Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja) fis-7 ta’ Awwissu 2020 – Peek & Cloppenburg KG, irrappreżentata minn Peek & Cloppenburg Düsseldorf Komplementär B.V. vs Peek & Cloppenburg KG, irrappreżentata minn Van Graaf Management GmbH

(Kawża C-371/20)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Peek & Cloppenburg KG, irrappreżentata mis-soċju responsabbli personalment Peek & Cloppenburg Düsseldorf Komplementär B.V.

Konvenuta: Peek & Cloppenburg KG, irrappreżentata mis-soċju responsabbli personalment Van Graaf Management GmbH

Domandi preliminari

Azzjoni għall-promozzjoni tal-bejgħ hija “mħallsa” fis-sens tal-ewwel sentenza tal-punt 11 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29/KE 1 biss fil-każ fejn, għall-użu ta’ kontenut editorjali fil-media għall-finijiet ta’ promozzjoni tal-bejgħ, jingħata korrispettiv fi flus, jew inkella l-kunċett ta’ “ħlas” ikopri kull tip ta’ korrispettiv, indipendentement minn jekk jikkonsistix fi flus, f’oġġetti jew f’servizzi jew f’elementi oħra b’valur patrimonjali?

L-ewwel sentenza tal-punt 11 tal-Anness I tad-Direttiva 2005/29/KE tippreżupponi li l-professjonist jipprovdi lill-kumpannija ta’ media b’benefiċċju ta’ valur monetarju bħala korrispettiv għall-użu ta’ kontenut editorjali u, jekk iva, tali korrispettiv jeżisti wkoll fil-każ fejn il-kumpannija ta’ media tirrapporta dwar operazzjoni promozzjonali organizzata b’mod konġunt mal-professjonist, li fil-kuntest tagħha dan tal-aħħar ikun ipprovda drittijiet fuq l-immaġni lill-kumpannija ta’ media għall-finijiet ta’ dan ir-rapport, iż-żewġ impriżi ikunu kkontribwixxew fl-ispejjeż u x-xogħol tal-operazzjoni promozzjonali, u din isservi sabiex tippromwovi l-bejgħ tal-prodotti taż-żewġ impriżi?

____________

1     Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU 2005, L 149, p. 22, rettifika fil-ĠU 2006, L 114, p. 86).