex itejbu l-kundizzjonijiet ġenerali ta’ produzzjoni u ta’ kummerċjalizzazzjoni fis-settur tal-apikultura, inkluż għall-istabbiliment u għall-emenda tal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ għajnuna għal dan il-għan lill-operaturi tal-imsemmi settur, għandu josserva r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipji ġenerali rrikonoxxuti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2004, Gerekens u Procola, C‑459/02, EU:C:2004:454, punt 21), li jinkludu, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Frar 1996, Duff et C‑63/93, EU:C:1996:51, punt 20; tat‑18 ta’ Mejju 2000, Rombi u Arkopharma, C‑107/97, EU:C:2000:253, punt 65; tal‑20 ta’ Ġunju 2013, Agroferm, C‑568/11, EU:C:2013:407, punt 47, u tal‑10 ta’ Diċembru 2015, Veloserviss, C‑427/14, EU:C:2015:803, punt 30).

35      Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan huwa intiż sabiex tiġi żgurata l-prevedibbiltà tas-sitwazzjonijiet u tar-relazzjonijiet ġuridiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2015, Veloserviss, C‑427/14, EU:C:2015:803, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Fir-rigward tal-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ aspettattivi leġittimi, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-possibbiltà li dan il-prinċipju jiġi invokat hija miftuħa għal kull operatur ekonomiku li fil-konfront tiegħu awtorità nazzjonali tkun tat lok għal tamiet. Madankollu, fejn operatur ekonomiku prudenti u attent ikun f’pożizzjoni li jipprevedi l-adozzjoni ta’ miżura ta’ natura li taffettwa l-interessi tiegħu, huwa ma jistax jinvoka tali prinċipju jekk din il-miżura hija adottata. Barra minn hekk, l-operaturi ekonomiċi ma jistgħux ipoġġu l-aspettattivi leġittimi tagħhom fiż-żamma ta’ sitwazzjoni eżistenti li tista’ tinbidel fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet nazzjonali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ Settembru 2009, Plantanol, C‑201/08, EU:C:2009:539, punt 53, u tal-10 ta’ Diċembru 2015, Veloserviss, C‑427/14, EU:C:2015:803, punt 39).

37      Dawn il-prinċipji huma imposti b’ċerta rigorożità fil-każ ta’ leġiżlazzjoni li tista’ twassal għal konsegwenzi finanzjarji, sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jkunu jafu b’eżattezza l-portata tal-obbligu li jirriżultaw minnha (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Sudholz, C-17/01, EU:C:2004:242, punt 34, kif ukoll tat-13 ta’ Marzu 2008, Vereniging Nationaal Overlegorgaan Sociale Werkvoorziening et, C‑383/06 sa C‑385/06, EU:C:2008:165, punt 52).

38      Hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk leġiżlazzjoni nazzjonali hijiex konformi mal-prinċipji fundamentali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja, meta tagħti deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, hija biss kompetenti sabiex tagħti lill-qorti tar-rinviju l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni li jistgħu jippermettulha tevalwa din il-konformità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2009, Plantanol, C‑201/08, EU:C:2009:539, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-istabbiliment tal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna kkonċernata li jirriżultaw mill-programm ġdid tal-apikultura għall-perijodu 2017–2019, irregolat mir-Regolament Nru 4/2017, irriżulta f’żieda fin-numru ta’ kolonji tan-naħal meħtieġ għall-kisba ta’ din l-għajnuna u, min-naħa l-oħra, li l-programm preċedenti f’dan is-settur ingħalaq fil-31 ta’ Awwissu 2016.

40      Għalhekk, sabiex jiġi evalwat, fid-dawl tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, kemm in-natura prevedibbli tal-istabbiliment tal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna kkonċernata għall-perijodu l-ġdid, differenti minn dawk previsti fil-programmi preċedenti, kif ukoll l-applikazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet, mid-data tal-għeluq tal-programm tal-apikultura preċedenti, għall-persuni li jrabbu n-naħal li, f’din id-data, kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet ġodda stabbiliti, għandu jitfakkar, kif diġà ġie enfasizzat fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, li l-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 1308/2013 jagħti lill-Istati Membri setgħa diskrezzjonali wiesgħa għall-istabbiliment tal-programmi tal-apikultura ġodda għal perijodu ta’ tliet snin, “[b]il-ħsieb li jitjiebu l-kundizzjonijiet ġenerali għall-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti tal-apikultura”.

41      Minn dan isegwi li l-Istati Membri jistgħu, bħala prinċipju, jistabbilixxu kundizzjonijiet għall-għoti tal-imsemmija għajnuna għal perijodu ġdid, differenti minn dawk previsti fil-programmi preċedenti, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda n-numru ta’ kolonji tan-naħal meħtieġ, kif ukoll jistabbilixxu d-data minn meta l-persuni li jrabbu n-naħal jistgħu jibbenefikaw mill-għajnuna prevista mill-programm ġdid tal-apikultura, jekk huma jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti minnu.

42      F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li l-istabbiliment ta’ kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna kkonċernata għal perijodu ġdid differenti minn dawk previsti mill-programmi preċedenti, sabiex “jitjiebu l-kundizzjonijiet ġenerali għall-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti tal-apikultura”, skont l-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 1308/2013, ma jistax jikkostitwixxi avveniment imprevedibbli għall-applikanti għal din l-għajnuna.

43      Fir-rigward tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, il-persuni li jrabbu n-naħal ikkonċernati ma setgħux leġittimament jistennew li l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-għoti ta’ għajnuna fil-programmi tal-apikultura preċedenti jinżammu mill-programm adottat għall-perijodu l-ġdid.

44      Konsegwentement, il-persuni li jrabbu n-naħal li ma kinux jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet ġodda ma setgħux leġittimament jistennew li jkomplu jibbenefikaw mill-għajnuna mogħtija minn programm nazzjonali li ma kienx għadu fis-seħħ.

45      Barra minn hekk, peress li l-imsemmija kundizzjonijiet ġodda jippermettu lill-persuni li jrabbu n-naħal li jissodisfawhom li jingħataw l-għajnuna korrispondenti b’effett minn data preċedenti għal dik tad-dħul fis-seħħ tal-programm li jistabbilixxi dawn il-kundizzjonijiet, dawn jistgħu jitqiesu li huma ta’ natura li jippermettu li jintlaħaq l-għan li jikkonsisti f’li “jitjiebu l-kundizzjonijiet ġenerali għall-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti tal-apikultura”, stabbilit fl-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 1308/2013.

46      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li, bla ħsara għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, b’applikazzjoni tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 1308/2013, tistabbilixxi l-programm fis-settur tal-apikultura għal perijodu ġdid ta’ tliet snin, minn naħa, tistabbilixxi kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna f’dan is-settur differenti minn dawk previsti fil-programmi preċedenti, u, min-naħa l-oħra, tippermetti lill-persuni li jrabbu n-naħal jibbenefikaw mill-imsemmija għajnuna minn data preċedenti għal dik tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-leġiżlazzjoni, jekk huma jkunu jissodisfaw il-kundizzjonijiet ġodda previsti minnha.

 Fuq l-ispejjeż

47      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Bla ħsara għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, b’applikazzjoni tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007, tistabbilixxi l-programm fis-settur tal-apikultura għal perijodu ġdid ta’ tliet snin, minn naħa, tistabbilixxi kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna f’dan is-settur differenti minn dawk previsti fil-programmi preċedenti, u, min-naħa l-oħra, tippermetti lill-persuni li jrabbu n-naħal jibbenefikaw mill-imsemmija għajnuna minn data preċedenti għal dik tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-leġiżlazzjoni, jekk huma jkunu jissodisfaw il-kundizzjonijiet ġodda previsti minnha.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.